Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

L-24 Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Sir 27, 33-28,9; Salm 102; Rum 14, 7-9; Mt 18, 21-35.

Aqra’: Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Għalhekk, mibegħda u għadab, dawn kollha ta’ min jistmerrahom. Jekk Alla juri ħniena magħna, aħna għandna nuru ħniena mal-oħrajn, kif tgħidilna l-parabbola tal-qaddej li ma ħafirx.

Itlob: Itlob għall-grazzja ta’ l-umilta’ biex tilqa’ il-ħniena ta’ Alla, u taqsam din il-ħniena ma’ l-oħrajn. Ftakar f’dawk li weġgħuk, u għandhom bżonn il-maħfra tiegħek. Itlob il-grazzja li tkun rikonċiljat.

Irrifletti: Għaliex il-qaddej li nħafirlu dejn kbir ma jaħfirx lill-qaddej tiegħu li kellu dejn ħafna iżgħar miegħu? Il-verita’ hija, li meta dak li jkun jirċievi il-ħniena, mhux dejjem juri gratitudni u umilta’. Kultant din il-ħniena li ssir ma dak li jkun minflok għall-ħniena ma’ l-oħrajn, twassal għar-rabja, speċjalment meta dak li jkun ikun egoist. Nistgħu nilqgħu l-ħniena biss meta nħobbu u nirrispettaw lil dak li jkun urina l-ħniena. Imbagħad, nkunu lesti li naqsmu din il-ħniena mal-oħrajn.

Agħmel: Iż-żmien ifejjaq, imma ħafna drabi nitilfu l-opportunitajiet għar-rikonċiljazzjoni. Ersaq lejn l-oħrajn b’imħabba u kompassjoni tal-qalb, aħfer lil xi ħadd li naqsek.


It-23 Ħadd tas-Sena Liturġika Sena A

Eż. 33, 7-9; Salm 94; Rum 13, 8-10; Mt 18, 15-20

Aqra: Aħna mibgħutin biex inħobbu lill-proxxmu tagħna. Ġesu’ jitkellem dwar il-bżonn li nkunu impenjati biex inġibu ‘l quddiem il-ġid tal-aħwa. Ngħinu lil xulxin biex ngħarfu u nikkoreġu l-iżbalji tagħna. Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub, mur sibu waħdu u widdbu”.

Irrifletti: Aħna responsabbli għal xulxin. Li tkun responsabbli għall-oħrajn huwa li tieħu ħsieb u tgħinhom jimxu ‘l quddiem. Wieħed mill-modi kif nagħmlu dan hija l-korrezzjoni fraterna. Biex issir din il-korrezzjoni hemm bżonn tliet affarijiet: li jkollok għan tajjeb (l-imħabba lejn il-persuni), ħin f’waqtu (f’mument ta’ kalma), u meżżi adattati (prudenza u umilta’). Irridu nkunu wkoll lesti li nilqgħu korrezzjoni mingħand ħaddieħor aħna stess.

Itlob: Ħa nitolbu il-grazzja li nieħdu ħsieb ħaddieħor b’qalb li tħoss. Ħa nitolbu wkoll għal dawk il-persuni li għandhom bżonn konverżjoni tal-qalb.

Agħmel: Illum uri fil-konkret li qed tieħu ħsieb lil ħaddieħor. Identifika persuna li għanda bżonn korrezzjoni, u agħmel dan b’rispett u b’imħabba.  


Il-22 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Ġer 20, 7-9; Salm 62; Rum 12, 1-2; Mt 16,21-27

Aqra: Iseħħilkom tagħarfu x’inhi r-rieda ta’ Alla, x’inhu t-tajjeb, x’inhu li jogħġob, x’inhu s-sewwa (Rum 12, 1)

Irrifletti: Ir-rieda ta’ Alla tfisser li nfittxu li nagħmlu x’inhu t-tajjeb, x’inhu perfett, x’inhu li jogħġob. Bl-għajnuna ta’ l-Ispirtu Qaddis, ngħixu l-ħajja kollha tagħna bħala offerta ta’ qima u ta’ tifħir lil Alla. Dan huwa l-għan tal-ħajja tagħna. Dan nagħmluh billi qabel kollox infittxu li nagħmlu dejjem ir-rieda tiegħu …li nimxu fit-triq ta’ l-imħabba sħiħa li mexa fiha Ġesu’ qabilna, li minna titlob ukoll ċaħda u sagrifiċċju: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jimxi warajja” (Mt. 16, 24).

Itlob: Aħna nafu li kemm il-darba mmorru kontra r-rieda ta’ Alla bi dnubietna. Ħa nfittxu li nagħmlu dak li hu tajjeb biex hekk inkunu verament infaħħru lil Alla.

Agħmel: Aħseb fuq id-differenza bejn li tagħmel dixxerniment veru x’inhi r-rieda ta’ Alla, u tagħżel inti x’jaqbel lilek


Il-21 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Is 22,19-23; Salm 137, Rum 11, 33-36; Mt 16, 13-20

Aqra’: F’ Ċesarija ta’ Filippu, Pietru jagħmel il-Professjoni tal-Fidi u Kristu jagħtiħ l-imfietaħ tas-Saltna. “Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi”.

Itlob: Ħa nitolbu li jkollna qalb umli biex naċċettaw is-sejħa ta’ Alla. Ħa nitolbu l-grazzja li nkunu dixxipli fidili ta’ Ġesu’.

Irrifletti: Alla jagħżel mhux skont il-merti tagħna l-bnedmin, imma bl-għerf tiegħu li huwa ‘l hinn minn dak li l-bniedem jista’ jifhem. Jekk Alla jsejħilna biex nagħmlu xi ħaġa, ħa ngħarfu bl-umilta’ kollha li Huwa għażilna mhux għax kien jistħoqqilna, imma għax hekk kienet ir-rieda tiegħu. Lilu biss kull tifħir, glorja, unur u qima.

Agħmel: Huwa faċli nikkritikaw lill-mexxejja reliġjużi tagħna, imma napprezzawhom għat-tajjeb li jagħmlu?


Is 56, 1.6-7; Salm 66; Rum 11, 13-15, 29-32; Mt 15, 21-28

Aqra’: Li tfejjaq u li titma’ huma żewġ affarijiet li donnhom imorru flimkien. Ġesu’ jagħmel dawn iż-żewġ affarijiet, u nies ta’ fidi jaraw it-tifsira f’dawn l-azzjonijiet tiegħu. Oħrajn ma jarawx din it-tifsira.

Itlob: Evita li tħares bl-ikrah lejn oħrajn li huma differenti minnek. Itlob biex tagħmel dan, speċjalment meta tkun ittentat li tkun preġudikat kontra xi grupp ta’ nies jew xi ndividwu.

Irrifletti: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż ta’ l-ulied u tixħtu lill-ġriewi?” Taħseb li dan il-kliem ta’ Ġesu’ lill-mara Kangħanija ma jirriflettix il-karattru tiegħu, imma jirrifletti l-mentalita’ tal-poplu ta’ Israel ta’ żmienu? Fil-mentalita’ tal-poplu ta’ Israel, kienet idea komuni li l-bnedmin huma maqsuma f’żewġ blokki: dawk li kienu jagħarfu l-veru Alla u kienu ġew magħżula biex ikunu l-poplu tiegħu (Israel), u l-oħrajn kollha li ma kenux jagħarfuh (il-pagani jew il-ġnus). Ħafna drabi, din il-firda bejn dawn iż-żewġ blokki kienet twassal lil-Lhud biex jaħsbu li s-salvazzjoni kienet xi ħaġa merfugħa għalihom biss u li, biex jiksbuha, kien biżżejjed għalihom li jkunu membri tal-Poplu ta’ Israel. Kif qegħda din l-istorja tirrifletti r-relazzjoni bejn l-Lhud li saru nsara, u l-pagani li saru nsara fil-komunita’ tal-Evanġelista San Mattew?

Agħmel: Tittollerax nies differenti minnek, iżda aċċetthom u agħraf id-doni tagħhom. Meta tiġi l-okkażjoni, iċċelebra il-ħajja ma’ dawn in-nies li huma differenti minnek.


Id-19 il-Ħadd ta’ matul is-sena liturġika A

1Slaten 19:9a.11-13a; Salm 84; Rumani 9:1-5; Mattew 14:22-33

Aqra’:  Ġesu’ jmur lejn id-dixxipli tiegħu li jinsabu fil-hemm, billi jimxi fuq il-baħar. Dawk li kienu fid-dgħajsa xteħtu quddiem Ġesu’ u qalulu: “Tassew, int Bin Alla!”.

Irrifletti: Ġesu jistaqsi lil Pietru, “għaliex iddubitajt”. Ġesu jisfida n-nuqqas ta’ fidi ta’ Pietru fil-mument diffiċli. X’ser jistaqsina l-Mulej meta niltaqgħu miegħu wiċċ imb’wiċċ?

Itlob: Ħa nitolbu lil Alla jidħol fil-ġewwieni tal-qalb tagħna u jmexxina għall-konverżjoni.

Agħmel: Illum hija ġurnata tajba biex tagħmel stqarrija ta’ fidi ta’ min hu Ġesu’ għalik. Sib ħin biex tħabbar b’dak kollu li int li Ġesu’ Huwa l-Mulej u s-Salvatur tiegħek.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.