L-Għid: Tifsira ġdida lil dak li għaddejjin minnu

L-Għid: Tifsira ġdida lil dak li għaddejjin minnu

Fid-dinja kollha, fl-għodwa tal-Għid, permezz tal-Mass Media u tas-Social Media, ser titwassal l-Aħbar it-Tajba tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, lil miljuni ta’ nies. Din l-aħbar tal-Għid, din is-sena ser titwassal, kif ilkoll nafu, fi żmien partikulari ħafna, minħabba l-Covid-19. Dawn il-messaġġi ser jaslu lil nies li huma morda, imbeżżgħin, b’qalbhom maqtugħa, f’solitudni, magħluqin f’darhom, nies li għaddejjin minn tbatija u tħassib, minħabba li qed jaraw il-mezzi finanzjarji tagħhom sejrin lura, nies li tilfu x-xogħol jew il-post tagħhom tax-xogħol huwa inċert. Ser tasal lil ħafna nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, saċerdoti li jservu fl-isptarijiet, nies li jaħdmu fil-qasam tal-ordni pubblika, ġurnalisti, voluntiera ta’ diversi NGO’s li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu f’sitwazzjoni diffiċli. Insomma wasal l-Għid u l-virus għadu magħna! U ma nafux kemm ser idum!

Il-messaġġ tal-Għid lil kulħadd huwa wieħed: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia.

Dan huwa messaġġ profond ta’ barka: li kif deher fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-imħabba ta’ Alla hija ikbar minn kull ħaġa oħra li nistgħu nsibu ruħna fiha, li r-rebħa tal-aħħar hija ċerta. L-aħbar it-tajba tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ma tfissirx li ser jitwarrbu l-vulnerabbiltajiet tagħna fil-ġenb, qisu mhux ser ninkwetaw iktar. Imma issa, bir-rebħa aħħarija tal-imħabba ta’ Alla fuq kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha, is-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna jsiru parti minn storja ikbar ta’ salvazzjoni.

Fis-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, l-enfasi hija fuq il-ftit ħin meta dehru l-ewwel indikazzjonijiet tal-Qawmien. Tliet persuni pprivileġġati jkollhom l-ewwel laqgħa ma’ realtà ta’ ġrajja ta’ sinifikat enormi.

Nibdew b’Marija ta’ Magdala, fl-Evanġelju skont San Ġwann narawha tibki ħdejn il-qabar. Imma fis-silta li naqraw f’Ħadd il-Għid filgħodu, naqraw li qabel, kienet waslet u sabet il-blata mneħħija mill-qabar. Hija, minflok daħlet fil-qabar biex tara x’ġara, marret tiġri għand Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub biex tgħidilhom: “Neħħew lill-Mulej Sidi mill-qabar, u ma nafx fejn qegħduh.”

Kienet maħkuma mid-dwejjaq u mill-biża’. Hija kienet semgħet kemm-il darba lil Ġesù jitkellem fuq li kellu jbati, imut, imbagħad iqum mill-imwiet; imma ma kinitx għadha fi stat li setgħet tifhem mill-ewwel il-kobor tal-ġrajja li kienet seħħet. Imma d-dmugħ tagħha juri l-imħabba li kellha; id-dmugħ tagħha kellu valur u tifsira. Billi kellha din l-imħabba għall-Mulej, imħabba li wriet bid-dmugħ li xerrdet, kienet malajr ħa tasal biex tifhem fil-fond dak kollu li kien ġara.

Imbagħad għandna lil Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub. Ħafna jistaqsu għaliex l-Evanġelista qagħad jidħol fid-dettall ta’ min wasal l-ewwel ħdejn il-qabar u min daħal l-ewwel fil-qabar. Waħda mit-tifsiriet li tingħata għal dan hija li d-dixxiplu l-maħbub, barra li huwa persuna, jisinifika l-imħabba: hija l-imħabba li tasal l-ewwel. U bl-imħabba li issa ssib postha, Xmun Pietru li jirrappreżenta l-Knisja, jista’ jidħol hu l-ewwel fil-qabar. Dak li kien importanti għal Pietru kien li jara l-evidenza. Imma jibqa’ dejjem il-fatt li d-dixxiplu l-maħbub, dak li l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù kien iħobb, iħoss li hemm xi ħaġa ta’ kobor enormi li seħħet u jemmen.

Tliet persuni differenti, tliet reazzjonijiet differenti quddiem l-istess realtà. Illum skont il-lingwa tal-istatistika ngħidu li meta qed nitkellmu fuq tliet persuni, għandna sample rappreżentattiv żgħir wisq. Imma anke dan is-sample żgħir jirrifletti l-modi differenti kif in-nies jirreaġixxu għall-istess aħbar: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia!

Ir-realtajiet tal-ħajja huma dawk li huma. L-aħbar glorjuża tal-Qawmien ma twarrabhomx ’l hemm minna. Imma din l-aħbar it-tajba tibqa’ tgħidilna xi ħaġa f’kull sitwazzjoni. Anke fis-sitwazzjoni li qegħdin għaddejjin minnha tal-Covid-19! Huwa fatt minn dejjem, li proprju minn dik il-għodwa tal-Għid, li ġrat ’il fuq minn elfejn sena ilu, joħroġ is-serħan tar-ras tagħna.

Ħadd u xejn ma jista’ jbiddel din ir-realtà tal-Qawmien. Realtà li hija ikbar ħafna minn kull sitwazzjoni personali jew kollettiva li nistgħu nkunu għaddejjin minnha. Hija realtà li tagħti tifsira ġdida lil kull sitwazzjoni umana. Il-mewt u d-dnub intrebħu! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia! Alleluia!

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.