Ħa nfaħħru u nqimu lill-Mulej bi kliemna u b’għemilna, f’kull ħin ta’ ħajjitna, b’kull mod possibli...

It-22 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Dewteronomju 4:1-2.6-8; Salm 14; San Ġakbu 1:17-18.21b-22.27; San Mark 7:1-8.14-15.21-23

Aqra’: Ġesu’ weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.

Riflessjoni: L-Evanġelista San Mark iwasslilna dan il-kliem iebes ta’ Ġesu’ għax kien konxju mir-riskju li fil-Knisja tidħol din l-qima ta’ wiċċ b’ieħor, u l-periklu t-tradizzjonijiet tal-bnedmin jiġu meqjusa bħala l-liġi ta’ Alla. L-osservanza stretta ta’ regoli ċari jġal lill-bniedem iħossu li qed jaqdi dmiru billi jagħmel l-inqas possibli, kemm kemm ma jiksirx r-regola, hekk iħossu ġust quddiem Alla; u saħansitra jħoss li Alla huwa b’xi mod midjun lejh. Bniedem bħal dan jinsa li l-qofol tal-liġi t’Alla hija mibnija fuq l-imħabba ġenwina, minn ġewwa, lejn Alla u l-proxxmu. Min iħobb vera jivvinta x’ser jagħmel biex iħobb iżjed, juża’ l-immaġinazzjoni tiegħu, juri attenzjoni, u jkun preżenti għall-proxxmu b’mod totali u inkondizzjonat. F’kelma waħda: imur ‘l hinn minn dak li hu mitlub minnu. Dan għaliex il-bżonnijiet tan-nies jinbidlu, u min iħobb kull darba jistaqsi lilu nnifsu x’hemm bżonn li jagħmel iżjed jew differenti skont il-bżonnijiet tal-proxxmu tiegħu. Ir-reliġjon li ġejja mill-qalb tista tiġi pprattikata minn dawk li laħqu fidi matura u adulta, dawk li huma liberi, sinċiera u miftuħin għad-dawl ta’ Kristu u ta’ l-Ispirtu. Dawk li għadhom “trabi fi Kristu” (1 Korintin 3:1) jibżgħu mir-riskju; jippreferu li jkollhom regoli preċiżi u detaljati, waqt li f’qalbhom iħossu li din it-tip ta’ reliġjon ibbażata fuq r-regoli ma tħallihomx ikunu liberi, ma jitrassmettux ferħ u paċi interna, imma biss tensjonijiet u ansjetajiet.

Itlob: Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek? Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb, min jgħid is-sewwa f’qalbu; min ma jqassasx bi lsienu. Min ma jagħmilx deni lil ġaru, u ma jgħajjarx lil għajru; min ma jistmax lill-bniedem ħażin, imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. Min jislef u ma jitlobx imgħax, u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija. Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. (Salm 14)

Agħmel: Ħa niżvujtaw lilna nfusna mis-superfiċjalita’, minn legaliżmu vojt, minn repetizzjonijiet bla ħajja. Ħa nfaħħru u nqimu lill-Mulej bi kliemna u b’għemilna, f’kull ħin ta’ ħajjitna, b’kull mod possibli.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.