Mulej l-aħħar kelma hi tiegħek. Kompli kellimna...

Il-21 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġożwe’ 24:1-2a.15-17.18b; Salm 33; Efesin 5:21-32; San Ġwann 6:60-69

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù tkellem fuq il-ħobż tal-ħajja. Ħafna dixxipli tiegħu, meta semgħuh, qalu: “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?”. Ġesù ntebaħ waħdu li d-dixxipli tiegħu kienu qegħdin igergru fuq hekk, u qalilhom: “Dan il-kliem qiegħed ifixkilkom? Mela xi tgħidu kieku kellkom taraw lil Bin il-bniedem tiela’ fejn kien qabel? Hu l-Ispirtu li jagħti l-ħajja, il-ġisem ma jiswa għal xejn. Il-kliem li jiena għedtilkom huwa spirtu u ħajja. Iżda hemm xi wħud fostkom li ma jemmnux”. Għaliex Ġesù kien jaf sa mill-bidu min kienu dawk li ma emmnux u min kien dak li kellu jittradih. U ssokta jgħidilhom: “Kien għalhekk li jiena għedtilkom li ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier ma jagħtihx li jiġi.” Minn dakinhar bosta mid-dixxipli tiegħu telquh u ma baqgħux imorru warajh. Imbagħad Ġesù qal lit-Tnax: “Tridux titilqu intom ukoll?”. Wieġbu Xmun Pietru: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”.

Riflessjoni: Ninsabu fl-aħħar parti tal-Kapitlu 6 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, kapitlu li beda bil-miraklu tat-tqassim tal-ħobż u kompla bid-diskors ta’ Ġesu’ f’Kafarnaum. Il-Lhud li kienu jfittxu lil Ġesu’ bħala dak li jagħmel il-mirakli, huma issa ffaċċjati b’għażla radikali li jridu jagħmlu: jew li jibqgħu jgħixu bħal ma dejjem għamlu, billi jkomplu jadattaw irwieħhom skont l-għerf ta’ din id-dinja, u jikkuntentaw ruħhom bil-ħobż materjali, jew jagħmlu qabża kbira ta’ kwalita’, billi jaċċettaw l-Evanġelju, li huwa l-ħobż tal-ħajja. Din hija sfida li qed titpoġġa lilna wkoll llum: irridu nagħżlu f’min nemmnu u x’irridu nemmnu. Li temmen fl-Evanġelju jfisser taċċetta kliem bħal: “Dik il-mara mhix tiegħek”, “Ħobb l-għedewwa tiegħek”, “Rodd lura dak li sraqt”, “Iġġemmax teżori fuq din l-art”, “Dan hu ġismi, dan hu demmi”. X’ser nagħmlu quddiem “ħobż tal-ħajja” bħal dan? Ser ngħidu: “Iebes dan il-kliem” u nitilqu lil Ġesu’, jew bħal San Pietru ser ngħidu bil-fidi: “Mulej, għand min immorru? Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem, u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla”?

Itlob: Mulej l-aħħar kelma hi tiegħek. Kompli kellimna...imqar iebes Mulej. Għax int biss tista toħroġna minn dar il-jasar, tagħmel quddiemna ħwejjeġ kbar, tħarisna matul it-triq.

Agħmel: “Għalhekk issa ibżgħu mill-Mulej, u aqduh bir-reqqa u l-fedelta’; warrbu l-allat li missirijietkom qdew lil hemm mix-xmara u fl-Eġittu u aqdu l-Mulej. U jekk ma jogħoġobkomx taqdu l-Mulej, għażlu llum lil min tridu taqdu” (Ġożwe’ 24:14-15)

 


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.