Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-2 Ħadd matul is-Sena B

Samwel 3:3b-10.19; Salm 39; Korintin 6:13c-15a.17-20; Ġwanni 1:35-42

Aqra’: Il-Mulej ġie, waqaf ħdejh, u sejjaħ bħal drabi oħra: “Samwel! Samwel!” U Samwel wieġeb: “Tkellem, għax il-qaddej tiegħek qiegħed jisma’”. Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesu’ kien Indri, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuħ Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesu’. Ġesu’ ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.

Itlob: Mulej għarrafni l-isem li bih sejjaħtli qabel ma tnissilt f’ġuf ommi. Hawn jien, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek!

Riflessjoni: Xejn u ħadd mhu anonimu quddiem il-Mulej li “jgħodd in-numru tal-kwiekeb; kollha jsejħilhom b’isimhom” (Salm 147:4). L-isem li Alla jagħti lil kull persuna juri identita, vokazzjoni, u missjoni. Il-vokazzjoni mhi xejn ħlief l-iskoperta ta’ dak li ġejna maħluqin biex inkunu, l-iskoperta tal-post tagħna fil-ħolqien u fil-pjan ta’ Alla. Dan mhuwiex muri lilna permezz ta’ ħolm u viżjonijiet. Niskopruh billi nħarsu ġewwa fina nfusna, fejn nisimgħu il-kelma tal-Mulej li hija mismugħa u murija lilna fil-ġrajjiet li ngħaddu minnhom, u permezz ta’ “anġli” li jieqfu ħdejna: dawk l-aħwa li jinterpretawlna il-ħsibijiet u r-rieda tiegħu għalina. Li tgħid “Hawn jien ,ġej biex nagħmel ir-rieda tiegħek” tfisser li tkun fidil għall-identita’ tiegħek u hekk tikseb bilanċ u ferħ ġewwieni.

Agħmel: Jekk sibt lil Ġesu’ f’ħajtek b’tali mod li lest li tintelaq fi ħdanu, bħal Indri, ħu lil xi ħadd ieħor għandu.


Il-Magħmudija tal-Mulej

Isaija 55:1-11, Salm 12:2-3.4bcd.5-6;  1Ġw 5,1-9; Mk 1:7-11

Aqra’: Ġwanni l-Battista huwa profeta li juri l-presenza ta’ Alla fostna, u dak li Alla jistenna minna l-bnedmin. Ġwanni jipprietka l-indiema. Huwa jgħaraf dak li hu divin f’Ġesu’, u fuq l-insistenza ta’ Ġesu’ jgħammdu.

Irrifletti: Il-Magħmudija tagħmilna ulied Alla. Tikkonferma li aħna maħbubin minn Alla. L-imgħammdin għadhom sikwiet jirriflettu fuq jekk humiex jgħixu skont tagħlim ta’ Ġesu’. Il-magħmudija tikkonferma l-imħabba ta’ Alla lejna u tafdana bil-missjoni li nħobbu lill-oħrajn bħalma ħabb lilna Ibnu Ġesu’.

Itlob: Ħa nitolbu li jkollna l-imħabba ta’ Alla fi Kristu. Nitolbu għall-kuraġġ biex nuru l-imħabba tagħna lejn l-oħrajn, speċjalment dawk li huma l-aktar fil-bżonn.

Agħmel: Aħseb f’xi ħadd li jixtieq jaqsam ma’ oħrajn l-imħabba ta’ Alla, imma m’għandux il-kuraġġ li jagħmel dan. Ara x’tista tagħmel biex tinkoraggih.


L-Epifanija tal-Mulej

Isaija 60:1-6; Salm 71; Efesin 3:2-3a.5-6; Mt 2:1-12

Aqra’: “Qum! Ħa jiddi wiċċek! Id-dawl tiegħek wasal! Jiddi fuqek sebħ il-Mulej!” “Il-kewkba li kienu raw tielgħa bdiet miexja quddiemhom sakemm waslet u waqfet fuq il-post fejn kien hemm it-tifel. Kif raw il-kewkba mtlew b’ferħ kbir tassew. Meta mbagħad daħlu d-dar u raw lit-tifel ma’ ommu Marija nxteħtu fl-art iqimuh; fetħu t-teżori tagħhom u offrewlu rigali, deheb, inċens u mirra”.

Itlob: “Jithennew u jifirħu bik dawk kollha li jfittxuk: jgħidu dejjem ‘Kbir il-Mulej!’ dawk li jħobbu s-salvazzjoni tiegħek” (Salm 40, 17)

Riflessjoni: Fil-Milied l-Iben ta’ Alla ġie jiltaqa magħna. Fl-Epifanija huwa aħna li rridu niċċaqalqu biex infittxuh. Il-Maġi fittxuh u sabuh. Ġesu’ biddilhom…marru pagani u telqu nsara. Hekk jagħmel magħna. Huwa ma jistenniex minna li nagħtuh rigali ta’ deheb, inċens u mirra, imma jistenna minna li nagħtuh moħħna billi nibdew naħsbuha kif jaħsibha Hu, billi kull deċiżjoni li nieħdu, neħduha qisu qed jeħodha Hu. U meta nagħtuh moħħna, Hu jagħtina qalbu…inħobbu, nagħdru, inservu, u naħfru bil-qalb tiegħu. Jekk nagħmlu mqar pass wieħed ‘il quddiem kuljum lejh, Hu jibda jibdilna. Dak inhar tkun l-Epifanija tal-Mulej għalina.

Agħmel: Fil-bidu ta’ sena ġdida nimpenjaw ruħna biex bl-għajnuna ta’ Alla, kull ma nagħmlu nagħmluh fid-dawl tal-Vanġelu. Bħall-Maġi ngħarfu li l-għaref tassew ma jingħalaqx fih innifsu, imma jinfetaħ għal Alla.


Il-Familja Mqaddsa ta’ Ġesu’, Marija u Ġużeppi

Ġen 15:1-6; 21:1-3; Salm 104; Lhud 11:8. 11-12. 17-19; Lq 2:22-40

Aqra’: Ix-xwejjaħ Xmun: “Issa, o Sid, tista tħalli l-qaddej tiegħek imur fis-sliem skont kelmtk, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għallpopli kollha, dawl biex idawwal ilġnus, u glorja tal-poplu tiegħek Israel”. Il-Profetessa Anna “bdiet rodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm”.

Itlob: Waqt li nkunu paċenzjużi fil-provi u ċerti mill-wegħdiet tiegħek agħmel Mulej li nistennew b’tama ħajja l-għajnuna tiegħek f’diin il-ħajja u l-glorja fil-ħajja ta’ dejjem.

Riflessjoni: Fi żmien meta l-anzjani l-iktar li qegħdin ibatu minħabba l-pandemija, il-Kelma ta’ Alla tagħtina l-opportunita’ li nagħthom il-ġieħ mistħoqq. Xmun u l-profetessa Anna li qrajna fuqhom fil-vanġelu llum huma żewġ mudelli ta’ anzjanita’ bilanċjata. Xmun deskritt bħala “raġel ġust u tajjeb, li kien jistenna l-faraġ ta’ Israel” , jgħallimna kif għandna nixjieħu. Huwa jiftakar l-wegħdiet ta’ Alla u jistenna li jitwettqu b’fiduċja sħiħa. Iħoss l-forzi tiegħu jonqsu, imma xorta jibqa kapaċi jkollu t-tama. Huwa jgħix fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, u għal din ir-raġuni, anke jekk konxju li jiemu resqin lejn tmiemhom, ma jibżax mill-mewt. Huwa ferħan u jitlob lil Alla jilqgħu fil-paċi tiegħu. Xmun jifraħ meta jara u jieħu l-Messija f’idejh. Huwa joffrih lill-popli kollha. Din ix-xena kommoventi turina l-missjoni li kull anzjan għandu li jista jgħaddi lill-uliedu u lill-ulied uliedu, biex din il-fidi ssir għalihom id-dawl li jagħti sens lil kull ħaġa li jgħaddu minnha fil-ħajja. Anna ma kienet qatt titwarrab mit-tempju. Kienet taf li kull ġurnata hija prezzjuża u għalhekk għanda tgħaddiha f’intimita’ ma’ Alla u taqdi l-komunita’. L-anzjani qatt ma jħossu li l-ħajja tagħhom issa hija bla sens, jekk jgħarfu jgħixu jistennew il-miġja tal-Mulej. Jistgħu dejjem joffru servizzi umli, li għandhom valur u jġibu l-ferħ lill-oħrajn. Għandhom fuq kollox, bħal Anna l-profetessa, il-missjoni li jitkellmu fuq Ġesu’ ma dawk li qegħdin ifittxu triq fil-ħajja. Dan huwa l-legat prezzjuż li jħallu lill-ġenerazzjonijiet futuri.

Agħmel: Kliem ix-xiħ żomm fih! Hekk għamlu l-familja Imqaddsa meta ltaqew max-xwejjah Xmun u max-xwejħa Anna. Jekk hemm xi anzjan jew anzjana fil-familja tiegħek, agħmel hekk inti wkoll.


Ir-raba’ Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

2 Sam 7, 1-5. 8b-12. 14a.16; Salm 88; Rum 16, 25-27; Lq 1, 26-38

Aqra’: “Mur u għid lill-qaddej tiegħi David: ‘Meta inti ttemm żmienek u tkun striħajt ma missirijietek, jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ minn ħdanek. Il-familja tiegħek u s-saltna tiegħek jibqgħu sħaħ għal dejjem quddiemi”. “Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara, inti se tnissel fi ħdanek u jkollok iben u ssemmih Ġesu’. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin il-Għoli, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru”.

Itlob: Ma’ Marija nitolbu lill-Mulej li jsir minna skont kelmtu.

Irrifletti: Bħal Marija, aħna wkoll sibna grazzja quddiem Alla. Huwa kellu fiduċja f’ Marija u permezz tagħha ridt li jiġi fostna s-Salvatur. Forsi l-pjan t’ Alla għalina mhux daqshekk kbir, imma xorta Alla jrid jagħmel lilu nnifsu preżenti fina u f’oħrajn permezz tagħna. Aħna bħal Marija, ħolqa f’katina tal-pjan ta’ Alla. Ara sakemm wasal is-Salvatur permezz ta’ Marija, kemm daħlu nies fil-katina tal-pjan ta’ Alla: “Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru; u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem”.

Agħmel: Kull ħliqa umana hija msejħa biex twelled lil Alla. Staqsi lilek innifsek “Kif u fejn nista nwelled lil Kristu f’ħajti u f’ħajjiet ta’ ħaddieħor?”


It-Tielet Ħadd ta’ l-Avvent Sena B

Is 61, 1-2a, 10-11; Lq 1, 46-50, 53-54; 1 Tess 5, 16-24; Ġw 1, 6-8, 19-28

Aqra’: “Nifraħ fuq li nifraħ bil-Mulej, taqbeż bil-ferħ ruħi b’ Alla tiegħi”. “L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’ Alla, is-Salvatur tiegħi”. “Ifirħu dejjem, itolbu bla heda, iżżu ħajr lil Alla f’kollox”. “Kien hemm raġel mibgħut minn Alla, jismu Ġwanni. Dan ġie bħala xhieda, biex jixhed għad-dawl, biex bih kulħadd jemmen. Ma kienx hu d-dawl, imma biex jixhed għad-dawl”.

Itlob: Nitolbu lil Ġesu’ jiġi, iġedded lill-qalbna, u jagħmel li qalbna ġġorr il-ferħ, għax il-ferħ tiegħu huwa il-qawwa tagħna.

Irrifletti: F’dan iż-żmien ta’ pandemija, jista jkun li hawn min ma jridx jisma b’ferħ. F’dan id-dlam, Ġesu’ xorta irid ikun id-dawl li jdawlilna l-ħajja tagħna biex ikollna l-ferħ. San Ġwann Battista jgħid: “Jiena l-leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: Wittu t-triq tal-Mulej”. Biex nagħarfu l-Kristu bħala Dawl, hija neċessarja  xhieda ta xi ħadd bħal Ġwanni l-Battista, li kien kapaċi jgħaraf l-identita tiegħu li kien sempliċement leħen li jwassal il-messaġġ li l-Mulej ġej. Min ma jagħrafx verament min hu...min ma jagħrafx li kull ħaġa tajba li għandu ġejja minn Alla, u jibqa jqiegħed it-tama tiegħu fil-merti u fl-isforzi tiegħu, minflok fuq it-tjieba u l-fedelta ta’ Alla, ma jistax jilqa lil Kristu li ġej, iġġarrab il-ferħ tiegħu, u jagħti xhieda tiegħu.  

Agħmel: Fejn hemm il-qtiegħ il-qalb, nagħtu xhieda tal-ferħ tal-Evanġelju li jġibilna Ġesu’.

 

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.