Mulej, ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx.

It-Tieni Ħadd il-Għid

Atti tal-Appostli 5:12-16; Salm 117, Apokalissi 1:9-11a.12-13.17-19; San Ġwann 20:19-31

Aqra’: Dakinhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom”. Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma”. Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna lill-Mulej”. Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx”. Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!”. Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara jdejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen”. Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu”.

Riflessjoni: Il-paċi hija teżor li dejjem nixxenqu għaliha fina nfusna, fil-familji tagħna, fis-soċjeta’ tagħna. Għax x’sens fiha l-ħajja jekk ma ngħixux fis-sliem u l-paċi. Il-ġlied, il-gwerer kull ma jġibu ħafna tbatija lil ħafna nies. Bħalissa li qed naraw quddiemna ta’ kuljum l-konsegwenzi tal-gwerra fl-Ukrajna...tbatija enormi, mewt ta’ nies innoċenti, għandna xewqa kbira li ssaltan il-paċi fid-dinja. Imma l-paċi donna tidher ‘il bogħod. U kultant toħroġ il-karba minn qalbna: Mulej fejn inti f’dan kollu? Imma hemm bżonn li nibqgħu nemmnu: “Ħenjin dawk li ma rawx u emmnu”. Ħafna drabi ma narawx il-Mulej fiċ-ċirkostanzi iebsin tal-ħajja. Illum qed naraw lil Ġesu’ li minkejja li rebaħ id-dnub u l-mewt, fil-ġisem glorjuż tiegħu għadu jġorr il-marki tal-ġrieħi tal-passjoni li ġew mill-ħażen tal-bniedem...mill-għira, mir-regħba, mis-suppervja, mill-għatx għall-poter, mit-tradiment. Il-Mulej rxoxt jaf bil-konsegwenzi li jġib il-ħażen ta’ xi bnedmin fuq bnedmin oħra. Irridu nkomplu nemmnu li l-Mulej jinsab ma’ min qed ibati. Ma nifhmux, ma narawx, imma rridu nibqgħu nemmnu. Ħenjin dawk li ma jarawx u jemmnu. Inkomplu nitolbu għall-paċi u nagħmlu li nistgħu biex inkomplu ngħinu lil dawn in-nies li qegħdin ibatu.

Itlob: O Ġesu’ l-iktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik jew ma jafukx. Agħmel lir-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna, ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u la tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

Agħmel: Kieku aħna wkoll nafdaw ftit iżjed lil xulxin, kieku ma nkejlux il-ġejjieni biss bl-imgħoddi, kieku nemmnu li bidu ġdid hu possibli għal kulħadd..kieku l-paċi mhix il-lussu li rrendejnieha.


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.