Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-30 Ħadd tas-Sena Liturġika A

Eż. 22: 20-26; Salm 17; 1 Tess. 1: 5c-10; Mt. 22: 34-40

Aqra’: L-awtoritajiet reliġjużi ta’ żmien Ġesu’, kienu jippruvaw jagħmlu minn kollox biex jaqbdu lil Ġesu’ f’nasba ħalli jeħilsu minnu. Din id-darba jistaqsuh mistoqsija reliġjuża rigward il-liġi li għanda implikazzjonijiet politiċi, u li huma mbagħad setgħu juża kontrih. Imma Hu jwieġibhom bi prinċipju li huwa validu kemm fil-qasam reliġjuż u f’kemm dak ċivili. Il-liġi tal-imħabba hija l-bażi tal-liġijiet divini u umani.

Itlob: L-imħabba u l-ġustizzja għandhom jimmarkaw l-azzjonijiet kollha tagħna. Ħa nitolbu għall-għerf u l-prudenza biex nibbilanċjaw it-tnejn li huma.

Irrifletti: Ġesu’ jsostni l-verita’ akkost ta’ kollox. Il-verita’ tista toffendi l-awtoritajiet relijużi u ċivili, imma hija tieqaf lil kull forma ta’ skrutinju. Iktar ma dawk li kienu kontrih, kienu jippruvaw jonsbuh, iktar Ġesu’ kien jikxef l-ipokresija tagħhom bil-verita’ li kien igħid. Mhux ta’ b’xejn kellhom joqtluh. F’din id-dinja, il-verita’ tkun dejjem u għal dejjem waħedha.

Agħmel: Li tkun beżżiegħ jew indifferenti ifisser li tkun qed tgħix ħajja bla sens. Ħa ngħażlu llum li nsostnu il-verita’, u ngħixu skont il-verita’. Ħa nimpenjaw ruħna biex nieqfu anke lill-inqas inġustizzja li ssir lill-oħrajn.


Id-29 Ħadd matul is-sena liturġika A

Is 45, 1, 4-6; Salm 95; 1 Tess 1, 1-5b; Mt 22, 15-21

Aqra’: L-ostilita’ bejn Ġesu’ u l-awtoritajiet reliġjużi kienet dejjem tikber ġurnata b’ġurnata. Minħabba dan, il-Fariżej ikkonfoffaw ma’ l-Erodjani kif inassu lil Ġesu’ biex jeħilsu minnu. Ippruvaw jaqbduh f’nasba b’mistoqsija li kienet ser timplikah jew fi kwistjoni reliġjuża jew fi kwistjoni politika. Ġesu’ joħroġ min-nasba bl-akbar għaqal.

Irrifletti: Kieku wieħed kellu jwieġeb għall-mistoqsija: lil min tappartjeni ħajjitna, kull ma għandu jagħmel huwa li jħares lejn ix-xbieha li hemm imnaqxa f’ruħu. Ta min hi din ix-xbieħa? Ta’ Ċesari jew ta’ Alla li ffurmana, li jafna u li sejħilna sa min qabel ma twelidna? Mela ħa nagħtu lil Alla dak li hu ta’ Alla – ħajjitna.

Itlob: Ħa nitolbu li l-ġustizzja ssaltan f’artna billi nibdew nħaddmuha aħna stess kull fejn inkunu. Ħa nitolbu wkoll għal sens ta’ appartenenza għal Alla u għas-Saltna tiegħu.

Agħmel: Biex inkunu ġusti, irridu nagħmlu għemejjel ġusti. Ħa nibdew aħna stess naħdmu għall-ġustizzja u mhux biss nitkellmu fuqha.


It-28 Ħadd matul is-Sena A

Is 25, 6-10a; Salm 22; Fil 4, 12-14, 19-20; Mt 22, 1-14

Aqra’: Ġesu’ jippreżenta s-salvazzjoni taħt għamla ta’ festa ta’ tieġ. Il-mistiedna għal dan it-tieġ ma ġewx għal din il-festa u ppreferew ikomplu b’ħajjithom. Xi wħud użaw anke vjolenza mal-qaddejja li bgħatlihom is-sultan, u saħansita qatluhom. B’rabja kbira, is-Sultan bagħat is-suldati tiegħu, qered ‘il dawk il-qattiela, u reġa’ bagħat il-qaddejja tiegħu biex jistiednu lil kull min kien interessat li jiġi għal festa ta-tieġ. Imma kull min jiġi kellu jkun liebes għall-festa tat-tieġ, għax jekk le, kien ikun qed jirriskja li jiġi mkeċċi ‘l barra mis-sala tat-tieġ.

Itlob: Illum tista tkun ġurnata tajba li ngħidu talba ta’ ringrazzjament lill-Mulej li jrid ikun ħabib tagħna. Ħa nitolbu wkoll għan-nies kollha tad-dinja biex jilqgħu l-istedina għas-Saltna.

Irrifletti: L-invit għall-ikla tas-Saltna huwa offrut b’xejn lil kulħadd. Kulħadd huwa mistieden. Biss mhux kulħadd jaċċettah. Kull min jaċċettah irid jimxi skont ir-regoli tas-Saltna. Huwa għalhekk li dak li ma kinx liebes il-libsa tat-tieġ kien imkeċċi mis-sala. Kultant nifhmu ħażin il-ħniena ta’ Alla – naħsbu li Alla jaħfer kollox u allura għalih jgħaddi kollox. Imma fil-fatt mhux hekk!

Agħmel: Xi kwalitajiet aħna għandna niżviluppaw biex inkunu iktar effettivi fil-missjoni li ġiet afdata lilna. Illum ħa nagħmlu xi ħaġa tajba lil xi ħadd bħala att ta’ gratitudni lejn Alla.

 


Is-27 Ħadd matul is-sena Liturġika A

Isaija 5:1-7; Salm 79; Fil 4:6-9; Mt 21:33-43

Aqra’: “Kien hemm wieħed, sid ta’ għalqa, u ħawwilha bid-dwieli; tellgħalha ħajt tas-sejjieħ madwarha, ħaffer magħsar fiha, u bnielha torri; u qabbilha lil xi bdiewa”. Il-Mulej jgħid: “X’kien fadalli nagħmel għall-għalqa tiegħi u ma għamiltux?”

Irrifletti: Waħda minn dawk id-dwieli huwa jien jew int. Il-Mulej ħawwilna fil-għalqa tiegħu, il-Knisja, nhar il-magħmudija tagħna. Waqt l-Ewkaristija imantniena. Nhar il-Griżma saħħaħna. Kull qrara tixbaħ iż-żbir tad-dwieli. Il-frott ta’ l-Ispirtu, skont San Pawl, huma dawn: Ferħ, imħabba, sabar, tjubija, fedelta’, kontroll. Ġesu’qed jistenna dan il-frott minni u minnek.  Kieku kellu jiġi bħalissa iben is-sid tal-għalqa, Ġesu, ifittex il-frott, x’se jsib?

Itlob: Aħfirli Mulej u f’ġieħ il-ħniena tiegħek insa ħtijieti. “Erġa’ ejja, Alla tal-eżerċti; ħares mis-sema u ara, u żur ‘il din id-dielja. Ħu ħsieb dak li ħawlet lemintek, ir-rimja li int kabbart għalik.”

Agħmel: Dak li tiżra, taħsad! Agħmel is-sehem tiegħek biex tgħix skont l-Ispirtu ta’ Alla, imbagħad jagħmel Hu. F’idejn il-Mulej kollox iwarrad.


Is-26 Ħadd matul is-sena Liturġika A

Eż 18, 25-28; Salm 24, Fil 2, 1-11; Mt 21, 28-32

Aqra’: Intom x’jidhrilkom? – staqsa Ġesu’ – Min minnhom it-tnejn għamel ir-rieda tal-Missier? L-Iben li lil missieru qallu li kien se jmur jaħdem fl-għalqa tad-dwieli u ma mar xejn, jew l-ieħor li qallu li ma riedtx imur, imma mbagħad mar?

Irrifletti: Il-publikani u n-nisa tat-triq jistgħu jkunu miftuħin iżjed minnkom – nies tal-knisja! – biex jaċċettaw lil Ġesu’ f’ħajjithom. Għalhekk jaslu qabilkom fis-Saltna t’ Alla. Huma dawk biss li jgħarfu lilhom infushom bħala midinbin, u li jirrikonoxxu li għandhom bżonn l-għajnuna, li jesperjenzaw l-ferħ li huma salvati.

Itlob: Nitolbu lill-Mulej biex ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-ġudizzju u nitgħallmu li kull persuna hija akbar min-nuqqasijiet tagħha.

Agħmel: Fis-skiet ta’ qalbek, għaraf li inti midneb u għandek bżonn il-ħniena ta’ Alla daqs jew iktar minn dawk li f’għajnejk jidhru bħala nies “ħżiena”.


Il-25 Ħadd matul is-Sena Liturġika A

Is. 55, 6-9; Salm 144; Fil. 1,20c-24,27a; Mt. 20, 1-16a.

Aqra’: “Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba”. Innota l-karattri u r-reazzjonijiet tagħhom fil-parabbola tal-ħaddiema fl-għalqa tad-dwieli.

Irrifletti: Għaliex issibha diffiċli tieħu gost bix-xorti tajba ta’ xi ħaddieħor? In-nies jgħiru meta jaħsbu li xi ħadd għandu xi ħaġa li tappartjeni lilhom…jew sempliċement għax jixtiequ dak li ħaddieħor għandu. X’inhi r-reazzjoni tiegħek għal din il-parabbola?

Itlob: Dejjem ser issib lil xi ħadd li għandu iktar minnek u xi ħadd li għandu inqas. Fit-talb tiegħek itlob li tevita li tgħir. L-għira tkisser ir-relazzjonijiet. Itlob li tevita l-għira akkost ta’ kollox; u ftakar li l-ħajja tista tkun inġusta. Itlob li jkollok qalb li tifraħ bit-tajjeb tal-oħrajn.

Agħmel: Meta xi ħaġa tajba tiġri lil xi ħaddieħor, ingħaqad miegħu fil-ferħ u ipprova tkunx xi ħadd li tixtieq li kollox tridu jdur miegħek. Uri b’mod ġenwin l-apprezzament u l-ferħ fil-barkiet li rċieva xi ħadd fost sħabek.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.