Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-32 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Slaten 17:10-16; Salm 145; Lhud 9:24-28; Mark 12:38-44

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù kien qiegħed jgħallem fit-tempju u jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”. Ġesù kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi żewġ ċenteżmi. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Riflessjoni: F’kuntrast mal-kittieba, li kienu n-nies li jiddominaw fis-soċjeta’ ta’ żmien Ġesu’, l-armla fqira hija mudell ta’ reliġjożita awtentika.  Din il-mara għalkemm ma kinitx taf li Ġesu’, qatt ma semgħet it-tagħlim tiegħu, ġabet ruħha b’mod evanġeliku. Ġesu’ kien jgħid: “Meta tagħmel karita’, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor fis-sinagogi u fit-triqat, biex in-nies tfaħħarhom...meta tagħmel karita’ , idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija, biex hekk il-karita’ tiegħek issir fil-moħbi” (Mattew 6:1-4). L-armla hija ppreżentata lilna bħala mudell ta’ mħabba li tħobb lil Alla b’qalbha kollha, b’ruħha kollha, b’moħħha kollu u bil-qawwa tagħha kollha, u lill-proxxmu mingħajr kundizzjoni: “hi fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”. Id-dixxiplu awtentiku mhuwiex wieħed li jirriskja parti minnu jew milli għandu, imma joffri kull ma’ għandu u ħajtu kollha bħal ma għamel l-Imgħallem. Forsi aħna ngħidu: imma dan nuqqas ta’ għaqal. Imma jekk noqogħdu naħsbu nindunaw li mhux hekk. Dawn huma nies li poġġew it-tama tagħhom aktar f’ Alla, milli fir-riżorsi tagħhom. Kienu jemmnu li Alla huwa aqwa mill-kalkoli tagħhom.

Itlob: Mulej saffili l-intenzjonijiet tiegħi, neżżagħni minn kull forma ta’ suppervja, minn kull xewqa li nidher.

Agħmel: L-unika bażi soda tagħna hi li npoġġu l-fidi tagħna f’ Alla. Alla jimpurtah mid-dgħajfa u d-debboli fis-soċjeta’ u għandna


It-31 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Dewteronomju 6:2-6; Salm 17; Lhud 7:23-28; San Mark 12:28-34

Aqra’: F’dak iż-żmien, wieħed mill-kittieba resaq fuq Ġesù u staqsieh: “Liema wieħed fost il-kmandamenti kollha huwa l-ewwel?”. Ġesù wieġbu: “L-ewwel wieħed huwa dan: Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha. U t-tieni hu dan: Ħobb lil għajrek bħalek innifsek. Ma hemmx kmandament ieħor akbar minn dawn”. Qallu l-kittieb: “Sewwa qiegħed tgħid, Mgħallem; għandek raġun tgħid li wieħed hemm, u li ma hemmx ieħor ħliefu. Iva, li tħobb lilu b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, u bil-qawwa tiegħek kollha, u li tħobb lil għajrek bħalek innifsek, huwa aqwa minn kull sagrifiċċju tal-ħruq u mis-sagrifiċċji kollha”. Ġesù, meta rah kemm kien wieġeb bil-għaqal, qallu: “M’intix ’il bogħod mis-Saltna ta’ Alla”. U ħadd ma kellu l-ħila jistaqsih iżjed.

Riflessjoni: It-tweġiba li Ġesu’ jagħti lill-kittieb hija t-talba l-iktar mitluba mill-poplu ta’ Iżrael: “Isma’ Iżrael! Il-Mulej, Alla tagħna, Mulej wieħed hu, u int għandek tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u bil-qawwa tiegħek kollha”. (Ara Dewteronomju 6:4). Ġesu’ ma’ dan iżid li trid tħobb lil Alla “b’moħħok kollu” ukoll. Dan għaliex min mhux kapaċi li jagħti raġuni għall-fidi tiegħu, ma jistax jgħid li jħobb lil Alla. Imbagħad Ġesu’ jżid it-tieni kmandament: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” (meħud mill-Ktieb tal-Levitiku 19:18). Jista jkun hemm periklu li xi ħadd iħobb bis-serjeta’ lill-bniedem mingħajr ma jħobb lil Alla? Din il-possibilta’ tant ma teżistix li l-Bibbja lanqas biss tikkonsidrha. Jekk wieħed iħobb lill-bniedem, żgur li jkun imqanqal mill-Ispirtu biex jagħmel hekk, għaliex l-imħabba vera tiġi minn Alla (Ara 1 San Ġwann 4:7). Jista jkun hemm xi ħadd li jħobb lil Alla u ma jħobbx lill-għajru? Lanqas din ma hija possibli, għax iż-żewġ kmandamenti ma jistgħux ikunu separati, għaliex huma l-manifestazzjoni ta’ mħabba waħda (Ara Ġwanni 4:20). U għajrek minn hu? Ġesu’ jagħmilha ċara: Għajrek huwa kull min jinsab fil-bżonn, kemm jekk hu ħabib u kemm jekk hu għadu (Ara Mattew 5:43-48).  

Itlob: Int, Mulej, il-Mulej Alla tiegħi, u ħuti, bħali, xbihat ħajjin tiegħek. Imlieni b’kull rispett lejk u lejhom. Żidli dejjem id-doża ta’ mħabbti.

Agħmel: Aħseb xi jfisser fil-prattika li tobdi dawn iż-żewġ kmandamenti. X’inhuma l-implikazzjonijiet? Kif tista’ tħobb lil Alla kompletament? Kif tista tħobb lil għajrek bħalek innifsek?


It-30 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġeremija 31:7-9; Salm 125; Lhud 5:1-6; Mark 10:46-52

Aqra’: F’dak iż-żmien, waqt li Ġesù kien ħiereġ minn Ġeriko flimkien mad-dixxipli tiegħu u ma’ kotra kbira ta’ nies, kien hemm wieħed tallab agħma, jismu Bartimew, bin Timew, bilqiegħda mal-ġenb tat-triq. Dan, meta sama’ li kien Ġesù ta’ Nazaret, qabad jgħajjat u jgħid: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!”.Kien hemm ħafna li bdew jgħajtu miegħu biex jiskot imma hu aktar beda jgħajjat: “Bin David, ikollok ħniena minni!”. Ġesù waqaf u qal: “Sejħulu”. Huma sejħu l-agħma u qalulu: “Agħmel il-qalb! Qum, qiegħed isejjaħlek”. Dak tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejn Ġesù. U Ġesù kellmu u qallu: “Xi tridni nagħmillek?”. “Li nerġa’ nara, Rabbuni”, wieġbu l-agħma. U Ġesù qallu: “Mur, il-fidi tiegħek fejqitek”. U minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq.

Riflessjoni: Darba Ġesu’ ċanfar lid-dixxipli tiegħu: “Għadkom ma ntbaħtux u ma fhimtux? X’ebusija ta’ ras għandkom? Għandkom għajnejn u ma tarawx?” (Mark 8:17-18). Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, Bartimew huwa x-xbieha tad-dixxiplu li fl-aħħar jiftaħ għajnejh għad-dawl tal-Imgħallem u jiddeċiedi li jibqa’ “mixi warajh fit-triq”. Il-laqgħa ta’ Bartimew ma’ Kristu ġġallu jtajjar il-mantar minn fuqu...l-unika ħaġa li kellu. Dan ifisser li ma kinx iktar interessat fit-tip ta’ ħajja li kien għex s’issa. Il-laqgħa  ma’ Kristu u mad-dawl tiegħu tpoġġi lil dak li jkun f’kundizzjoni diffiċli. Qabel Bartimew kien bilqiegħda, issa kellu jibda jimxi; qabel kellu il-“professjoni tiegħu” ta’ tallab, li tajjeb jew ħażin kienet tipprovdilu x’jiekol, issa ried jivvinta tip ta’ ħajja għal kollox ġdida; qabel kellu post fejn jgħix qalb in-nies li kien jaf u l-ħbieb, issa kellu jitlaq għal avventura li kienet tidher riskjuża. Kull min irid jiġi għand Kristu m’għandux jilludi lilu nnifsu li ser ikollu ħajja komda u mingħajr inkwiet. L-esperjenza ta’ Bartimew turina li l-mixja li qed tistenna lil min irċieva d-dawl mhix mixja faċli; hija ġġall lil dak li jkun jbiddel id-drawwiet, l-imġieba u l-ħbiberiji tiegħu. Titlob li l-ħajja, il-ħin u l-ġid ikunu mmexxija b’mod radikalment ġdid. Min irid li jkun imdawwal minn Kristu, irid jgħażel bejn il-mantar il-qadim u d-dawl.

Itlob: Ġesu’ lilek ukoll qed jistaqsik: “Xi tridni nagħmillek?” Bartimew l-ewwel talab għall-ħniena, u wara talab għall-fejqan. Inti x’ ser titolbu? Il-ħtiġijiet immedjati...jew l-ewwel ser titolbu li jkabbarlek il-fidi fih, fil-qawwa tiegħu, fl-imħabba tiegħu?

Agħmel: Biex naslu biex ngħarfu n-nuqqasijiet tagħna, u nitolbu lill-Mulej id-dawl tiegħu, Irridu nammettu li aħna lkoll b’xi mod “għomja”,. Imbagħad inkunu nistgħu ntajru l-“mantar” u ngħażlu ħajja ġdida fid-dawl ta’ Kristu.


Id-29 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Isaija 53:10-11; Salm 32; Lhud 4:14-16;San Mark 10:35-45

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”. “Xi triduni nagħmlilkom?” staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”. Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. ”Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”. L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

Riflessjoni: Fi triqtu lejn Ġerusalemm biex jieħu l-Passjoni u l-mewt, Ġesu’ jiġi iffaċjat b’talba minn tnejn mid-dixxipli tiegħu għal dak li jikkonsidraw bħala dritt: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”. Lanqas quddiem il-mewt ma jieqfu joħolmu bil-glorja tagħhom! Din hija arroganza kbira li turi fejn ir-rieda li bniedem għandu li jikkmanda tista twassal. L-għaxra l-oħra jeħduha kontrihom għax jibżgħu li Ġesu’ kien ħa jagħmel xi preferenza maż-żewġ dixxipli. Huwa jispjegalhom li l-mudell li d-dixxiplu għandu jimita huwa tal-ilsier. Bħalma Hu “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”, hekk għandu jagħmel id-dixxiplu tiegħu. Kull min irid jimxi wara l-Imgħallem Ġesu’ għandu jkun meqjus bħala l-qaddej ta’ kulħadd.   

Itlob: Mulej, agħmel li norbtu dejjem ir-rieda tagħna ma’ tiegħek u naqdu s-setgħa tiegħek b’qalb safja.

 

Agħmel: “Min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd”.


Is-28 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Għerf 7:7-11; Salm 89; Lhud 4:12-13; San Mark 10:17-30

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù kien se jaqbad it-triq lejn Ġerusalemm, meta mar fuqu wieħed jgħaġġel, niżel għarkupptejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?”. Qallu Ġesù: “Għaliex qiegħed issejjaħli tajjeb? Ħadd mhu tajjeb ħlief Alla biss. Inti l-kmandamenti tafhom: la toqtolx, la tiżnix, la tisraqx, la tixhidx fil-falz, la tiħux bil-qerq dak li hu ta’ ħaddieħor; weġġaħ lil missierek u ’l ommok”. U dak wieġbu u qallu: “Mgħallem, jiena dan kollu ili nħarsu minn żgħożiti”. Imbagħad Ġesù xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba u qallu: “Ħaġa waħda tonqsok: mur bigħ li għandek, agħtih lill-fqar, u jkollok teżor fis-sema; imbagħad ejja u imxi warajja”. Imma għal dan il-kliem ir-raġel qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda, għaliex kellu bosta ġid. Ġesù mbagħad ħares ħarsa madwaru u qal lid-dixxipli tiegħu: “Kemm hi iebsa għall-għonja li jidħlu fis-Saltna ta’ Alla!”. Id-dixxipli stagħġbu għal din il-kelma, imma Ġesù raġa’ qalilhom: “Kemm hi iebsa, uliedi, li wieħed jidħol fis-Saltna ta’ Alla! Eħfef li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra milli wieħed għani jidħol fis-Saltna ta’ Alla”. Huma stagħġbu wisq aktar, u bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Mela min jista’ jsalva?”. Ġesù ħares lejhom u qalilhom: “Għall-bnedmin dan ma jistax ikun, imma għal Alla iva; għax għal Alla kollox jista’ jkun”.

Riflessjoni: Nhar it-Tnejn li għadda kienet il-festa ta’ San Franġisk. San Franġisk darba qal hekk: “Ftakar li meta titlaq minn din id-dinja ma tieħu xejn miegħek minn dak li tkun irċevejt, imma biss minn dak li tkun tajt”. Dan il-kliem ta’ San Franġisk jiġbor il-messaġġ kollu tal-Kelma ta’ Alla tal-lum.  Kemm hu attwali dan il-messaġġ għall-bniedem tal-lum li donnu japprezza kull ħaġa li jmiss magħha – il-professjoni, tiftix xjentifiku, ħbiberiji, familja u kultant anke r-reliġjon, daqskemm jipproduċu ġid u flus.

Il-proposta ta’ Ġesu’ li jagħmilha b’imħabba lil dan iż-żgħażugħ nistgħu npoġġuha f’dan il-kliem: “Neħħi l-ġid kollu li għandek, tarmihx, imma agħtih lil dawk li għandhom bżonn. Inti tibqa’ fqir u Alla jkun it-teżor tiegħek”. Din il-proposta li Ġesu’ jagħmel lil kull dixxiplu titlob biex dak li jkun ma jkomplix juża b’mod egoistiku mhux biss il-flus imma l-ġid kollu tiegħu: l-intelliġenza, is-saħħa, il-ħin tiegħu, il-kapaċitajiet kollha li rċieva mingħand Alla. Wieħed ma jistax ikun dixxiplu ta’ Ġesu’ jekk jorbot qalbu mal-ġid li għandu, u ma jkunx lest li jaqsam dak li għandu ma’ min hu fil-bżonn.

Itlob: Mulej, ixħet fuqna ħarsa ta’ mħabba. Fejjaq il-qalb tagħna li m’għandhiex xaba’. Inroddulek ħajr tal-ħajja, il-ferħ, u s-saħħa li tajtna bis-saħħa tal-flus. Nitolbuk maħfra ta kemm ħsara u deni għamilna bihom lilna stess jew lill-oħrajn.

Agħmel: Il-ferħ jinbet biss f’qalb ħielsa u mimlija b’rabtiet li jkattru l-ħajja! Hu għalhekk meħtieġ li tkun lest li taqsam kollox biex ikollok kollox: “Tassew ngħidilkom, li fost dawk kollha li minħabba fija u l-Evanġelju jħallu lil darhom jew lil ħuthom jew lil ommhom jew lil missierhom jew lil uliedhom jew l-għelieqi tagħhom, ma hemm ħadd fosthom li minn issa, f’din id-dinja stess, ma jirċevix, għal mitt darba iktar, djar, aħwa, subien u bniet, ommijiet, ulied u għelieqi flimkien ma’ persekuzzjonijiet, u l-ħajja ta’ dejjem fiż-żmien li ġej”.


Is-27 Ħadd matul is-Sena Liturġika B

Ġenesi 2:18-24; Salm (127) 128, Lhud 2:9-11; Mark 10:2-16

Aqra’: F’dak iż-żmien, resqu xi Fariżej lejn Ġesù u biex iġarrbuh staqsewh jekk raġel jistax jitlaq lil martu. Weġibhom u qal: “X’ordnalkom Mosè?”. Qalulu: “Mosè ta l-permess li wieħed jagħmel il-kitba tad-divorzju, u jibgħatha”. Imbagħad weġibhom Ġesù: “Minħabba l-ebusija ta’ qalbkom kitbilkom dan l-ordni. Iżda sa mill-bidu tal-ħolqien Alla għamilhom raġel u mara. Għalhekk mela raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu, u t-tnejn isiru ġisem wieħed. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”. Xħin daħlu d-dar id-dixxipli reġgħu staqsewh fuq dan, u hu qalilhom: “Min jitlaq lil martu u jiżżewweġ oħra jkun ħati ta’ adulterju kontra l-ewwel waħda; u jekk mara titlaq lil żewġha u tiżżewweġ ieħor tkun ħatja ta’ adulterju”. Ġibulu quddiemu xi tfal ċkejknin biex iberikhom, iżda d-dixxipli tiegħu qabdu jgħajtu magħhom. Ġesù, meta ra hekk, inkorla u qalilhom: “Ħalluhom it-tfal żgħar jiġu għandi; iżżommuhomx, għax ta’ min hu bħalhom hija s-Saltna ta’ Alla. Tassew ngħidilkom, li min is-Saltna ta’ Alla ma jilqagħhiex bħal tifel ċkejken ma jidħolx fiha”. Imbagħad ħaddanhom miegħu u qiegħed idejh fuqhom u berikhom.

Riflessjoni: Hemm sitwazzjonijiet meta l-miżżewġin jibdew jaħsbu hux ta’ min jibqgu jipprovaw isewwu relazzjoni li marret ħażin u li tkissret mingħajr ma donnha tista tissewwa. Miżżewġin li ma jħobbux iżjed lil xulxin, inkompatibli fil-karattru, jitkellmu biss biex joffendu lil xulxin u anke t-tfal huma involuti fil-falliment tar-relazzjoni tal-ġenituri. X’sens għanda li miżżewġin bħal dawn jibqgħu jgħixu flimkien? Possibli Alla jitlob li ttawwall iż-żwieġ li sar tortura? Mhux aħjar kulħadd imur għar-rasu u jibni ħajja ġdida? Għal dawn il-mistoqsijiet, il-loġika tal-bnedmin twieġeb mill-ewwel: id-divorzju huwa l-aħjar soluzzjoni. Jekk tant kopji jinfirdu wara ftit snin ta’ żwieġ, tista’ tkompli tgħażel li tgħix flimkien? Jekk l-affarijiet ma jmorrux tajjeb fiż-żwieġ mhux aħjar kulħadd jitlaq għar-rasu mingħajr ħafna problemi?

M’hemm l-ebda qasam daqs il-qasam tal-etika sesswali, fejn il-bniedem huwa ttantat li jagħmel morali għalih innifsu, u allura l-melħ tal-Vanġelu jitlef t-togħma tiegħu b’ħafna “imma”, “jekk”, “madanakollu” u “jiddependi”. Li wieħed isir bħat-tfal iż-żgħar huwa bżonnjuż biex dak li jkun jidħol fis-Saltna tas-Sema, biex jifhem il-proposta diffiċli ta’ Kristu. Huwa biss min iħoss ruħu ċkejken, li jemmen fl-imħabba tal-Missier u jafdah, li jista’ jilqa’ l-ħsibijiet ta’ Alla. Mhux kulħadd jista jifhem dawn il-ħsibijiet ta’ Alla, “imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha” (Mt 19:11), mhux min għandu l-għerf u d-dehen, imma ċ-ċkejknin (Mt 11:25).

Itlob: Mulej, għallimna nilqgħu s-Saltna tiegħek b’qalb ta’ tifel ċkejken bla ħażen, b’kunfidenza, ħa nagħarfu x’ridt int mill-bidu: biex dak li għaqqadt int ma nifirduhx aħna l-bnedmin b’disprezz lejn il-pjan tiegħek b’dannu kbir għalina nfusna. Iżżommx bogħod minnek Mulej, lanqas lil min tfixkel u tħawwad.

Agħmel: Ikteb xi ftit mill-barkiet li tara fil-familja tiegħek u rodd ħajr lil Alla għalihom. Meta jiġuk il-provi fil-ħajja, ħares lejn dak li ktibt u ftakar fil-fedelta’ ta’ Alla.


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.