L-imħabba vera tħares mhux lejn in-nuqqas ta’ dak li jkun, imma lejn il-ħtieġa ta’ dak li jkun.

Il-5 Ħadd tal-Għid

Atti 14, 21-27; Salm 144; Apokalissi 21, 1-5a; San Ġwann 13, 31-33a, 34-35

Aqra’: Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”. 

Riflessjoni: F’din is-silta tal-Evanġelju smajna ħafna l-kelma “gglorifikat”. Għalina il-kelma “gglorifikat jew “tiġi gglorifikat”, tfisser li wieħed jikseb l-approvazzjoni u t-tifħir tan-nies. Għal Ġesu’ tfisser mod ieħor. Ġesu’ huwa gglorifikat meta Ġuda telaq mill-ikla biex jifthiem mal-qassisin il-kbar kif ser iwaqqaf lill-Imgħallem. Huwa f’Ġesu’ li jmur għall-passjoni u l-mewt tiegħu, li jerħi ruħu f’idejn dawk li riedu joqtluh, u li huwa msammar mas-Salib, li tidher il-glorja ta’ Alla. Ġesu’ jagħmilha ċara f’hiex tikkonsisti l-glorja tiegħu: “Is-siegħa waslet għal Bin il-bniedem li jkun glorifikat...jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, tibqa’ waħedha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott” (Ġw12:23-24). Il-glorja tiegħu hija l-mument meta huwa juri lid-dinja kemm hi kbira l-imħabba ta’ Alla għall-bniedem billi jagħti ħajtu għall-bniedem. Din hija l-unika tip ta’ glorja li huwa jwiegħed ukoll lid-dixxipli tiegħu. Mela jekk irridu nkunu verament dixxipli ta’ Ġesu’ rridu nfittxu t-tip ta’ glorja ta’ Ġesu’...dik li tiġi mill-għotja tagħna nfusna lill-oħrajn fl-imħabba.

Itlob: Kull ma għamilt iroddlok ħajr, Mulej, u ħbiebek iberkuk; is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru, fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu (Salm 144)

Agħmel: : Il-Mulej jgħidilna: “Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll intom ħobbu lil xulxin”. U kif ħabb Hu? Baqa’ jħobb lil Ġuda li ttradih, lil Pietru li ċaħdu, lill-Appostli li abbandunawh. L-imħabba vera tħares mhux lejn in-nuqqas ta’ dak li jkun, imma lejn il-ħtieġa ta’ dak li jkun.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.