Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

It-Tmien Ħadd tas-Sena C

Bin Sirak 27:5-8; Salm 91; 1 Korintin 15:54-58; San Luqa 6:39-45

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.

Riflessjoni: Kif ser niddistingwu lil min nistgħu nafdaw u lil min m’għandniex nafdaw? Kif ser ngħarfu dawk lil dawk li huma għomja jew għandhom travu quddiem għajnejhom?  Is-silta tal-Evanġelu tagħtina l-kriterju kif għanda niġġudikaw:  Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Fil-vanġelu ta’ San Luqa l-“frott” huwa l-messaġġ li n-nisrani jwassal. Il-messaġġ jista jkun tajjeb jew ħażin. Ġesu’ jistedinna biex nevalwaw lil dak li jkun skont kliemu: “Mill-fomm joħroġ dak li jfur mill-qalb”. Dak li jgħid għandu jiġi ppruvat mill-Vanġelu. Imbagħad inkunu nistgħu nevalwaw  jekk dak li qed jgħidilna huwiex ikel li jsaħħaħna jew frott velenuż. Qalb tajba titkellem kliem tajjeb u mimli ħniena, waqt li qalb ħażina titkellem kliem li jniggeż jew iweġġa’. Ġesu’ ma qalilniex nitgħallmu minnu kif nagħmlu l-mirakli. Imma qalilna: “Tgħallmu minni għax jien ta’ qalb ħelwa u umli” (Mt 11, 29).

Itlob: Bis-Salm 91: “Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber. Imħawlin f’dar il-Mulej, iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna”.

Agħmel: “Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem, għax hekk jiġu ppruvati n-nies” (Bin Sirak 27:8)

 

 

 

 

 


Is-Seba’ Ħadd matul is-Sena C

1 Samwel 26:2.7-9.12-13.22-23; Salm 102; 1 Korintin 15:45-49; Luqa 6:27-38

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Imma lilkom, li qegħdin tisimgħuni, ngħidilkom: Ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid lil min jobgħodkom, bierku lil min jisħetkom, itolbu għal min iżeblaħkom. Min jagħtik bil-ħarta fuq naħa waħda, dawwarlu wiċċek ħalli jagħtik fuq in-naħa l-oħra; min jeħodlok il-mantar, anqas il-libsa ma għandek tiċħadlu. Agħti lil kull min jitolbok; u min jeħodlok xi ħaġa tiegħek, titlobhilux lura. Kif tridu li l-bnedmin jagħmlu lilkom, hekk ukoll agħmlu intom lilhom. Jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax il-midinbin ukoll iħobbu lil min iħobbhom. U jekk tagħmlu l-ġid lil min jagħmel il-ġid lilkom, xi ħlas jista’ jkollkom? Għax dan jagħmluh saħansitra l-midinbin. U jekk tisilfu xi ħaġa lil min tistennewh iroddhielkom lura, xi ħlas jista’ jkollkom? Il-midinbin ukoll jisilfu lill-midinbin, bil-ħsieb li jieħdu lura daqshekk ieħor mingħandhom. Imma intom ħobbu l-għedewwa tagħkom, agħmlu l-ġid, isilfu bla ma tistennew xi ħaġa lura, u l-ħlas tagħkom ikun kbir; u tkunu wlied Alla l-Għoli, li hu tajjeb mal-ingrati u l-ħżiena. Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom. Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Kejl tajjeb, marsus, mheżżeż sewwa u mburġat iqegħdulkom f’ħoġorkom; għax bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom”.

Riflessjoni: Meta tħobb lil min jagħmillek il-ħsara ifisser li tkun qed tgħinu biex jinduna bl-iżball tiegħu u jinbidel.  Mhux faċli bħala bnedmin li nagħmlu dan. Huwa għalhekk li Ġesu’ jitlob minna mhux biss imħabba, li nagħmlu t-tajjeb, li nbierku, imma wkoll li nitolbu. Hemm bżonn nitolbu għal min jagħmlilna d-deni. Meta nagħmlu dan inkunu qed niddisponu qalbna biex tissaffa minn kull forma ta’ mibegħda.  Nitolbu lil Alla biex jimla bit-tajjeb lil min jagħmel il-ħażin; u meta jirnexxilna nitolbu hekk, il-qalb tagħna tiġi ntunata mal-qalb tal-Missier tas-Sema “li jtella x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel x-xita sew fuq min hu tajjeb u kemm fuq min mhuwiex” (Mt 5:45).

Dawk li jsiru ntunati mal-ħsibijiet, mas-sentimenti, mal-imġiba ta’ Alla, ma jikkundannawx lil ħuthom. Il-Missier Alla – li jaf x’hemm fil-qlub – ma jikkundannax. Dawk li jħarsu lejn persuna kif iħares Alla l-Missier, juru ħniena ma’ dawk li jagħmlu l-ħażen, u jimpenjaw ruħhom li jġibuhom lura lejn is-sewwa.

Itlob: Imliena Mulej bil-qawwa tiegħek, biex għall-imħabba tiegħek nuru ħniena ma kull min idejjaqna. Għinna naqduk dejjem b’qalb kbira.

Agħmel: Tiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom.

 

 


Is-Sitt Ħadd tas-Sena C

Ġer 17:5-8; Salm 1:1-2,3,4,6; 1 Kor 15:12,16-20; Lq 6:17,20-26

Aqra’: F’dak iż-żmien, Ġesù niżel mat-Tnax u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti. Imma ħażin għalikom intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.

Riflessjoni: Ġesu’ jgħallem li l-erba’ sitwazzjonijiet ta’ faqar, ġuħ, biki u stmerrija minħabba fiH, jistgħu isiru għejun ta’ hena u barka. Dan għaliex dawn is-sitwazzjonijiet jwasslu lill-persuni li jkunu għaddejjin minnhom, biex jiddependu fuq Alla, u jitfgħu l-attenzjoni tagħhom kompletament fuqU. Mill-banda l-oħra, Ġesu’  iwissi lill-persuni li jagħżlu l-ġid, il-gula, l-għejra, il-mibegħda lejn l-oħrajn u l-gost ta’ li jkollhom fama tajba, li dawn iwassluhom għar-rovina. Għax meta dawn ta’ l-aħħar ifittxu kif akkost ta’ kollox jkollhom ħafna ġid, faċli li jikkunsidraw lilhom nfushom u l-ġid tagħhom bħala l-għajn tal-hena tagħhom, u jwarrbu lil Alla. Ġesu’ jridna nifhmu, bil-qawwa kollha, li Alla biss hu l-uniku  garanzija tal-ferħ u s-sigurta’ tagħna.

Ġesu’ mhux qiegħed ipoġġi xi raġġiera fuq ras il-faqar, il-persekuzzjoni, it-tbatija, il-biki jew l-isfortuna. Huwa qiegħed joffri tama u serħan lil kull min qiegħed f’dawn iċ-ċirkustanzi. Huwa qiegħed jurina biex ma npoġġux it-tama tagħna fil-ġid ta’ din id-dinja, hu x’inhu. Qiegħed jurina li dan il-ġid, jekk mhux użat tajjeb, jista jkun ta’ tfixkil fil-kisba ta’ ħwejjeġ akbar, fosthom l-hena ta’ dejjem.

Itlob: “Int Mulej tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm il-għaxqa għal dejjem f’lemintek” (Salm 16,11)

Agħmel: Ħares lejn għemilek. Tista tgħid li miexi fit-triq li qed jipproponilek Ġesu’?


Il-Ħames Ħadd matul is-Sena C

Isaija 6: 1-2a.3-8; Salm 137; 1 Korintin 15:1-11; San Luqa 5:1-11

Aqra’: Darba l-kotra bdiet tross fuq Ġesù biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd”. Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek”. Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux. Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!”. Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies”. Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

Riflessjoni: Pietru u sħabu kienu sajjieda tas-sengħa. Din id-darba, minkejja lejl jistagħdu ma qabdu xejn. Pietru ħassu deluż, diżappuntat. Ġesu’ qal lil Pietru: “Aqdfu ‘ l barra fil-fond u kalaw ix-xbiek”. Pietru obda. Ma strieħx fuq is-sengħa tiegħu, l-anqas fuq il-kapaċita’ tiegħu, imma strieħ fuq il-kelma ta’ Alla: “la qiegħed tgħid int” nagħmel hekk. Dak inhar Pietru mexa bil-għaqal. Dak inhar il-qabda tal-ħut kienet hekk kbira li mlew żewġ dgħajjes u kienu għoddhom se jegħrqu. Biex naraw il-mirakli irid ikollna doża ta’ umilta’. Min jaħseb li jaf kollox u dejjem, sejjer imqarraq. Il-bniedem għandu bżonn ‘l Alla. In-nisrani jrid ikun bniedem differenti mill-oħrajn...irid imur għas-“sajd” bħalma għamel Pietru din id-darba mistrieħ fuq il-Kelma ta’ Alla. Ħafna nies ma jemmnux fil-mirakli; preċiżament għax jemmnu biss fis-“sajd” tagħhom. Trid tkun kuraġġuż biex tgħid lil Ġesu’: “ladarba qegħed tgħid int, inkala x-xbiek”. Pietru qalha. U x’kien ir-riżultat? Qabda kbira ta’ ħut!

Itlob: Mulej ikkwitana mill-ġirja li qatgħetilna nifisna, u għallimna nistrieħu ftit fik, naħdmu bir-ritmu tiegħek, “nistadu” meta tgħid int. Imbagħad, ix-xbiek jimtela, Mulej u ma nkunux qed nitħabtu għalxejn.

Agħmel: Illum rajna t-tiġdid ta’ Pietru. Pietru beda jħares fid-direzzjoni t-tajba. L-ikbar miraklu fis-silta tal-vanġelu tal-lum mhux il-qabda tal-ħut imma l-bidla tal-qlub ta’ nies bħal Pietru, Ġakbu u Ġwanni. U int? “Toqgħodx tistenna biex iddur lejn il-Mulej, u tħallix minn jum għall-ieħor” (Sirak 15,6).


Ir-Raba’ Ħadd mtul is-Sena C

Ġeremija 1:4-5.17-19; Salm 70; 1 Korintin 12:31-13:13; San Luqa 4:21-30

Aqra’: F’dak iż-żmien Ġesù qal lin-nies fis-sinagoga: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. U lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu u bdew jgħidu: “Dan mhuwiex bin Ġużeppi?”. Iżda hu qalilhom: “Żgur li se tgħidu għalija dan il-proverbju: ‘Tabib, fejjaq lilek innifsek. Dak kollu li smajna li ġara f’Kafarnahum agħmlu hawn f’pajjiżek ukoll!’”. U żied jgħidilhom: “Tassew, ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu. Għax, ngħidilkom is-sewwa, kien hemm bosta romol f’Iżrael fi żmien Elija meta s-sema baqa’ tliet snin u sitt xhur magħluq u waqa’ ġuħ kbir fil-pajjiż kollu; madankollu għand ħadd minnhom ma ntbagħat Elija, imma għand waħda armla minn Sarefta ta’ Sidon. U kien hemm bosta lebbrużi f’Iżrael fi żmien il-profeta Eliżew, imma ħadd minnhom ma ġie mfejjaq ħlief Nagħman tas-Sirja”. Meta semgħu dan fis-sinagoga kulħadd imtela bil-korla; qamu, u ħarġuh ’il barra mill-belt, ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt tagħhom, u riedu jixħtuh minn hemm fuq għal isfel. Iżda hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer.

Riflessjoni:. Illum il-Kelma ta’ Alla qed tfakkarna li aħna rridu nkunu profeti fi żminijietna. Ma nistgħux noffru lill-bniedem rigal isbaħ mill-Aħbar it-Tajba.

Imma din l-ħidma irridu nkunu lesti li nħaddmuha wkoll meta nsibu oppożizzjoni, tfixkil u persekuzzjoni.  Darba xi ħadd qal: “Min irid jiżfen ma jridx joqgħod jibża li se jirfes xi sieq”.  Hija realta’  ta’ min iwassal il-Kelma ta’ Alla li jkun qiegħed jistieden mhux li jibagħtulu xi bukkett fjuri, imma xi kritika, ħars bl-ikrah, iwaqqfuh milli jieħu xi promotion li jkun ħaqqu, insomma xi għamla ta’ persekuzzjoni. Hekk gralu Ġesu’ f’Nazaret.

Il-messaġġ li jgħaddilna l-Evanġelista San Luqa bl-aħħar frażi: “Hu għadda minn ġo nofshom u baqa’ sejjer”, hu messaġġ ta’ konsolazzjoni u tama lilna l-insara kull meta nħabbtu wiċċna ma’ opposizzjoni, nuqqas ta’ ftehim u ta’ qbil, u kultant anke mibegħda minħabba li nkunu qegħdin nxandru l-Evanġelju. Ir-riskju tan-nisrani meta jgħaddi minn dan kollu huwa li jinsa li dak li qed jgħaddi minnu, huwa repetizzjoni ta’ dak li għaddew minnu qablu l-profeti u Ġesu’. L-Evanġelista jassigura lilna l-insara li mħarsin minn Alla, aħna wkoll ngħaddu minn qalb il-persekuzzjoni u nkomplu bil-ħeġġa nimxu lejn l-għan tagħna.

Itlob: Fommi jxandar il-ġustizzja tiegħek. Fik, Mulej jien nistkenn; ma jkolli qatt għax ninfixel. Għall-ġustizzja tiegħek salvani u ħarisni; agħtini widen u fittex eħlisni.

Agħmel: Nibdew il-ħidma tagħna tax-xandir tal-Aħbar it-tajba bħal Ġesu’: minn pajjiżna stess, mir-raħal tagħna, minn fejn sibna ruħna dalgħodu meta qommna.


It-Tielet Ħadd mtul is-Sena C

Neħemija 8:2-4a.5-6.8-10; Salm 18; 1 Korintin 12-12-30; San Luqa 1:1-4; 4:14-21

Aqra’: U ġie Nazaret fejn kien trabba. Daħal fis-sinagoga tagħhom, kif kien imdorri jagħmel nhar ta’ Sibt, u qam biex jaqra. Tawh f’idejh il-ktieb ta’ Iżaija l-profeta, fetħu u sab fejn kien hemm miktub dan li ġej:

“L-Ispirtu tal-Mulej fuqi,

għax hu kkonsagrani.

Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin,

inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u d-dawl mill-ġdid lill-għomja,

irrodd il-ħelsien lill-maħqurin

u nxandar is-sena tal-grazzja tal-Mulej”.

Imbagħad raġa’ għalaq il-ktieb, tah lura lill-qaddej u qagħad bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu msammra fuqu. U beda jgħidilhom: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”.

Riflessjoni: “Din il-kitba seħħet illum, intom u tisimgħu”. Illum ukoll l-Mulej Ġesu’ jiġi jħabbar “il-ħelsien lill-imjassrin” u jrodd “il-ħelsien lill-maħqurin”. Illum il-kelma ta’ Ġesu’ ser tibda teħles lill-bniedem li jismagħha, mhux biss mill-mard, imma wkoll mlll-ostakli psikoloġiċi u morali li ma jħallux lil dak li jkun jimxi ‘l quddiem u jikber fl-imħabba. Ix-xibka ta’ passjonijiet mhux kontrollati jġalu lill-bniedem ifittex l-interessi egoistiċi tiegħu, ikollu għatx kbir għall-ġid, u ġenn għall-poter u s-suċċess. Dawn huma ktajjen li jżommu lill-bniedem ilsir. Dawn il-ktajjen illum ser jibdew jitkissru! Il-qawwa li tkissirhom hija dik ta’ l-Ispirtu s-Santu...”L-Ispirtu tal-Mulej fuqi”. L-Ispirtu mela li jaħdem f’Ġesu’ mhux biss meta jagħmel mirakli ta’ fejqan, imma wkoll meta bil-kelma qawwija tiegħu ikisser il-ktajjen li jżommu lill-bnedmin fi stat ta’ jasar.

Itlob: Il-kliem tiegħek, Mulej huwa spirtu u ħajja! Ħa jkunu milqugħa quddiemek kliem fommi u ħsieb qalbi, Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.

Agħmel: Aħseb fuq l-aħbar it-tajba tal-Evanġelju. Irringrazzja lil Alla għal kemm hi vera din il-kelma fil-ħajja tiegħek personali.

 


© 2022 agostinjani.org. All Rights Reserved.