Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Għid il-Ħamsin

Atti 2:1-11; Salm 103; Galatin 5:16-25; San Ġwann 15:26-27; 16:12-15

Aqra’: Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Meta jiġi d-Difensur, li sa nibgħatilkom mingħand il-Missier, l-Ispirtu tal-verita’, li ġej mill-Missier, huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhdu, għax intom kontu miegħi sa mill-bidu”

Riflessjoni: Ġesu’ bagħat fina l-Ispirtu ta’ qawwa, ta’ forza ta’ kuraġġ. Jekk ħajjitna hija l-ħajja ta’ “x’jimpurtani”, allura nkunu egoisti. U l-Ispirtu ma jistax jgħix f’qalb u moħħ egoist. Li tevanġeliżża ma jfissirx li ma tarax fejn ser tpoġġi saqajk qabel timxi. Ma jfissirx tonqos mill-prudenza f’isem l-entużjażmu. Imma lanqas ifisser li nilmentaw quddiem il-ħażin bi kliem bħalma huma “miskin” u “x’għarukaża” biex imbagħad nibqgħu ma nagħmlu xejn, jew nwaddbu dejjem ir-responsabilta fuq spallejn ħaddieħor. Jekk ħajjitna hija din, allura sinjal li l-Ispirtu ilna ħafna li qtilnieh ġewwa fina. Mimlijin bl-Ispirtu, l-Appostli ħarġu kollhom qawwa jevanġeliżżaw kullimkien li “Ġesu’ huwa s-Salvatur!” U dan huwa l-istess Spirtu li rċevejna aħna. Allura ma nistawx ngħixu l-Kristjaneżimu tagħna bierda, ċassi qisu mhu qed jiġri xejn madwarna.

Itlob: O dawl hieni ta’ qdusija...rattab fina l-ebusija, agħti lill-berdin bżulija, għin fit-triq lil min beżgħan.

Agħmel: Mimlijin bl-Ispirtu, ma nistgħux nibqgħu berdin quddiem ħutna li jsofru nġustizzji, quddiem żgħażagħ bl-istonku maħruq bid-droga u alkoħol, quddiem insara li birdu fil-fidi tagħhom; quddiem serq, korruzzjoni, telf ta’ ħin fuq ix-xogħol, vandaliżmu, quddiem persuni li  jitolbuna l-għajnuna. Dan kollu irridu nagħmluh bin-nar ta’ l-imħabba ta’ Alla f’ħajjitna li l-Ispirtu jkebbes fina.


Is-Seba’ Ħadd tal-Għid – Tlugħ il-Mulej fis-Sema

Atti 1:1-11; Salm 46; Efesin 4:1-13; San Mark 16:15-20

Aqra’: Ġesu’ wera ruħu lill-Ħdax u qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”

Riflessjoni: X’ried ifisser Ġesu’ meta qal li l-Evanġelju għandu jixxandar lill-“ħolqien kollu”? Ried ifisser żgur “lil kull persuna”, imma mhux biss. Ried jwessa’ l-orizzonti u jikkontempla salvazzjoni li tinfirex ma’ l-univers kollu. Kull ħlejqa hija frott l-imħabba ta’ Alla (Proverbji 8:22-31).  Minħabba d-dnub, ħafna drabi, il-bniedem ġab ruħu ħażin mal-ħolqien. Immexxi mir-regħba, il-bniedem ma fehemx jew ittradixxa l-pjan ta’ Alla. Il-bniedem minflok ħa ħsieb id-dinja, spiċċa jkun despota u predatur. Ħafna drabi l-bniedem ma użax ix-xjenza u t-teknoloġija skont il-pjan ta’ Alla, imma użahom b’mod li mmanipula in-natura skont l-interessi egoistiċi tiegħu. U meta għamel dan, ġab il-kaos. Għal din ir-raġuni, kif San Pawl jgħid: “Il-ħlejjaq kollha qegħdin jistennew ħerqana r-rivelazzjoni ta’ wlied Alla...il-ħlejjaq huma wkoll għad ikunu meħlusa mil-jasar tat-taħsir u jiksbu l-ħelsien ta’ wlied Alla” (Rumani 8:19-21). It-tħabbir tal-Evanġelju jeħles lill-bniedem mill-konvinzjoni tiegħu li huwa is-sid assolut tal-ħolqien. Iġġagħlu għalhekk jirrealiżża li m’għandu l-ebda dritt jintervjeni kif jogħġbu fuq in-natura. Iġġegħlu jibni relazzjoni ġdida ta’ rispett u mħabba, mhux biss mal-bnedmin l-oħra, imma wkoll mal-ambjent, il-pjanti, u l-annimali.

Itlob: “Mulejja, tkun imfaħħar f’oħtna u ommna l-Art, għax minnha l-għajxien u hi tmexxina, u tagħti frott ta’ kull bixra, ward bi lwien u ħxejjex” (San Franġisk)

Agħmel: “Ilkoll kemm aħna nistgħu nikkollaboraw bħala għodda f’idejn Alla għall-ħarsien tal-ħolqien, kull wieħed u waħda bil-kultura u l-esperjenza tiegħu, bl-inizjattivi u l-ħiliet tiegħu”. (Papa Franġisku, Laudato Si’ 14)


 

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Atti 10:25-36.34-35.44-48; Salm 97; L-1 Ittra San Ġwann 4:7-10; San Ġwann 15:9-17

Aqra’: Għeżież, ejjew inħobbu ‘l xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla huwa mħabba.

Riflessjoni: B’differenza minn popli oħra li kienu jorbtu isem l-allat tagħhom mal-postijiet fejn kienu jqimuhom, il-poplu Lhudi kien jgħaraf lil Alla bħala dak li jorbot ismu mhux ma’ post, imma ma’ poplu: Lil Mose, il-Mulej jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb” (Esodu 3:6); Kemm il-darba, il-Mulej qal lill-poplu ta’ Israel: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx għax Alla tiegħek jien!” (Isaija 41:10). Israel fehem li l-Mulej kien rabat qalbu mal-bnedmin u kien jieħu ħsieb il-poplu tiegħu. Madanakollu Israel kien jimmaġinah lest li “jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni” (Eżodu 34:7). Kienu jikkontemplaw ix-xogħol ta’ idejn il-Mulej, imma ma kinux għadhom raw wiċċ il-Mulej bħala Għimmanu-El – Alla magħna – u fuq kollox kienu għadhom ma skoprewx qalbu.

Id-dixxiplu l-maħbub, Ġwanni, li waqt l-aħħar ċena serraħ rasu fuq sider Ġesu’, wriena li Alla huwa mħabba, imħabba biss, u li kull min iħobb hu mnissel minn Alla.

Itlob: Agħmilni nixbaħ lilek, Mulej. Int Alla li tħobb lil kulħadd, bla ma tħares lejn l-uċuh. Int Alla li tibgħat ix-xita u ttella’ x-xemx fuq kulħadd.

Agħmel: Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ. Inti ħares? F’liema okkażjonijiet l-aktar li tagħmlu dan? Impenja ruħek biex tirbah dan in-nuqqas.

 

 

 

 

 

 

 

 


Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Atti 9:26-31; Salm 21(22) ; 1 San Ġwann 3:18-24; San Ġwann 15:4-5b

Aqra’: Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiħa; u kull waħda li tagħmel il-frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar....Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi.

Riflessjoni: Il-bniedem “li jibqa’ fil-Mulej”, li jemmen, mhuwiex dak li jillimita ruħu biss għall-prattika r-reliġjon: imur il-quddies, jirċievi s-sagramenti, jitlob, jagħmel id-devozzjonijiet, imma huwa dak li jfittex ukoll li jimita lil Kristu billi jkun ġust, iġib ‘il quddiem il-fraternita’, jaqsam l-ġid li għandu ma’ l-oħrajn, jilqa’ lil kulħadd, huwa lejali, sinċier, jiċħad kull vjolenza, jaħfer lill-għedewwa u jġib ‘il paċi. Fejn hemm l-imħabba, il-ferħ, il-paċi u l-maħfra, hemm jinsab il-Mulej li hu ħaj.

Id-dielja ma tagħmilx għeneb għaliha nfisha, imma għal ħaddeħor. In-nisrani li jibqa’ f’Ġesu’, ma jagħmilx atti ta’ mħabba biex jkollu s-sodisfazzjon li qed jilħaq il-perfezzjoni morali jew biex Alla jippremjah. Huwa bħal Missier tas-Sema; iħobb mingħajr ma jistenna xejn lura. Il-premju tiegħu huwa il-ferħ li jkollu meta jara lil xi ħadd kuntent, għax hemmhekk jagħraf li l-imħabba ta’ Alla tkun dehret permezz tiegħu. Xejn iktar, xejn inqas, għax “b’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi”.

Itlob: Għinni, Mulej, inkun fergħa ħajja fid-dielja li int int biex hekk nagħmel ħafna frott. Saffini, Mulej, naddafni, biex nagħmel frott iżjed.

Agħmel: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom”. Għaddi ftit ħin taħseb fuq xi tfisser għalik li tibqa’ f’Ġesu’. Aħseb ukoll kif kliemu jibqa’ fik. Kif tħossok meta Alla jikkoreġik jew ‘jiżbrok’? Ftakar kemm Alla jħobbok. Igħinek il-ħsieb li ż-żabra tipproduċi aktar frott?


Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Atti 4:8-12; Salm 117; 1 San Ġwann 3:1-2; San Ġwann 10:11-18

Aqra’: Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jgħarfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.

Riflessjoni: Dak li r-ragħaj it-Tajjeb hu għan-nagħaġ tiegħu, Ġesu’ huwa għalina. Meta qal li hu r-ragħaj it-tajjeb – dak li hu tajjeb tassew - fehem igħid li hu ma kienx bħar-ragħajja ħżiena, mikrija, li għax in-nagħaġ mhumiex tagħhom, jaraw il-lupu ġej u jaħarbu u jħallulu n-nagħaġ għalih waħdu. Ġesu’ għax hu r-ragħaj it-tajjeb, ta tassew ħajtu għalina, in-nagħaġ tal-merħla tiegħu; miet hu, biex ngħixu aħna. Bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna Ġesu’ jħobbna u jieħu ħsiebna, imexxina u jħarisna sa ma jwassalna fil-mergħat ta’ dejjem fil-ħajja tal-hena miegħu.

Itlob: Mulej , aħna n-nagħaġ tiegħek u int ir-Ragħaj tagħna. Inti ssejħilna b’isimna u tistedinna biex nimxu warajk billi naqdu lil xulxin, nitolbuk tgħinna Mulej biex inkomplu nwieġbu għal din is-sejħa.

Kompli bierek il-Knisja tiegħek b’rgħajja ġenerużi mill-familji tagħna ħalli jaqdu lill-Poplu tiegħek.

Agħmel: Bħala dixxipli ta’ Ġesu’ r-Ragħaj it-tajjeb tagħna u fuq l-eżempju tiegħu ejjew infittxu li nsiru nafu aħjar lill-familji tagħna, il-kollegi ta’ fuq ix-xogħol, jew il-ġirien tagħna, biex fejn hemm bżonn infejqu l-qalb muġugħa, nixxuttaw id-demgħa ta’ dawk li qegħdin jibku, nagħtu t-tama lil dawk li tilfu t-tama f’ħajjithom u nferrħu bl-imħabba ta’ Alla.


It-Tielet Ħadd ta’ l-Għid Sena B

Atti 3:13-15.17-19; Salm 4; 1 San Ġwann 2:1-5a; Luqa 24:35-48

Aqra’: Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.

Irrifletti: Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, Kristu Rxoxt ried li l-appostli, mbeżżgħa u mħassba, jgħarfuh minn idejh u riġlejh. Stramba! Normalment il nies jgħarfu lil xulxin mill-wiċċ, u mhux mill-idejn u r-riġlejn. Imma Ġesu’ hekk ried. Anke llum Huwa jrid li jintgħaraf minn idejh u riġlejh. Ir-referenza hija għall-ġrieħi li ġarrab bl-imsiemer meta kien imsallab fuq is-salib, fejn il-ħajja tiegħu kollha atti ta’ mħabba laħqet il-qofol tagħha.

Alla m’għandux idejn ħlief dawk ta’ Kristu msammrin għall-imħabba. Alla m’għandux riġlejn jekk mhux ir-riġlejn msammrin ta’ Kristu.  Huwa juriehomlna biex jgħidilna li mhuwiex ser ikun ‘il bogħod minna. Huwa meta nikkontemplaw dawn l-idejn u dawn ir-riġlejn ta’ Kristu li l-bniedem jiskopri minn hu il-vera Alla wieħed li hu mħabba.

In-nisrani wkoll hemm bżonn li jintgħaraf minn idejh u riġlejh. Imberkin huma dawk li jistgħu juru lil Alla idejhom u riġlejhom immarkati b’atti ta’ mħabba. Ma’ San Pawl jistgħu jgħidu: “Inġorr f’ġismi l-marki ta’ Kristu” (Gal 6:17).

Itlob: Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek…Mgħallem Divin, la tħallix: li iżjed infittex li nkun imfarraġ, mili nfarraġ jien; li iżjed jifhmni ħaddieħor, milli nifhem lil ħddieħor jien; li iżjed inkun maħbub milli nħobb jien.

Agħmel: Ħa nħabbru l-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet billi, bħall-Imgħallem, nuru idejna u riġlejna mmarkati b’atti ta’ mħabba lejn il-bnedmin.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.