Bħall-Maġi ngħarfu li l-għaref tassew ma jingħalaqx fih innifsu, imma jinfetaħ għal Alla.

L-Epifanija tal-Mulej

Isaija 60:1-6; Salm 71; Efesin 3:2-3a.5-6; Mt 2:1-12

Aqra’: “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” “Il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali, deheb, inċens u mirra”.

Itlob: “Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk: jgħidu dejjem ‘Kbir il-Mulej!’ dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek” (Salm 40, 17)

Riflessjoni: Fil-Milied l-Iben ta’ Alla ġie jiltaqa magħna. Fl-Epifanija huwa aħna li rridu niċċaqalqu biex infittxuh. Il-Maġi fittxuh u sabuh. Ġesu’ biddilhom…marru pagani u telqu nsara. Hekk jagħmel magħna. Huwa ma jistenniex minna li nagħtuh rigali ta’ deheb, inċens u mirra, imma jistenna minna li nagħtuh moħħna billi nibdew naħsbuha kif jaħsibha Hu, billi kull deċiżjoni li nieħdu, neħduha qisu qed jeħodha Hu. U meta nagħtuh moħħna, Hu jagħtina qalbu…inħobbu, nagħdru, inservu, u naħfru bil-qalb tiegħu. Jekk nagħmlu mqar pass wieħed ‘il quddiem kuljum lejh, Hu jibda jibdilna. Dak inhar tkun l-Epifanija tal-Mulej għalina.

Agħmel: Fil-bidu ta’ sena ġdida nimpenjaw ruħna biex bl-għajnuna ta’ Alla, kull ma nagħmlu nagħmluh fid-dawl tal-Vanġelu. Bħall-Maġi ngħarfu li l-għaref tassew ma jingħalaqx fih innifsu, imma jinfetaħ għal Alla.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.