Quddiem l-Ewkaristija kulħadd huwa fuq l-istess livell...lkoll mistiednin biex nidħlu f’komunjoni ma’ Kristu

It-Tifkira tal-Ġisem u tad-Demm Ta’ Kristu

Eżodu 24:3-8; Salm 115; Lhud 9:11-15; San Mark 14:12-16.22-26

Aqra’: Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista niekol l-ikla ta’ l-Għid mad-dixxipli tiegħi?”. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna”.

Riflessjoni: L-Ewkaristija hija l-ikel tal-komunita’, hija ħobż li jitqassam lill-aħwa, għaliex il-komunita’ hija sinjal ta’ umanita’ ġdida, li twieldet bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Il-bieb “tal-kamra kbira fuq imgħammra u lesta” li jitkellem minnha Ġesu’, huwa miftuħ beraħ għal kulħadd biex jidħol. L-ikla tas-saltna ta’ Alla, imħabbra mill-profeti, hija mhejjija “għall-popli kollha” (Is 25:6). Kulħadd huwa milqugħ għaliha, ħadd mhu eskluż. Għal Alla mhemmx min hu safi jew min hu mniġġeż, minn jistħoqqlu u min ma jistħoqqlux; quddiem l-Ewkaristija kulħadd huwa fuq l-istess livell; lkoll midinbin, lkoll ma jistħoqqilnhiex, imma lkoll mistiednin biex nidħlu f’ komunjoni ma’ Kristu.

Il-ħobż huwa Kristu u l-kalċi ta’ demmu joħloq komunita’ ta’ aħwa ma’ Kristu u ma’ xulxin, biex hekk jifforma poplu ġdid li l-unika liġi tiegħu hija s-servizz lill-aħwa sal-punt li bħal Kristu, jagħtu ħajjithom bħala “ikel” li jissodisfa kull forma ta’ ġuħ tal-bnedmin.

Itlob: Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew, Ġesu’ tagħna, ħenn għalina; Int itmagħna u ħarisna: Inti lilna l-ġid urina fl-art imbierka tal-ħajjin.

Agħmel: “Kull min jemmen li jitmantna bil-Ġisem mogħti għalih, u bid-Demm li nxtered għalih, jikseb il-qawwa biex, min-naħa tiegħu, jibdel lilu nnifsu f’don, kif jgħid Santu Wistin: ‘Kun dak li tirċievi, u rċievi dak li int’ (Diskors 272,1)” (San Ġwanni Pawlu II)


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.