Nitolbu lil Ġesu’ jiġi, iġedded lill-qalbna, u jagħmel li qalbna ġġorr il-ferħ

It-Tielet Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

Is 61, 1-2a, 10-11; Lq 1, 46-50, 53-54; 1 Tess 5, 16-24; Ġw 1, 6-8, 19-28

Aqra’: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’ Alla tiegħi”. “L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’ Alla, is-Salvatur tiegħi”. “Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox”. “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ma kienx hu d-dawl, imma biex jixhed għad-dawl”.

Itlob: Nitolbu lil Ġesu’ jiġi, iġedded lill-qalbna, u jagħmel li qalbna ġġorr il-ferħ, għax il-ferħ tiegħu huwa il-qawwa tagħna.

Irrifletti: F’dan iż-żmien ta’ pandemija, jista jkun li hawn min ma jridx jisma b’ferħ. F’dan id-dlam, Ġesu’ xorta irid ikun id-dawl li jdawlilna l-ħajja tagħna biex ikollna l-ferħ. San Ġwann Battista jgħid: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”. Biex nagħarfu l-Kristu bħala Dawl, hija neċessarja  xhieda ta xi ħadd bħal Ġwanni l-Battista, li kien kapaċi jgħaraf l-identita tiegħu li kien sempliċement leħen li jwassal il-messaġġ li l-Mulej ġej. Min ma jagħrafx verament min hu...min ma jagħrafx li kull ħaġa tajba li għandu ġejja minn Alla, u jibqa jqiegħed it-tama tiegħu fil-merti u fl-isforzi tiegħu, minflok fuq it-tjieba u l-fedelta ta’ Alla, ma jistax jilqa lil Kristu li ġej, iġġarrab il-ferħ tiegħu, u jagħti xhieda tiegħu.  

Agħmel: Fejn hemm il-qtiegħ il-qalb, nagħtu xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju li jġibilna Ġesu’.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.