Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-18 ta’ matul is-sena liturġika A

Isaija 55:1-3; Salm 144; Rumani 8:35, 37-39; Mattew 14:13-21

Aqra’: Il-kotra tan-nies kompliet timxi wara Ġesu’ waqt li kien ifejjaqhom u jgħallimhom. Hawnhekk jitma l-kotra tan-nies…ikla li tirraffigura l-ikla ta’ l-Ewkaristija.

Irrifletti: Il-Poplu għandu bżonn ikun mitmuħ l-ikel tal-verita’ kif ukoll il-ħobż. X’kien il-miraklu hawnhekk: il-multiplikazzjoni tal-ħobż u l-ħut, jew l-eżempju li ta’ Ġesu’ li taqsam dak li għandek ma’ ħutek il-bnedmin l-oħra fil-bżonn? Tista’ l-Ewkaristija teżisti barra ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa?

Itlob: Meta jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, in-nisrani jimpenja ruħu li jkompli jgħix l-Ewkaristija barra mill-Quddiesa. It-talb flimkien mas-saċerdot u l-komunita’ nisranija fil-Quddiesa, isib il-milja tiegħu fl-għixien tat-tagħlim ta’ Ġesu’ fil-ħajja ta’ kuljum.

Agħmel: Permezz tad-dixxipli tiegħu - li tahom il-ħobż biex iqassmuh – Ġesu’ stess huwa dak li jibqa’ jitma lin-nies ta’ kull żmien u post. Osserva l-mumenti ewkaristiċi fil-familja u mal-ħbieb, li jsiru barra mill-Quddiesa.


Is-17 il-Ħadd matul is-Sena A

Slaten 3:5.7-12; Salm 118; Rum 8:28-30; Mattew 13:44-52

Aqra’: Lil dawk li hu għarafhom mill-bidu, ippredestinahom ukoll biex jiieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu, ħalli dan ikun il-kbir fost ħafna aħwa; lil dawk li ppredestinahom, sejħilhom ukoll; lil dawk li sejħilhom, iġġustifikahom ukoll; lil dawk imbagħad li ġġustifikahom, igglorifikahom ukoll.

Irrifletti: Alla jagħtina teżor prezzjuż - l-għerf u d-dehen tiegħu - biex nagħmlu affarijiet kbar għall-ikbar glorja tiegħu!

Itlob: Ħa nkunu nafu li s-sejħa u l-konsagrazzjoni tagħna mhumiex privileġġi imma sfidi biex naslu għall-għan aħħari: il-ħajja ta’ dejjem.

Agħmel: Santu Wistin igħid li dak li aħna huwa t-teżor li Alla tana, dak li nagħmlu minnha nfusna huwa t-teżor tagħna lil Alla. X’tip ta’ teżor qed nagħmlu minnha nfusna?


Is-16 il-Ħadd tas-Sena Liturġika A

Għerf 12, 13.16-19; Salm 85; Rum 8, 26-27; Mt 13, 24-43

Aqra’: Alla tagħna huwa Alla ta’ ħniena, saħħa, ġustizzja, prudenza, u paċenzja. Fin-nuqqas ta’ ħila tagħna, l-Ispirtu ta’ Alla jidħol għalina bit-talb tiegħu. Ġesu’ jispjega il-perfezzjonijiet varji ta’ Alla permezz tal-parabboli tas-Saltna.

Itlob: Ħa nħaddnu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin li hemm fina u anke fl-oħrajn. B’hekk inkunu nies li nġibu rikonċiljazzjoni magħna nfusna u mal-oħrajn.

Irrifletti: Ħafna drabi aħna nsibu ruħna imbarazzati bil-ħażin li nagħarfu li hemm ġewwa fina. Kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin jeżistu ġewwa fina.  Il- ħażin fina idejjaqna u nippruvaw neqirduh. Forsi rridu nuru iktar kompassjoni magħna nfusna: ħa naċċettaw lilna nfusna kif aħna bit-tajjeb u l-ħażin li hemm fina. Jekk nagħmlu dan inkunu nistgħu mmorru quddiem Alla li l-grazzja tiegħu taħdem bħal ħmira u titrasfomana fil-milja taż-żminijiet. Tgħina wkoll nifhmu iktar u niġġudikaw inqas lill-oħrajn.

Agħmel: Ipprova irbaħ il-biża’ jew saħansitra l-mibegħda lejn min hu differenti minnek. Iddeċiedi li ma toqgħodx tinkwieta. Alla qiegħed qiegħed jieħu ħsieb Hu.


Il-15 il-Ħadd ta’ matul is-Sena A

Isaija 55:10-11; Salm 64; Rum 8:18-23; San Mattew 13:1-23

Aqra’: Naraw lil Ġesu’ jibda jgħallem permezz tal-parabboli. B’dawn il-parabboli Huwa kien jħeġġeġ lid-dixxipli tiegħu biex jaħsbu fuq it-tifsira ta’ dawn il-parabboli, u l-applikazzjoni tagħhom għall-ħajja.

Is-silta mill-Evanġelju ta’ San Mattew tal-lum twieġeb għal xi difikultajiet li kienu qamu: Għaliex mhux kulħadd aċċetta s-Saltna ta’ Kristu? U għaliex wara li aċċettawha xi wħud ma komplewx fiha u telquha?

Irrifletti: Il-parabboli ta’ Ġesu’ jagħmlu referenza għall-ħajja ordinarja ta’ kuljum, imma huma kumplessi biżżejjed li jqanqlu l-moħħ biex jirrifletti. Aħseb kif il-parabbola tal-bidwi li ħareġ jiżrgħa tista tapplika għall-ħajja ta’ kull wieħed minna llum.

Itlob: Okkażjonijiet u ċirkustanzi esterni jistgħu jżommu lura persuna milli jirċievi u jgħix skont il-Kelma ta’ Alla. It-talb ta’ kuljum biex wieħed jevita dawn iċ-ċirkostanzi u l-okkażjonijiet jista jkun ta’ għajnuna: “Eħlisni minn kull tiġrib”.

Agħmel: Isma’ sewwa l-Kelma ta’ Alla fil-knisja, u pprova sib mod kif tagħmel tiegħek din il-Kelma.


L-Erbatax il-Ħadd ta’ matul is-Sena Liturġika A

Zakk 9, 9-10; Salm 144, Rum 8,9. 11-13;Mt 11, 25-30

Aqra’: Għandna verament għalxiex nifirħu. Alla huwa sultan li jrid il-paċi u mhux il-gwerra fin-nazzjonijiet. Kristu jistedinna immorru għandu meta nħossuna mħabbtin u mtaqqlin, u Huwa jserraħna.  Bil-ħidma ta’ l-Ispirtu fina, Alla jagħmilna tiegħu.

Irrifletti: Dawk li għandhom l-Ispirtu ta’ Alla fihom jagħtu sehmhom fil-ħidma ta’ Alla fid-dinja. Jekk għandna l-Ispirtu ta’ Alla, kemm qegħdin nagħmlu tajjeb il-parti tagħna fil-ħidma ta’ Alla…ħidma ta’ mħabba, mogħdrija, ħniena, paċi, ġustizzja….?

Itlob: It-talb tiegħek huwa dejjem lil Alla, Missier Ġesu’ u Missierek, fi Kristu, bil-qawwa ta’ L-Ispirtu s-Santu. It-talb nisrani huwa Trinitarju.

Agħmel: Persuna ta’ qalb ħelwa u umli temfasizza t-tajjeb f’persuna oħra. Persuna supperva dejjem tiffoka fuq dak li huwa ħażin. Ipprattika kif tkun persuna ta’ qalb ħelwa u umli ma’ l-oħrajn, sakemm din issir fik drawwa.


It-Tlettax il-Ħadd matul is-Sena Liturġika A

2 Slat 4, 8-11. 14-16a; Salm 88; Rum 6, 3-4, 8-11; Mt 10, 37-42

Aqra: “U kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn iż-żgħar għax hu dixxiplu, tassew, ngħidilkom, li ma jitlifx il-ħlas tiegħu”.  Ġesu jassigura premju lil dawk li f’isem Alla jagħtu b’mod ġeneruż. Meta wieħed imut ma’ Kristu, jaqsam miegħu ukoll fil-Qawmien tiegħu mill-imwiet.

Irrifletti: L-għerf tad-dinja jgħidilna biex noqogħdu attenti meta niġu biex nagħtu minn dak li għandna. “Aħjar għasfur f’idejk milli mija fl-ajru,” …hekk tgħid id-dinja. Imma l-istedina tal-Evanġelju tmur kontra dan ir-raġunar. Għaliex l-Evanġelju iħeġġiġna nagħtu dak li għandna, biex insibu dak li Alla lesta għalina. Dan jitlob minna kuraġġ u fidi. Ser nissograw nieħdu l-parir tal-Evanġelju?

Itlob: Mulej, agħtini l-kuraġġ biex inħobb lil hinn minn kollox, u li nagħti kollox biex nikseb lilek

Agħmel: Uri l-fidi tiegħek fil-mod kif iġġib ruħek ma’ l-oħrajn.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.