Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

L-Imqaddsa Verġni Marija Mtellgħa s-Sema

Apokalissi 11:19a; 12:1-6a.10ab; Salm 44; 1 Korintin 15:20-26; Luqa 1:39-56

Aqra’: Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja, għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’ driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma wiegħed ’il missirijietna – b’risq Abraham u nislu għal dejjem.”

Riflessjoni: Quddiem ir-realta’ tal-mewt u t-tħassir tal-ġisem fil-qabar, irid ikollna ħafna kuraġġ biex nemmnu li l-Mulej huwa Alla tal-ħajjin u biex nittamaw f’ħajja oħra ‘l hinn minn din il-ħajja li qed ngħixu issa. Fil-festa tal-lum, aħna għandna quddiemna mudell ta’ dik li baqgħet dejjem tafda f’Alla...Marija. Il-qariba tagħha Eliżabetta tgħidilha: “hienja dik li emmnet li jseħħ kulma ntqalilha min-naħa tal-Mulej”. Marija twieġeb b’innu ta’ tifħir lill-Mulej: il-Magnificat. Kull filgħaxija fil-Għasar (it-Talb ta’ Filgħaxija tal-Liturġija tas-Siegħat), il-Knisja tkanta dan l-innu. Dan isir biex f’dawk li jemmnu, probabilment ippruvati minn dak li jgħaddu minnu matul il-ġurnata, tibqa ħajja il-ħarsa tal-fidi li permezz tagħha Marija kienet kapaċi tħares u taqra dak li kienet għaddejja minnu fil-ħajja, u l-istorja tal-poplu tagħha. Marija tiżgurana li mhux biss issa, imma għal dejjem, għal eternita’, Alla jibqa’ dejjem fidil. Qatt mhu ser imur lura mill-patt ta’ mħabba magħna, u żgur mhux ser jabbandunana fil-mument tal-mewt.

Itlob: O Alla ta’ dejjem li tista’ kollox, int tellajt fil-glorja tas-sema, bir-ruħ u l-ġisem lill-Verġni bla tebgħa, Marija Omm Ibnek; agħmel li ħsibijietna jkunu dejjem fil-ħwejjeġ tas-sema, biex jistħoqqilna sehem magħha fil-glorja li tajtha.

Agħmel: Bħal Marija ħa ngħixu bil-fidi u mhux b’dak li naraw bl-għajnejn tal-ġisem (Ara 2 Korintin 5:7)


Id-19-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Slaten 19:4-8; Salm 33; Efesin 4:30-5:2; Ġwanni 6:41-51

Aqra’: Ġesù weġibhom: “Toqogħdux tgorru bejnietkom. Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja; u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Hemm miktub fil-Profeti: ‘U kulħadd ikun imgħallem minn Alla’. Mela kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu jiġi għandi. Mhux għax xi ħadd qatt ra lill-Missier ħlief dak li hu minn Alla; hu dan li ra lill-Missier. Tassew tassew ngħidilkom, min jemmen għandu l-ħajja ta’ dejjem. Jiena hu l-ħobż tal-ħajja. Missirijietkom kielu l-manna fid-deżert, u mietu; dan hu l-ħobż nieżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja”.

Riflessjoni: Ilkoll nafu kemm issirilna insistenza li rridu nżommu d-distanzi soċjali minħabba l-pandemija. U hekk għandu jkun! Imma Ġesu’ ma jridniex inżommu ‘l bogħod minnu. M’hemmx bżonn inżommu distanza minnu. Huwa jgħidilna: “Ħadd ma jista’ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja”. Alla jagħti lil kulħadd iċ-ċans li jsir jafu: “U kulħadd ikun imgħallem minn Alla”. It-tagħlim li l-Mulej jagħti lil kulħadd huwa l-Ispirtu tiegħu, dik l-imbuttatura divina li taħdem f’kull persuna, u tmexxih ‘il quddiem fit-toroq tal-ħajja. Sfortunatament, mhux dejjem u mhux kulħadd jgħożż dan l-Ispirtu; mhux kulħadd jitgħallem it-tagħlim tiegħu, lanqas ma’ kulħadd ikun doċli għall-imbuttaturi tiegħu. Huwa biss “kull min jisma’ lill-Missier u jitgħallem minnu” li jiġi għand Ġesu’. Il-mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna hija: Inħalli lili nnifsi nitgħallem mill-Ispirtu ta’ Kristu, jew bħal Lhud ta’ żmien Ġesu’, qiegħed niċħad “l-ħobż tas-sema’” u nagħżel l-ikel li jġib il-mewt? Ġesu jistedinna biex nassimilaw il-vanġelu tiegħu bħal ħobż, biex ikollna direzzjoni f’ħajjitna.

Itlob: Missier, iġbidni mill-ġdid lejn dak li bgħatt int mis-sema, il-Ħobż li jagħti l-ħajja. Mulej irrid nisma’ minnek. Irrid inqum u niekol u hekk inkun nista’ nibqa’ miexi fit-triq li twassalni għandek.

Agħmel: “Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb ‘il-Mulej”. Irringrazzja lil Alla għal kemm-il darba wriek it-triq u għat tjubija tiegħu. Itlob għall-familja u l-ħbieb biex anke huma jiskopru t-tjubija tiegħu


It-18-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Eżodu 16:2-4.12-15; Salm 77; Efesin 4:17.20-24; Ġwanni 6:24-35

Aqra’: Ġesu’ weġibhom: “Tassew tassew ngħidilkom, intom qegħdin tfittxuni mhux għax rajtu sinjali, imma għax kiltu mill-ħobż u xbajtu. Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom, għaliex lilu Alla l-Missier immarka bis-siġill tiegħu”.

Riflessjoni: Dak li fis-silta tal-vanġelu tal-Ħadd li għadda, it-tqassim tal-ħobż lill-folla kbira ta’ nies, deher bħala suċċess fil-popolarita’ ta’ Ġesu’ man-nies, tant li riedu jagħmluh Sultan, għal Ġesu’ kien mument diżappuntanti. Dan għaliex, dawk in-nies, mid-dehra ma’ kienux fehmu s-sinjal li ried iwasslilhom. Ġesu’ nduna li dawk in-nies ma kienux qed ifittxuh għaliex kienu bil-ġuħ għall-kelma tiegħu, għaliex riedu jipprofondixxu l-messaġġ tiegħu, jew biex ikunu mgħejjuna jifhmu s-sinjal li kien għamel.

Kienu qegħdin ifittxuh biss bit-tama li jerġa jkollhom ikel bl-abbundanza mingħajr ma jaħdmu biex jaqilgħuh. Permezz ta’ din l-atitudni ta’ dawn in-nies tal-Vanġelu, l-Evanġelista jistieden lil kull nisrani jeżamina l-motivazzjoni tiegħu għalxiex ifittex lill-Mulej, jistkenn fih, jitlob u jipprattika r-reliġjon. Hemm bżonn nammettu li xi drabi, bħal dawk in-nies li kienu xhieda tas-sinjal tat-tqassim tal-ħobż, aħna nersqu lejn Ġesu’ biss biex jagħtina ħobż li jittiekel u jgħaddi: grazzji speċjali, mirakli, saħħa, suċċessi, ġid materjali, ħarsien mid-diżgrazzji. Ġesu’ jgħidilna: “Tħabtu mhux għall-ikel li jgħaddi, iżda għall-ikel li jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem, dak li Bin il-bniedem jagħtikom.”

Itlob: “Sinjur agħtina dejjem minn dan il-ħobż.”

Agħmel: Il-ħobż li jissodisfa l-bżonn tal-ferħ fil-bniedem hija l-Kelma ta’ Kristu. Ħa naqraw u nirriflettu fuq il-Kelma ta’ Kristu bħala l-ħobż li jsir ħajja f’dawk li jiekluh.


Is-17-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Slaten 4:42-44; Salm 144; Efesin 4:1-6; Ġwanni 6:1-15

Aqra’: Ġesù rafa’ għajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: “Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: “Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”. Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu: “Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”. Ġesù qal: “Qiegħdu n-nies bilqiegħda”. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda. Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

Riflessjoni: Mis-sinjali kollha li għamel Ġesu’, l-ebda wieħed ma ġie rrakuntat tant drabi daqs il-miraklu tal-ħobż. L-Evanġelisti kollha jirrakuntaw din il-ġrajja. Imma huwa biss l-Evanġelista San Ġwann li jsemmi t-tfajjel li kellu “ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar”. Dan it-tfajjel kien lest li jaqsam il-ftit ikel li kellu, inkluż “il-ħobż tax-xgħir”, li kien it-tip ta’ ħobż li kienu jieklu l-fqar. It-tfajjel huwa il-mudell ta’ kif għandu jkun id-dixxiplu ta’ Ġesu’, in-nisrani: “Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha” (Mark 10:15). It-tfajjel fqir jirrapreżenta d-dixxiplu msejjaħ biex jaqsam ma’ ħutu dak kollu li għandu, anke jekk hu ftit. Il-ġenerożita’ ta’ dan it-tfajjel kienet iċ-ċavetta biex sar il-miraklu tal-qsim tal-ħobż. Id-dixxiplu jwarrab l-egoiżmu tiegħu, billi jirbaħ ir-regħba għall-flus u l-ġid li “hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Timotju 6:10). Huwa jilqa’ l-loġika tas-Saltna ta’ Alla u jaqsam ma’ l-aħwa dak li jkollu u hemmhekk iseħħ il-miraklu: kulħadd kiel u xebgħa, u baqa’ ż-żejjed ukoll. Hekk id-dixxiplu, jien u int, nidħlu fil-pjan ta’ Alla li jrid iħaddem il-providenza tiegħu permezz tagħna.

Itlob: Iftaħ idek, Mulej: ferraħna bil-ġid li tagħtina!

Agħmel: Ħa nagħmlu il-parti żgħira tagħna għall-ġid tal-oħrajn f’dik li hija presenza, kontribuzzjoni, organizzazzjoni. Il-bqija nħalluh f’idejn il-Mulej biex jipprovdi Hu.


L-16-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġeremija 23:1-6; Salm 22; Efesin 2:13-18; Mark 6:30-34

Aqra’: F’dak iż-żmien, l-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu. U hu qalilhom: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit”. Għax tassew, kien hemm ħafna nies ġejjin u sejrin, u anqas żmien biex jieklu ma kienu jħallulhom. Marru mela bid-dgħajsa weħidhom lejn post imwarrab, imma n-nies rawhom sejrin; kienu ħafna dawk li għarfuhom, u telqu jiġru ’l hemm bil-mixi, nies mill-ibliet kollha, u waslu qabilhom. Xħin niżel l-art mid-dgħajsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom, għax kienu qishom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.

Riflessjoni: Santu Wistin darba qal: Ħu ħsieb ġismek daqs li kieku ser tibqa’ tgħix għal dejjem; u ħu ħsieb ruħek daqs li kieku ser tmut għada”. Għandna bżonn nieħdu ħsieb lilna nfusna b’mod sħiħ dejjem, anke billi nfittxu li jkollna ħin ta’ mistrieħ. Il-vaganzi u l-mistrieħ mhuwiex ħela ta’ żmien, iżda bżonn. Ġisimna għandu bżonn il-mistrieħ, moħħna għandu bżonn il-mistrieħ, l-ispirtu tagħna għandu bżonn il-mistrieħ. Ngħidlek li l-ħin liberu huwa ħin sabieħ, anzi ħin prezzjuż. Fil-ħin tal mistrieħ, inti tista ssir taf aħjar lilek innifsek, lil dawk ta’ madwarek, lil Alla. Il-ħin tal-mistrieħ qatt m’għandu jkun ħin li fih titgħażżen. Bħala bniedem Ġesu’ kien iħoss l-għejja u allura l-bżonn tal-mistrieħ, iżda Ġesu’ qatt ma tgħażżen. Il-ħin tal-mistrieħ tiegħu kien jgħaddieħ fil-komunikazzjoni m’ Alla l-Missier u anki f’komunikazzjoni ma’ l-oħrajn. Aħseb ftit fuq dawn l-eżempji mill-vanġelu: "Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit." (Mark 6,31) “Minnufih ġagħal id-dixxipli tiegħu jitilgħu fuq id-dgħajsa u jmorru x-xatt l-ieħor qablu, lejn Betsajda, sakemm hu jibgħat in-nies. Wara li sellmilhom u ħalliehom, tala' fuq l-għoljiet biex jitlob”. (Mark 6:45-46) “Kien għall-ħabta tas-sitt siegħa, u Ġesù, għajjien kif kien mill-mixi, qagħad bilqiegħda ħdejn il-bir”. (Ġwanni 4:6) Ikompli imbagħad id-djalogu twil bejn Ġesu’ u s-samaritana (Ara Ġwanni 4:7-30).

Itlob: Fil-ħin tal-mistrieħ tista' tikkomunika iżjed mal-oħrajn u ma’ Alla: “L-appostli reġgħu ġew ħdejn Ġesù u qalulu kull ma kienu għamlu u għallmu”.

Agħmel: Tliet suġġerimenti biex tapprofitta ruħek iżjed mill-ħin liberu tiegħek: nissuġerilkom tisimgħu tliet ilħna:

  1. Ipprova isma’ l-leħen tan-natura, jiġifieri l-leħen ta’ dak kollu sabieħ li tara madwarek.
  2. Ipprova isma’ l-leħen tal-kuxjenza...il-leħen ta’ Alla ġewwa fik.
  3. Ipprova isma’ l-leħen ta’ l-oħrajn speċjalment tal-fqar u ta’ dawk inqas ixxurtjati minnek.

Il-15-il Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Għamos 712-15; Salm 84; Efesin 1:3-14; Mark 6, 7-13

Aqra: F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ it-Tnax, u beda jibgħathom tnejn tnejn, filwaqt li tahom is-setgħa fuq l-ispirti ħżiena. U wissiehom biex ma jieħdu xejn magħhom għat-triq ħlief ħatar: la ħobż, la ħorġa, lanqas flus fi ħżiemhom; imma li jilbsu l-qrieq u ma jxiddux żewġ ilbiesi. Qalilhom: “Fejn tidħlu f’xi dar, ibqgħu fiha sa ma titilqu minn hemmhekk. U jekk xi post ma jilqagħkomx u ma jisimgħukomx, itilqu minn hemm u farfru t-trab minn taħt saqajkom bħala xhieda kontrihom”. Ħarġu mela jxandru biex in-nies jindmu; u keċċew bosta xjaten, u dilku ħafna morda biż-żejt u fejquhom.

Riflessjoni: Fqar biex inkunu ħielsa jista jkun il-motto li jiġbor flimkien il-kundizzjonijiet li għamel Ġesu’ fl-Evanġelju tal-lum lil dawk li huma msejħa biex ixandru il-kelma tiegħu. Il-Mulej ordna lil-Knisja biex ixandar l-Aħbar it-Tajba tiegħu. Kull mgħammed għandu d-dmir li jipprietka. Ma nistgħux inħobbu ‘il Ġesu’, u ma jimpurtaniex jekk ħaddieħor iħobbux jew le. Dan ma jfissirx li għandna nimponu bilfors il-fehmiet tagħna. Imma wieħed għandu juri l-fehmiet tiegħu b’mod ċivili u b’rispett. Hekk noffru it-twemmin tagħna. L-isbaħ priedka hija ħajjitna: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmn biex jaraw l-għemjjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet” (Mt 5,16). It-tagħrif u t-tagħlim kif nagħmlu dan huwa importanti. Imma minkejja kollox, l-aktar ħaġa importanti tibqa l-qawwa ta’ Alla. Kien għalhekk li Ġesu’ qalilhom biex ma jieħdu xejn magħhom ħlief bastun, ħatar. L-aktar ħaġa importanti kienet u għadha li nistrieħu fuq ir-rieda ta’ Alla. Jekk ma nafdawx f’ Alla, jerġa jibdielna u ma nkomplux bix-xandir tagħna ta’ l-Aħbar it-Tajba.

Itlob: Mulej, aħna tant tqal biex nafdaw fik, u int tafdana b’għajnejk magħluqa. Mhux għax ma tafx kemm ma niswew xejn imma għax taf li id f’id miegħek naslu.

Agħmel: Ħalli ma ningħalqux fina nfusna. Ħalli ma nfittxux il-kumdita’ tagħna, imma nilqgħu s-sejħa tal-Mulej biex immorru nipprietkaw l-ewwel u qabel kollox bil-mod kif ngħixu.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.