Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

L-14-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Eżekjel 2,2-5; Salm 122; 2 Korintin 2,2-5; Mark 6,1-6

Aqra’: Qalilhom Ġesu’: “Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess”. U hemmhekk ma seta’jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.

Riflessjoni: L-attitudni tan-nies ta’ Nazaret quddiem Ġesu’, tirrepeti ruhha llum. Ġesu’ jerġa jiġi għandna, li naħsbu li nafuh, u jagħmlilna il-proposti tiegħu. Huwa jistedinna li nerġgħu nikkonsidraw il-konvinzjonijiet tagħna li tgħallimna fi tfulitna, u nikbru fil-fidi tagħna. Ir-reazzjoni tagħna, f’ħafna każi hija l-istess bħalma kienet ir-reazzjoni tan-nies ta’ Nazaret: l-ewwel nagħmlu ta’ bi ruħna li qisna mhux qed nifhmuh, imbagħad saħansitra naslu biex niċduh.

Dan in-nuqqas ta’ twemmin minn naħa tagħna għandu konsegwenzi drammatiċi. Ġesu’ ma jkunx jista jagħmel il-mirakli li kelmtu u l-laqgħa tan-nies miegħu, għamlu kullimkien. Huwa joffri s-salvazzjoni tiegħu, imma ma jimponihiex, għaliex Huwa jħobb u l-imħabba tirrispetta l-liberta’ ta’ dak li jkun.

Ir-raġuni għala fid-dinja l-mirakli li jġibu ‘l quddiem il-paċi, il-ġustizzja, u r-rikonċiljazzjoni bejn il-bnedmin donnhom mhux qed iseħħu, hija dejjem l-istess waħda: minħabba li l-bnedmin m’għandhomx il-kuraġġ li jafdaw b’mod sħiħ fi Kristu u fil-kelma tiegħu.

Itlob: Għinni, Mulej, ma nintefaħx bija nnifsi, bis-saħħa ta’ jdejja, bid-dehen ta’ moħħi. Agħtini xewka li tniggiżni, li żżommni f’posti quddiemek. Qiegħed idejk fuqi, Mulej. Fejjaqni. Tistagħġibx bin-nuqqas ta’ fidi tiegħi: s’hemm nasal meta nipprova waħdi.

Agħmel: Ħa nilmaħ lill-Mulej jgħallimni, mhux kif nippretendih li għandu jgħallimni jien, imma bil-ġrajja ta’ kuljum, biċ-ċirkostanzi ordinarji tal-ħajja, bil-persuni li niltaqa magħhom.


It-13-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Għerf 1,13-15; 2, 23-24; Salm 29; 2 Korintin 8,7.9.13-15; Mark 5, 21-43

Aqra’: U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm….Meta semgħet b’Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: “Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa”. F’daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: “Min messli l-mantar?”…...Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża’ għax għarfet x’kien ġralha, resqet, inxteħtet f’riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. U qalilha: “Binti, il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek”.

Riflessjoni: Il-mara li kienet tbati bit-tnixxija tad-demm emmnet li jekk hi tmiss imqar il-mantar ta’ Ġesu’ hija tkun imfejqa. U hekk ġara. Minn Ġesu’ toħroġ qawwa ta’ ħajja, imma mhux kull min imiss miegħu jirċevieha. Fil-silta tal-lum naqraw li madwaru kien hemm folla kbira ta’ nies. Dawn ma kinux għedewwa tiegħu, imma dixxipli, nies li kienu ħafna viċin tiegħu, li probabilment kien qed jinbuttaw fuqu. Madanakollu Ġesu’ jgħid li persuna waħda ‘messitu’. Kienet biss il-mara marida li messitu ‘bil-fidi’. “Binti l-fidi tiegħek fejqitek” qalilha, inti biss, fost dawn in-nies kollha, kont kapaċi tirċievi id-don ta’ Alla. Il-folla tirrapreżenta lilna l-insara tal-lum, li aħna qrib l-Imgħallem. Għandna l-opportunita’ li nisimgħu l-Kelma tiegħu u ‘immissuh’ fis-sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija. Jekk il-ħajja tagħna tibqa’ ma tinbidilx, jekk il-‘mard spiritwali’ tagħna ma jfiqx, u l-vizzji, id-dnubiet dejjem jibqgħu l-istess, jekk il-karattru diffiċli ma jinbidilx, u l-kliem li jweġġa ma jibdiex jonqos, ifisser li nkunu bqajna ‘folla’ li tinġabar madwar Kristu mingħajr qatt ma ‘immissuh’. Ikollna biss kuntatt esterjuri miegħu; kliemu ikun sempliċement ħoss li jidħol fil-widnejn, imma ma jasalx sal-qalb. Hija il-fidi li ssalva.

Itlob: Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija; kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi. Inti bdilt fi zfin l-għali tiegħi, Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem!

Agħmel: Ġesu’ qed jgħidlek: “Tibżax, biss inti emmen”


Il-12-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġob 38,1.8-11; Salm 106; 2 Korintin 5,14-17; Mark 4, 35-41

Aqra’: U qam riefnu kbir, u l-mewġ beda tiela’ għal ġod-dgħajsa, hekk li kienet ġa bdiet timtela bl-ilma. Hu kien fil-poppa, rieqed fuq imħadda. Qajmuh u qalulu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?”. Imbagħad qam, ordna lir-riħ u qal lill-baħar: “Iskot! Biżżejjed!”. U r-riħ waqaf u waqgħet kalma kbira. U qalilhom: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?”. U qabadhom biża’ kbir, u bdew jgħidu lil xulxin: “Dan min hu, mela, biex saħansitra r-riħ u l-baħar jisimgħu minnu?”.

Riflessjoni: Xi drabi tant jiġru disgrazzji, u tant naraw ħażen u nkwiet, li jagħtina li naħsbu li Kristu raqad. Il-misteru tal-ħażen ma jistax jiġi spjegat bir-raġuni, għax kieku Ġesu’ kien jispjegah. Meta l-istorja tad-dinja tasal fi tmiemha, inkunu nistgħu nifhmu dan il-misteru. Madanakollu għall-akkuża li ssirlu: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu”, il-Mulej ma joqgħodtx jargumenta, imma joqgħod fl-istess dgħajsa tal-ħajja tagħna. Nistgħu nkunu mitfugħin ‘l hemm u ‘l hawn mit-tempesta, imma huwa jinsab fid-“dgħajsa” magħna. Mal-fqir, il-Mulej esperjenza il-faqar; mal-imarġinat esperjenza iċ-ċaħda u l-emarġinizzazzjoni; mal-persuni diżappuntati qasam l-esperjenza li ma jifhmuhx u d-dmugħ; mal-persuni traduti esperjenza l-qrusa ta’ min jispiċċa waħdu u abbandunat; mal-oppressi bata’ l-inġustizzji; u mal-persuni kkundannati esperjenza l-biża’.

Madanakollu aħna nibqgħu naħsbu li hu rieqed. Bit-talba tagħna aħna nkunu nixtiequ li nqajmuh u nisfurzawh biex jagħmel xi ħaġa għalina. Imma hu ġa mqajjem. Sempliċement għandu viżjoni differenti tal-periklu u kif wieħed jiffaċċjah. Jitlob minna fiduċja bla ebda kundizzjoni. Veru li ninsabu mitfugħin ‘l hemm u ‘l hawn bil-mewġ, imma anke meta ma nindunawx, huwa jinsab jakkumpanjana.

Itlob: Mulej inti qatt ma wegħedtna li l-ħajja ser tkun mingħajr tempesti. Biss wegħdtna li inti ser tkun fl-istess dgħajsa magħna meta jqumu dawn it-tempesti. Agħtina l-qawwa u l-fidi biex waqt it-tempesti tal-ħajja nitfgħu l-ħarsa tagħna lejk b’fidi sħiħa.

Agħmel: “Dal-biża’ kollu għaliex? Mela ma għandkomx fidi?” Ħa inqiegħdu t-tama tagħna fil-Mulej u fih nafdaw il-futur kollu tagħna.


Il-11-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Eżekjel 17:22-24, Salm 91; Korintin 5:6-10; San Mark 4:26-34

Aqra’: “Is-Saltna ta’ Alla hi bħal meta raġel ikun xeħet iż-żerriegħa fl-art. Rieqed jew imqajjem, billejl jew binhar, iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif. L-art trodd minnha nfisha l-ewwel il-barma, imbagħad is-sbula, imbagħad il-qamħ mimli fis-sbula. U meta l-frott isir, malajr il-bidwi jmidd idu għall-minġel, għax ikun wasal żmien il-ħsad”.......“Qisha żerriegħa tal-mustarda; din meta tinżara’ fil-ħamrija, hi l-iċken fost iż-żrieragħ kollha fuq l-art; imma wara li tinżara’ tikber u ssir l-akbar waħda fost il-ħxejjex kollha, u toħroġ friegħi wesgħin, hekk li l-għasafar tal-ajru jkunu jistgħu jistkennu għad-dell tagħha”.....Lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox.

Riflessjoni: Il-Kelma ta’ Alla, “iż-żerriegħa”, qed tistenna li tinxteħed b’abbundanza fid-dinja kollha. B’hekk il-fidi terġa tikber fil-bnedmin fuq pedamenti sodi. L-ewwel parabbola turina li l-aċċettazzjoni tal-messaġġ tal-Evanġelju mhuwiex immedjat. Il-bidla fil-ġewwieni tal-bniedem tieħu ż-żmien, xi kultant is-snin biex isseħħ. Madanakollu, meta il-Kelma ta’ Alla tinfed il-qalb tal-bniedem, hija tibda taħdem bil-mod il-mod biex iġġib bidla f’dik il-qalb. Din il-parabbola tisfida lilna lkoll...ġenituri, edukaturi, mexxejja tal-komunitajiet insara, li minkejja li jkollna l-aqwa intenzjonijiet, nibdew nitilfu l-paċenzja, ngħaġġlu, u r-riżultat ta’ dan ikun li ndejqu, li nidhru li aħna ntoleranti u qed nimponu. Hemm żminijiet meta wieħed ikollu bżonn “jorqod”, iġifieri, ikun jaf meta għandu jistenna, meta għandu jibqa’ kalm  u jikkontempla “iż-żerriegħa tinbet u tikber, bla ma jaf kif”. It-tieni parabbola turina li ż-żerriegħa tas-Saltna t’ Alla hija dejjem żgħira u nieqsa mill-glorji ta’ din id-dinja bħalma huma suċċessi kkalkulati fuq kemm dak li jkun għandu flus, setgħa, unuri, prestiġju u fama. Ġesu’ qaleb din l-iskala tal-valuri: “L-ikbar wieħed fis-Saltna tas-Smewwiet huwa dak li jċekken lilu nnifsu bħal dan it-tfajjel żgħir” (Mt 18:4).

Itlob: Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej...għax Hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu...u għamel miegħi ħwejjeġ kbar!

Agħmel: Mill-messaġġi kollha tal-Evanġelju, dawn tal-lum huma fost l-iktar diffiċli biex taċċetthom. Meta llum qegħdin ngħixu f’soċjeta’ tal-immedjat, kif ser naċċettaw li biex il-Kelma ta’ Alla tagħmel il-frott trid iż-żmien? F’soċjeta’ li tippromwovi s-setgħa, il-fama, il-popolarita’, il-flus…kif ser naċċettaw li huwa min iċekken lilu nnifsu bħal tifel żgħir li huwa kbir fis-Saltna tas-Smewwiet? Is-Silta ta-Evanġelju tagħlaq b’din is-sentenza: “Lid-dixxipli tiegħu, meta kien ikun waħdu magħhom, kien ifissrilhom kollox”. Għandna bżonn ta’ riflessjoni u talb fis-skiet. Oħloq spazju spiritwali biex tirċievi mill-Ispirtu d-dawl li għandek bżonn biex taċċetta u tagħmel tiegħek il-messaġġ ta’ dawn il-parabboli u titraduċiehom f’għażliet tal-ħajja.


It-Tifkira tal-Ġisem u tad-Demm Ta’ Kristu

Eżodu 24:3-8; Salm 115; Lhud 9:11-15; San Mark 14:12-16.22-26

Aqra’: Imbagħad hu bagħat tnejn mid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Morru l-belt, u tiltaqgħu ma’ raġel iġorr ġarra ilma. Morru warajh, u għidu lil sid id-dar ta’ fejn tarawh dieħel: ‘Qallek l-Imgħallem: Fejn hi l-kamra tiegħi li fiha nista niekol l-ikla ta’ l-Għid mad-dixxipli tiegħi?”. U hu jurikom kamra kbira fuq, imgħammra u lesta. Ħejjulna hemmhekk”

Huma u jieklu, ħa l-ħobż f’idejh, qal il-barka, qasmu, newwilhulhom u qal: “Ħudu, dan hu ġismi”. Imbagħad ħa l-kalċi f’idejh, radd il-ħajr, u newilhulhom, u lkoll xorbu minnu. U qalilhom: “Dan huwa demmi, id-demm tal-patt, li jixxerred għal ħafna”.

Riflessjoni: L-Ewkaristija hija l-ikel tal-komunita’, hija ħobż li jitqassam lill-aħwa, għaliex il-komunita’ hija sinjal ta’ umanita’ ġdida, li twieldet bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet. Il-bieb “tal-kamra kbira fuq imgħammra u lesta” li jitkellem minnha Ġesu’, huwa miftuħ beraħ għal kulħadd biex jidħol. L-ikla tas-saltna ta’ Alla, imħabbra mill-profeti, hija mhejjija “għall-popli kollha” (Is 25:6). Kulħadd huwa milqugħ għaliha, ħadd mhu eskluż. Għal Alla mhemmx min hu safi jew min hu mniġġeż, minn jistħoqqlu u min ma jistħoqqlux; quddiem l-Ewkaristija kulħadd huwa fuq l-istess livell; lkoll midinbin, lkoll ma jistħoqqilnhiex, imma lkoll mistiednin biex nidħlu f’ komunjoni ma’ Kristu.

Il-ħobż huwa Kristu u l-kalċi ta’ demmu joħloq komunita’ ta’ aħwa ma’ Kristu u ma’ xulxin, biex hekk jifforma poplu ġdid li l-unika liġi tiegħu hija s-servizz lill-aħwa sal-punt li bħal Kristu, jagħtu ħajjithom bħala “ikel” li jissodisfa kull forma ta’ ġuħ tal-bnedmin.

Itlob: Int ragħaj tajjeb, ħobż tassew, Ġesu’ tagħna, ħenn għalina; Int itmagħna u ħarisna: Inti lilna l-ġid urina fl-art imbierka tal-ħajjin.

Agħmel: “Kull min jemmen li jitmantna bil-Ġisem mogħti għalih, u bid-Demm li nxtered għalih, jikseb il-qawwa biex, min-naħa tiegħu, jibdel lilu nnifsu f’don, kif jgħid Santu Wistin: ‘Kun dak li tirċievi, u rċievi dak li int’ (Diskors 272,1)” (San Ġwanni Pawlu II)


It-Trinita’ Qaddisa

Dewteronomju 4:32-34.39-40; Salm 32; Rumani 8:14-17; San Mattew 28:16-20

Aqra’: Ġesu’ resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtielkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien”.

Riflessjoni: Aħna l-insara m’għandniex xi dritt esklussiv fuq il-fidi f’Alla. Madanakollu, it-twemmin li f’Alla wieħed hemm il-Missier, l-Iben u d-don ta’ mħabba fl-Ispirtu, hi xi ħaġa li nsibuha biss fil-fidi nisranija. B’terminu astratt, li la hu bibliku u ċertament mhux adekwat biżżejjed, insejħu dan il-misteru: it-Trinita’. Ngħidu “misteru” mhux fis-sens ta’ xi ħaġa li ma tistax tinfthiem, imma fis-sens tar-rikkezza kbira tal-ħajja infinita ta’ Alla wieħed. Huwa jmur lil hinn minn kull ma aħna ‘l bnedmin nistgħu nifhmu. Bil-mod il-mod Huwa juri ruħu lill-bnedmin biex jintroduċihom għalih innifsu. Biex jidħlu fil-misteru ta’ Alla, il-Musulmani għandhom il-Koran, li minnu jġibu id-disa’ u disgħin isem ta’ Allah; il-mitt isem ma jissemmhiex, għaliex il-bniedem ma jistax jifhem għal kollox lil Alla. Il-Lhud isibu l-Mulej fil-ġrajjiet tal-istorja tas-salvazzjoni tagħhom, li mmeditaw fuqhom, kitbuhom u nterpretawhom kemm il-darba, sakemm fl-aħħar ġew mogħtijin lill-poplu, u iktar tard fil-kotba mqaddsa. Għall-insara, il-ktieb li jintroduċi lill-bnedmin għal Alla huwa Ġesu’ Kristu. Huwa l-Iben li mis-salib juri li Alla huwa Missier u don ta’ Imħabba, Ħajja, Spirtu.

Il-Vanġelu ta’ San Mattew jagħlaq bl-istess mod li jibda, bis-sejħa għall-Għimmanu-el, Alla magħna, l-isem li bih il-Messija kien imħabbar mill-profeti (Mt 1:22-23). Dak Alla li fih jemmnu l-insara mhuwiex il-bogħod mill-bnedmin, daqslikieku il-problemi, il-ferħ u l-inkwiet tagħna ma jinteressawhx. Huwa “Alla magħna”, Alla li huwa maġenbna ta’ kuljum, sakemm jilqagħna f’daru għal dejjem.

Itlob: Urini Mulej bil-moħħ u bil-qalb il-ħajja qaddisa tiegħek li hija mħabba.

Agħmel: “Għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtielkom jien”. X’qegħdin nagħmlu biex inxandru l-imħabba ta’ Alla lill-bnedmin ta’ żmienna?


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.