Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina!

Is-17-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Slaten 4:42-44; Salm 144; Efesin 4:1-6; Ġwanni 6:1-15

Aqra’: Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”. Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Riflessjoni: Mis-sinjali kollha li għamel Ġesu’, l-ebda wieħed ma ġie rrakuntat tant drabi daqs il-miraklu tal-ħobż. L-Evanġelisti kollha jirrakuntaw din il-ġrajja. Imma huwa biss l-Evanġelista San Ġwann li jsemmi t-tfajjel li kellu “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar”. Dan it-tfajjel kien lest li jaqsam il-ftit ikel li kellu, inkluż “il-ħobż tax-xgħir”, li kien it-tip ta’ ħobż li kienu jieklu l-fqar. It-tfajjel huwa il-mudell ta’ kif għandu jkun id-dixxiplu ta’ Ġesu’, in-nisrani: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Mark 10:15). It-tfajjel fqir jirrapreżenta d-dixxiplu msejjaħ biex jaqsam ma’ ħutu dak kollu li għandu, anke jekk hu ftit. Il-ġenerożita’ ta’ dan it-tfajjel kienet iċ-ċavetta biex sar il-miraklu tal-qsim tal-ħobż. Id-dixxiplu jwarrab l-egoiżmu tiegħu, billi jirbaħ ir-regħba għall-flus u l-ġid li “hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Timotju 6:10). Huwa jilqa’ l-loġika tas-Saltna ta’ Alla u jaqsam ma’ l-aħwa dak li jkollu u hemmhekk iseħħ il-miraklu: kulħadd kiel u xebgħa, u baqa’ ż-żejjed ukoll. Hekk id-dixxiplu, jien u int, nidħlu fil-pjan ta’ Alla li jrid iħaddem il-providenza tiegħu permezz tagħna.

Itlob: Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina!

Agħmel: Ħa nagħmlu il-parti żgħira tagħna għall-ġid tal-oħrajn f’dik li hija presenza, kontribuzzjoni, organizzazzjoni. Il-bqija nħalluh f’idejn il-Mulej biex jipprovdi Hu.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.