Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Ħadd il-Palm: Bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa

Isaija 50:4-7; Salm 21; Filippin 2:6-11; Mark 14:1 – 15:47

Aqra’: U wasslu lil Ġesu’ f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedtx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh.

Riflessjoni: Matul il-Ġimgħa Imqaddsa, aħna msejħin biex nikkontemplaw ix-xbieha ta’ Ġesu’ fuq is-Salib. Li tikkontempla s-salib ma jfissirx li inti qed tbaxxi rasek quddiem oġġett materjali. Lanqas ma jfisser li toqgħod taħseb fuq l-aspett ta’ niket tal-Passjoni ta’ Kristu. Is-salib jindikalna għażla ta’ ħajja: l-għotja tiegħek innifsek lill-oħrajn. Li tikkontempla l-Kurċifiss ifisser li qed tagħmel minn dan is-sinjal punt ta’ referenza għal kull deċiżjoni li tieħu.

Itlob: Mulej għallimna narawk imsallab f’kull persuna mwarrba u mweġġa; imneżża mid-dinjita’ tagħha, emarġinata u mkissra.

Agħmel: Matul il-Ġimgħa Mqaddsa ħarreġ lilek innifsek kif ser tingħata iktar lill-oħrajn fl-imħabba. Paċpaċ inqas u agħmel ferm iktar: mut għalik innifsek, għall-ġibdiet tiegħek, għall-gosti tiegħek, għar-rieda tiegħek, biex jgħixu l-oħrajn.


Il-Ħames Ħadd tar-Randan

Ġeremija 31, 31-34; Salm 50; Lhud 5, 7-9; Ġwanni 12, 20-33

Aqra’: F’dak iż-żmien: Fost dawk li telgħu Ġerusalemm biex jagħtu qima ‘l Alla fil-festa kien hemm xi Ġriegi. Dawn marru għand Filippu...u talbuh: “Sinjur, nixtiequ naraw lil Ġesu’”.... U Ġesu’ weġibhom: “Waslet is-siegħa li fiha Bin il-bniedem għandu jkun igglorifikat. Fis-sewwa, fis-sewwa ngħidlkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”

Riflessjoni: “Nixtiequ naraw lil Ġesu’”. Din ma kinitx sempliċement kurżita biex jaraw lil dak li kulħadd kien qiegħed ifittex għax kien qajjem lil Lażżru mil-imwiet. Fil-vanġelu skont San Ġwann, il-verb ‘tara’ ifisser issir taf sewwa lill-persuna. Dawn il-Griegi ma kinux interessati fil-fattizzi ta’ Ġesu’, kif kien jilbes jew kif kien jippreżenta ruħu. Li xtaqu kien li jsiru jafu l-identita’ tiegħu u jekk kinx jista jagħtihom sens ġdid f’ħajjithom. Ġesu’ jagħmel diskors li bih juri l-vera wiċċu. Huwa jagħmel proposta li għal mentalita’ griega, u probabilment ukoll għalina, il-bnedmin tal-lum, tidher proposta assurda: il-ħajja tilħaq il-milja tagħha meta tkun ikkunsmata mill-imħabba. Huwa Hu l-ewwel li joffri lilu nnifsu, u din hija l-glorja tiegħu. Ġesu’ jispjega lill-griegi u lilna, x’inhi l-glorja vera: “jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott”.

Itlob: Għallimna Mulej biex bħalek, b’ubbidjenza lejn ir-rieda tal-Missier, ningħataw lilek u lil ħutna.

Agħmel: Noqogħdu attenti li ma naqawx għat-tentazzjoni sottili li nsibu ruħna nagħmlu prattiċi reliġjużi mingħajr ma nkunu verament maqgħudin ma’ Kristu fil-fidi. Li nikkuntentaw biss b’xi talb, ritwali u ċelebrazzjonijiet u anke f’dawn…nagħmlu l-inqas possibli u bid-dubju. Il-wiċċ li Ġesu’ jurina tiegħu nnifsu, jitlob minna impenn totali. Il-proposta tiegħu ”hija skandlu għall-Lhud u bluha għall-Griegi” (1 Korintin 1, 22), imma fil-fatt huwa biss dak il-bniedem li bħal Ġesu’ jmut għall-ħutu, li skont Alla jagħmel suċċess.


Ir-Raba’ Ħadd tar-Randan Sena B

2 Kronaki 36:14-16.19-23; Salm 136; Efesin 2:4-10; San Ġwann 3:14-21

Aqra’: Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.

Riflessjoni: “Minn hemm għandu jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”. Hekk nistqarru meta ngħidu l-Kredu ta’ l-Appostli. Biss qatt staqsejna lilna nfusna xi tfisser “minn hemm għandu jiġi”. Meta ngħidu “Min hemm, minn fejn?” Probabilment ma staqsejniex din il-mistoqsija, għax it-tweġiba tidher ovvja għalina: Huwa għandu jiġi lura mis-smewwiet. Kristu Rxoxt wiegħed li jkun mad-dixxipli tiegħu “dejjem, sa l-aħħar taż-żminijiet” (Mattew 28:20). Dan ifisser li mhemmx għalfejn nistennew li jiġi lura, u li t-tron li fuqu joqgħod biex jagħmel il-ħaqq, m’għandux ikun fis-smewwiet, imma fuq l-art. Fejn? U hawn is-sorpriża: huwa mis-salib li huwa jiġġudika id-dinja. Huwa Ġesu’ Kurċifiss, li mar kontra l-aspettazzjonijiet u l-valuri ta-dinja. Huwa ġġudika t-telfiet bħala rebħiet, is-servizz bħala setgħa, il-faqar bħala ġid, it-telf bħala gwadann, l-umiljazzjoni bħala rebħa, u l-mewt bħala twelid. Ħa nħarsu lejn Ġesu’ Kurċifiss għaliex Hu biss jgħid il-verita’ dwar l-għażliet li għandhom jagħmlu l-bnedmin. Għandna naċċettaw u nimxu biss fuq il-ħaqq tiegħu. Il-ħaqq tal-Kurċifiss m’għandux inissel fina biża’. Huwa veru l-ikbar kundanna tal-ħażen. Biss huwa ir-raġuni għaliex il-midneb għandu jifraħ u jittama. Minn fuq is-Salib ilkoll nisimgħu lil Ġesu’ jgħidilna: “Jiena ma ġejtx biex nikkundanna d-dinja, imma biex insalvha” (Ġwanni 12:47)

Itlob: O Kristu Kurċifiss, agħtina l-grazzja li ma nibżgħux mill-ġudizzji tal-bnedmin, imma nimxu fuq il-ġudizzji tiegħek!

Agħmel: Ħa nersqu lejn id-dawl biex nuru li hemm Alla f’għemilna, billi nagħmlu dak li hu sewwa.


It-Tielet Ħadd tar-Randan

Eżodu 20:1-17; Salm 18; 1 Kor 1:22-25; Ġw 2:13-25

Aqra’: Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?” Ġesù weġibhom: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem jien nerġa’ ntellgħu”. Għalhekk il-Lhud qalulu: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu.

Riflessjoni: Dak li għamel Ġesu’ fit-tempju fis-silta tal-vanġelu tal-lum, mhuwiex biss korrezzjoni ta’ abbużi li kienu qed isiru fit-tempju ta’ Ġerusalemm, imma  huwa stqarrija li kien għadda żmien tat-tempju, meqjus bħala l-garanzija tal-presenza ta’ Alla u tas-salvazzjoni. Il-laqgħa tagħna ma’ Alla mhux ser tkun iżjed f’post partikulari, imma f’tempju ġdid: il-ġisem ta’ Kristu rxuxtat.

Meta qajjem lill-Ibnu mill-imwiet, il-Missier poġġa l-ġebla tax-xewka ta’ dan is-santwarju ġdid. San Pietru iħeġġeġ lill-imgħammdin ġodda li jkunu maqgħudin fi Kristu: “Ersqu, mela lejh, li hu dik il-ġebla ħajja li kient imwarrba mill-bennejja, imma magħżula minn Alla bħala ġebla għażiża. U intom ukoll, bħal-ġebel ħaj, inbnew f’dar spiritwali, saċerdozju qaddis, biex toffru sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ‘l Alla permezz ta’ Ġesu’ Kristu”. (1 Pietru 2: 4-5).

L-uniċi sagrifiċċji aċċettati minn Alla huma l-opri ta’ mħabba, is-servizz ġeneruż lill-bnedmin l-oħra, speċjalment il-fqar, il-morda, l-emarġinati, dawk li huma bil-ġuħ u dawk li m’għandhomx x’jilbsu. Dak li jieqaf ma’ ħuħ biex jaqdih, ikun qed jagħmel ġest saċerdotali: maqgħud ma’ Kristu, it-tempju ta’ Alla, li jwassal fis-sema il-fwieħa ħelwa ta’ offerta safja u qaddisa.

Is-servizzi liturġiċi fil-knejjes tagħna jagħmlu sens meta jiċċelebraw ħajja mgħejxa skont il-vanġelu.

Itlob: Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija, Mulej, inti tagħtina r-rahan tal-ħwejjeġ tas-sema li għadhom moħbija għal għajnejna, u sa min din l-art timliena b’ikel spiritwali; fiċ-ċokon tagħna nitolbuk biex dak li jseħħ fina taħt il-velu tal-misteru, inwettquh bl-għemejjel tajba tagħna.

Agħmel: “Tinsewx tagħmlu l-ġid lill-oħrajn, u taqsmu bejnietkom dak li għandkom, għax b’sagrifiċċji bħal dawn jitgħaxxaq Alla” (Lhud13:16)

 


It-tieni Ħadd tar-Randan Sena B

Ġenesi 22:1-2.9a. 10-13.15-18; Salm 115; Rumani 8:31b-34; San Mark 9:2-10

Aqra’: Ġesu’ ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom waħedihom fuq mintanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad jgħammex b’dija tal-għaġeb...Imbaghad ġiet sħaba u għattiehom, u min ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu”.

Riflessjoni: Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum tat-Trasfigurazzjoni, Ġesu’ qed juri s-sbuħija u l-glorja tiegħu  biex kull min qed jimxi warajh, kull dixxiplu, jkun attirat lejh, u ma jeħilx mat-tbatija. Għax ir-realta’ hija li biex tgħix verament ta’ nisrani trid ħafna drabi tbati. U Ġesu’ għax jaf li aħna faċilment naqtgħu qalbna, meta niġu ppersegwitati minħabba t-tajjeb, illum jiddi quddiemna b’dija li tgħammex, biex nibqgħu mexjin warajh, minkejja li rridu nerfgħu is-salib tagħna. Meta l-Mulej jsir persuna ħajja fil-ħajja tagħna, minkejja s-sofferenza, qalbna tibqa’ tinġibed lejh bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, għax kif jgħidilna San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Jekk Alla hu magħna, min jista jkun kontra tagħna?”.  Meta nħossuna qed naqtgħu qalbna, ħa ndawru l-ħarsa tagħna lejn il-wiċċ jiddi ta’ Ġesu’.

Itlob: Mulej inti ħlaqtna biex ingawdu, biex nifirħu, biex nitpaxxew bid-dehra meraviljuża tiegħek. Biss sa ma naslu fuq it-Tabor tagħna, jeħtieġ nitilgħu l-Kalvarju ma’ Ibnek: basta tweżinna int, tara safejn naslu tagħmlilna forċina meta ngħajjew.

Agħmel: Ħa nagħmlu ħilitna biex matul dan ir-Randan insiru iktar midħla tal-Kelma ta’ Alla: billi naqraw u nirriflettu fuq siltiet mill-Bibbja, nieħdu sehem iktar fil-quddies, immorru l-Eżerċizzi Spiritwali, insegwu iktar il-Kelma ta’ Alla permezz tas-Social Media. Huwa b’hekk li nkunu qed nisimgħu lil Ġesu’, biex ikompli jagħmlilna l-kuraġġ ħalli nkunu verament dixxipli tiegħu.


Ġen 9:8-15; Salm 24; 1 Pietru 3:18-22; Mark 1:12-15

Aqra’: “Inqiegħed il-qaws tiegħi fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; ma jkunx hemm iżjed l-ilma tad-dulluvju biex jeqred kull laħam ħaj”. “

“Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”

Riflessjoni: L-awtur sagru tal-Ktieb tal-Ġenesi juża l-istorja tad-dulluvju ta’ żmien Noe, mhux biex jgħallem li Alla jitlef il-paċenzja u jikkastiga – Alla qatt ma kkawża dulluvji u l-ebda diżastru ieħor - imma biex iħeġiġna biex ma naqtgħux qalbna quddiem il-ħażen li jeżisti fid-dinja. Anke meta l-ħażen ikun jidher li qabeż kull limitu, il-bniedem li għandu fidi f’ Alla jibqa’ jittama, għax jaf li Alla ddeċieda li joħloq umanita’ ġdida, mhux mill-irmied tal-bnedmin, imma mit-tkissir ta’ soċjeta’ ħażina li bnew il-bnedmin. Alla ma jaqtax qalbu quddiem il-ħażen. Huwa jsewwi u jibni mill-ġdid. Jibda umanita’ ġdida u jwegħda biss affarijiet tajba u kull barka: “Jien nagħmel l-patt tiegħi magħkom, li qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet td-dulluvju; u qatt iżjed ma jkun dulluvju biex iħarbat l-art”. Alla ma jaħlifx li huwa ma jikkastgax lill-bnedmin bil-kundizzjoni li ma jagħmlux iktar dnubiet. Imma jintrabat li jbierek dejjem u f’kull każ. Dan huwa messaġġ ta’ faraġ li l-Bibbja twassal sa mll-bidu tal-ewwel kapitli tagħha: Alla ma joqgħodx jistenna lill-bnedmin isiru tajbin qabel ma jkun ġeneruż magħhom. Jilqa’ l-persuna kif inhi, u bl-imħabba, jibdilha f’ħolqien ġdid.  

Itlob: “Ħallini , Mulej, niftaħ fommi quddiem il-ħniena tiegħek, għad li jien trab u rmied. Ħallini, għalhekk, nitkellem, għaliex hija l-ħniena tiegħek li magħha ser nitħaddet u mhux ma’ bniedem li jiddieħak bija. Aktarx li int ukoll għall-ewwel tiddieħak bija, iżda wara ddur lejja u tħenn għalija” (Santu Wistin, Stqarrijiet 1, 6)

Agħmel: Fiduċjużi f’dan Alla li jersaq lejna aħna kif aħna, ħa nilqgħu mela l-istedina ta’ Ġesu’ fl-Evanġelju: Is-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”. Ħa nagħmlu dan billi fir-Randan niċċaħħdu minn xi ħaġa biex nagħtuha lill-fqar, naqraw u nirriflettu minn qabel il-qari li jkun ser jinqara fil-quddiesa, nippruvaw nagħmlu att ta’ karita’ kuljum, nitolbu għall-proxxmu tagħna, u nużaw il-meżżi kollha li jistgħu iqarrbuna iktar lejn il-ħniena ta’ Alla.


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.