Fil-festa tal-lum, aħna għandna quddiemna mudell ta’ dik li baqgħet dejjem tafda f’Alla...Marija

L-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa s-Sema

Apokalissi 11:19a; 12:1-6a.10ab; Salm 44; 1 Korintin 15:20-26; Luqa 1:39-56

Aqra’: Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

Riflessjoni: Quddiem ir-realta’ tal-mewt u t-tħassir tal-ġisem fil-qabar, irid ikollna ħafna kuraġġ biex nemmnu li l-Mulej huwa Alla tal-ħajjin u biex nittamaw f’ħajja oħra ‘l hinn minn din il-ħajja li qed ngħixu issa. Fil-festa tal-lum, aħna għandna quddiemna mudell ta’ dik li baqgħet dejjem tafda f’Alla...Marija. Il-qariba tagħha Eliżabetta tgħidilha: “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Marija twieġeb b’innu ta’ tifħir lill-Mulej: il-Magnificat. Kull filgħaxija fil-Għasar (it-Talb ta’ Filgħaxija tal-Liturġija tas-Siegħat), il-Knisja tkanta dan l-innu. Dan isir biex f’dawk li jemmnu, probabilment ippruvati minn dak li jgħaddu minnu matul il-ġurnata, tibqa ħajja il-ħarsa tal-fidi li permezz tagħha Marija kienet kapaċi tħares u taqra dak li kienet għaddejja minnu fil-ħajja, u l-istorja tal-poplu tagħha. Marija tiżgurana li mhux biss issa, imma għal dejjem, għal eternita’, Alla jibqa’ dejjem fidil. Qatt mhu ser imur lura mill-patt ta’ mħabba magħna, u żgur mhux ser jabbandunana fil-mument tal-mewt.

Itlob: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha.

Agħmel: Bħal Marija ħa ngħixu bil-fidi u mhux b’dak li naraw bl-għajnejn tal-ġisem (Ara 2 Korintin 5:7)


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.