“Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” Ħa inqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej u fih nafdaw il-futur kollu tagħna.

Il-12-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġob 38,1.8-11; Salm 106; 2 Korintin 5,14-17; Mark 4, 35-41

Aqra’: U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”. Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Riflessjoni: Xi drabi tant jiġru disgrazzji, u tant naraw ħażen u nkwiet, li jagħtina li naħsbu li Kristu raqad. Il-misteru tal-ħażen ma jistax jiġi spjegat bir-raġuni, għax kieku Ġesu’ kien jispjegah. Meta l-istorja tad-dinja tasal fi tmiemha, inkunu nistgħu nifhmu dan il-misteru. Madanakollu għall-akkuża li ssirlu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu”, il-Mulej ma joqgħodtx jargumenta, imma joqgħod fl-istess dgħajsa tal-ħajja tagħna. Nistgħu nkunu mitfugħin ‘l hemm u ‘l hawn mit-tempesta, imma huwa jinsab fid-“dgħajsa” magħna. Mal-fqir, il-Mulej esperjenza il-faqar; mal-imarġinat esperjenza iċ-ċaħda u l-emarġinizzazzjoni; mal-persuni diżappuntati qasam l-esperjenza li ma jifhmuhx u d-dmugħ; mal-persuni traduti esperjenza l-qrusa ta’ min jispiċċa waħdu u abbandunat; mal-oppressi bata’ l-inġustizzji; u mal-persuni kkundannati esperjenza l-biża’.

Madanakollu aħna nibqgħu naħsbu li hu rieqed. Bit-talba tagħna aħna nkunu nixtiequ li nqajmuh u nisfurzawh biex jagħmel xi ħaġa għalina. Imma hu ġa mqajjem. Sempliċement għandu viżjoni differenti tal-periklu u kif wieħed jiffaċċjah. Jitlob minna fiduċja bla ebda kundizzjoni. Veru li ninsabu mitfugħin ‘l hemm u ‘l hawn bil-mewġ, imma anke meta ma nindunawx, huwa jinsab jakkumpanjana.

Itlob: Mulej inti qatt ma wegħedtna li l-ħajja ser tkun mingħajr tempesti. Biss wegħdtna li inti ser tkun fl-istess dgħajsa magħna meta jqumu dawn it-tempesti. Agħtina l-qawwa u l-fidi biex waqt it-tempesti tal-ħajja nitfgħu l-ħarsa tagħna lejk b’fidi sħiħa.

Agħmel: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” Ħa inqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej u fih nafdaw il-futur kollu tagħna.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.