Fil-mixja tiegħek lejn il-qdusija, sieħeb miegħek l-Ispirtu s-Santu billi titlob izjed.

Is-Sitt Ħadd il-Għid

Atti 15, 1-2, 22-29; Salm 66; Apokalissi 21, 10-14, 22-23; San Ġwann 14, 23-29.

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu. Min ma jħobbnix ma jħarisx kliemi. U l-kelma li qegħdin tisimgħu mhijiex tiegħi, imma tal-Missier li bagħatni. Għedtilkom dan meta għadni magħkom. Imma d-Difensur, l-Ispirtu s-Santu, li l-Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is-sliem; nagħtikom is-sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id-dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. Smajtu x’għedtilkom: ‘Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom’. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel jseħħ, biex meta jseħħ temmnu”.

Riflessjoni: Ġesu’ qal kulma kellu jgħid; ma ħalla xejn barra. Biss hemm bzonn li l-Ispirtu jibqa’ jgħallem. Ġesu’ ma setax jispjega l-konsegwenzi kollha u l-applikazzjoni fil-prattika tal-messaġġ tiegħu. “Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’”. Ġesu’ jassigurana li d-dixxipli dejjem ser isibu tweġibiet għall-mistoqsijiet li jqumu quddiem ċirkostanzi ġodda li jinqalgħu fil-ħajja. Jagħtihom tweġibiet skont it-tagħlim tiegħu, jekk ikunu jafu kif jisimgħu l-kelma tiegħu u jzommu ruħhom f’armonija mat-tqanqil tal-Ispirtu prezenti fihom. Id-dixxipli irid ikollhom ħafna kuraġġ biex jimxu fuq l-istruzzjonijiet tiegħu, għaliex ħafna drabi Huwa jitlob tibdil ta’ direzzjoni li ma jkunux qegħdin. Imma l-Ispirtu ma’ jgħallem xejn jekk mhux l-Evanġelju ta’ Ġesu’. L-Ispirtu jgħallem b’mod dinamiku, isir impuls intern, imexxi fid-direzzjoni t-tajba, jistimula it-tajjeb, imexxi lejn it-teħid ta’ deċizjonijiet konsistenti mal-Vanġelu.

It-tieni rwol tal-Ispirtu s-Santu huwa li jfakkar. Hemm ħafna kliem ta’ Ġesu’ li minkejja li qegħin fil-vanġelu, hemm ir-riskju li jintesew jew ma jissemmewx.  Dan jiġri speċjalment fil-kaz ta’ dawk l-proposti evanġeliċi li mhux faċli tassimlhom għax jidhru li huma kontra s-sens komun tad-dinja. Kif jista jkun per ezempju li d-dixxipli ta’ Kristu jistgħu jinsew il-kliem tal-Imgħallem jipprojbixxi kull forma ta’ vjolenza lejn l-aħwa? Imma hi xi ħaġa li tiġri kemm ‘il darba. Hawn jidħol l-Ispirtu s-Santu biex ifakkar lid-dixxipli fil-kliem ta’ Ġesu’: “Ħobb l-għedewwa tiegħek, agħmlu il-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min izeblaħkom...” (Lq 6:27-29).

Itlob: Mulej fittex ibgħatilna l-Ispirtu Difensur ħa jfakkarna l-attitudnijiet li ppruvajt tgħallimna int.

Agħmel: Fil-mixja tiegħek lejn il-qdusija, sieħeb miegħek l-Ispirtu s-Santu billi titlob izjed. Għix il-frott tiegħu: imħabba, ferħ, sabar, ġentilezza, tjubija...


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.