Ma’ Marija nitolbu lill-Mulej li jsir minna skont kelmtu.

Ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

2 Sam 7, 1-5. 8b-12. 14a.16; Salm 88; Rum 16, 25-27; Lq 1, 26-38

Aqra’: “Mur u għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Meta inti ttemm żmienek u tkun striħajt ma missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ minn ħdanek. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi”. “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesu’. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru”.

Itlob: Ma’ Marija nitolbu lill-Mulej li jsir minna skont kelmtu.

Irrifletti: Bħal Marija, aħna wkoll sibna grazzja quddiem Alla. Huwa kellu fiduċja f’ Marija u permezz tagħha ridt li jiġi fostna s-Salvatur. Forsi l-pjan t’ Alla għalina mhux daqshekk kbir, imma xorta Alla jrid jagħmel lilu nnifsu preżenti fina u f’oħrajn permezz tagħna. Aħna bħal Marija, ħolqa f’katina tal-pjan ta’ Alla. Ara sakemm wasal is-Salvatur permezz ta’ Marija, kemm daħlu nies fil-katina tal-pjan ta’ Alla: “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem”.

Agħmel: Kull ħliqa umana hija msejħa biex twelled lil Alla. Staqsi lilek innifsek “Kif u fejn nista nwelled lil Kristu f’ħajti u f’ħajjiet ta’ ħaddieħor?”


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.