Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

Il-5 Ħadd ta’ l-Għid

Atti 6,1-7; 1 Piet 2,4-9; Ġw 14, 1-12

Aqra’: Is-sejħa u l-missjoni speċifika tad-djakni. Is-sejħa komuni ta’ l-insara kollha biex isiru ġebel ħaj – tempji spiritwali – ta’ Alla. Dawk li huma msejħa jagħmlu l-istess ħidma bħalma kien jagħmel Ġesu’.

Itlob: Ħa nkunu konvinti mid-dinjita’ tagħna bħala l-magħżulin ta’ Alla. Ħa nneħħu kull dubju li jista’ jkollna li aħna msejħin biex inkunu strument f’idejn Alla biex tasal għand il-bnedmin kollha ħutna l-ħidma redentiva tal-Mulej. Nirringrazzjaw lill-Mulej tal-fiduċja li għandu fina.

Irrifletti: Il-vokazzjoni nisranija hija differenti minn kull vokazzjoni oħra: għaliex in-nisrani huwa msejjaħ u mogħti missjoni minn Alla nnifsu. L-aġent tas-sejħa u l-missjoni jibqa’ Dak li jsejjaħ. Ġesu’ igħid: “Emmnuni! Jiena fil-Missier u l-Missier hu fija. Jekk mhux għal ħaġa oħra, emmnuh minħabba fl-għemil stess. Fis-sewwa fis-sewwa ngħidilkom, min jemmen fija hu wkoll għad jagħmel l-egħmil li qiegħed nagħmel jien, u akbar minnu għad jagħmel, għax jiena sejjer għand il-Missier”. Aħna kuraġġużi u miftuħin biżżejjed biex inħallu lil Alla jagħmel ħidmietu fina u permezz tagħna?

Agħmel: Ikkonsagra dan il-jum lil Alla u itolbu li jużak kif jogħġbu hu. Osserva x’ser jiġri llum.


Hu jsejjaħ kull waħda minn nagħaġ tiegħu b’isimha

Ġw 10, 1-10

Aqra’:  Il-parabbola ta-ragħaj it-Tajjeb tinvolvi l-fidi. In-nagħaġ jisimgħu leħnu u jimxu warajh. Ir-ragħaj it-tajjeb iwiegħed sigurtà. Jaf lil kulħadd b’ismu. Huwa wkoll il-bieb, li permezz tiegħu bil-fidi, huma jidħlu.

Irrifletti:

Tisimgħu l-leħen tar-Ragħaj it-Tajjeb?

Il-fatt li jafek b’ismek ġġegħlek tħossok tajjeb?

Tħoss lil Mulej jista’ jkun li qed isejjaħlek biex tagħmel xi ħaġa sabiħa għalih u miegħu? Kif ser tinduna b’dan?

Ġieli ħassejt f’qalbek li xi ħaġa li ma tħallikx kwiet u ġġegħelek dejjem tkompli tfittex?

Hemm xi persuni partikulari li tħoss li tista tagħtihom l-għajnuna tiegħek?

Ġili qrajt xi silta fil-Bibbja li ħassejt li qawwietek fil-fidi?

Meta titlob, tħoss li il-Mulej qed jitolbok tagħmel xi ħaġa?

Ġieli ltqajt ma’ xi ħadd li jinkuraġġik fis-sejħa li tħoss li l-Mulej qed jagħmillek?

Tħoss li din il-ħaġa ma tistax tagħmilha waħdek?

Dawn jistgħu jkunu sinjali tar-rieda tal-Mulej għalik. Irrifletti.

 

Agħmel: Kompli itlob u kellem lil xi ħadd ta’ fiduċja li jista’ jgħinek u jiggwidak eż. xi saċerdot jew gwida spiritwali. Tista' titlob l-għajnuna billi ċċempel 21222884 u tistaqsi għal Fr. Terence, jew tibgħat email fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.


It-2 Ħadd tal-Għid – Sena A

Evanġelju: Ġwanni 20:19-31

Aqra: Minn wara il-bibien magħluqin (bħal ma aħna aħna bħalissa), il-Mulej wera lilu nnifsu lill-Appostli. Nefaħ fuqhom l-Ispirtu s-Santu u bagħthom għal missjoni. Tmien t’ijiem wara reġa dehrilhom. Din id-darba Tumas, li kien ddubita l-ewwel dehra, kien hemm ġew magħhom. Issa huwa emmen u stqarr dik l-istqarrija li l-Knisja għada tagħmel sal-lum: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”

Itlob: Nitolbu lill-Mulej biex dejjem jimliena bil-ħajja divina tiegħu – li ngħixu fi stat ta’ grazzja.

Irrifletti: Id-dubji tal-appostli, l-iktar fosthom, id-dubju ta’ Tumas, ma setgħu qatt iwaqqfu dik il-qawwa li ġab miegħu l-Għid. Kien hemm affarijiet li riedu jsiru. U għalhekk il-Mulej bagħat lill-Appostli biex ikomplu l-ħidma tiegħu. Kienet waslet is-siegħa tagħhom. L-Imgħallem kien għamel imgħallmin f’ismu, lil dawk li darba kienu dgħajfa u bil-mod biex jifhmu. Seta’ issa jħejji ruħu biex imur lura għand il-Missier. Il-ħidma tiegħu issa kienet f’idejn nies, li għamilhom kapaċi li jaqdu l-missjoni li tahom.

Agħmel: Illum huwa jum qaddis biex tirrifletti dak li Alla jrid minnek. Agħmel ftit ħin fil-kwiet ma’ Alla biex jgħinek tagħti direzzjoni oħra lil ħajtek lejn xi ħaġa iktar bis-sens u li tħalli frott.

 


It-Tielet Ħadd Tal-Għid

Luqa 24, 13-35

Aqra: Id-dixxipli ta’ Għemmaws jgħarfu lil Ġesù fil-qsim tal-ħobż. Dan jindikalna l-karattru Ewkaristiku ta’ dak li ġara f’din il-ġrajja. Mill-ewwel ninnutaw in-natura tal-għaġeb ta’ l-Ewkaristija

Itlob: O Alla agħmel li nkun dejjem grat għad-don ta’ l-għaġeb li tajtni fl-Ewkaristija

Irrifletti: Kemm hija ċentrali l-Ewkaristija f’ħajtek?

Bħalissa, minħabba l-pandemija, ninsabu mċaħħdin milli nirċievu dan id-don. Tħossok li tixtieq jgħaddi malajr dan iż-żmien biex tkun tista terġa tibda tirċievi dan is-sagrament ta’ l-imħabba?

Bħalissa, sakemm tgħaddi din l-imxija, nistgħu nieħdu sehem fil-quddiesa biss permezz tat-Television jew is-Social Media, mingħajr ma nkunu preżenti fiżikament. Forsi qabel ma bdiet il-pandemija, aħna l-Maltin, li huwa kkalkulat li għandna 356 knisja, konna nieħdu l-quddiesa foregranted, u ġieli ttraskurajna. Imma issa li aħna mċaħħdin milli nieħdu sehem fil-quddiesa fil-knisja, ħafna nies qed japprezzawha iktar. Dan huwa żmien ta’ riflessjoni għalina:

X’differenza tgħaddi bejn “tisma’” (jew f’dan iż-żmien tara) il-quddiesa u “tieħu sehem fil-quddiesa”?

Tista’ tkun nisrani, bla ma tiċċelebra Jum il-Mulej?

Ma taħsibx li ġieli ngħixu ħajja doppja. Nhar ta’ Ħadd nieħdu sehem fil-quddiesa u fost il-ġimgħa, ngħidu kontra l-proxxmu, inqarrqu…?

“Morru fil-paċi ta’ Kristu”, hekk tispiċċa l-quddiesa. Tħoss xi responsabilta’ wara li tkun ħadt sehem fl-Ewkaristija?

Agħmel: Illum aqra xi ħaġa fuq l-Ewkaristija biex tgħaraf u tapprezza dejjem iktar dan id-don.

 


L-Għid: Tifsira ġdida lil dak li għaddejjin minnu

Fid-dinja kollha, fl-għodwa tal-Għid, permezz tal-Mass Media u tas-Social Media, ser titwassal l-Aħbar it-Tajba tal-Qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, lil miljuni ta’ nies. Din l-aħbar tal-Għid, din is-sena ser titwassal, kif ilkoll nafu, fi żmien partikulari ħafna, minħabba l-Covid-19. Dawn il-messaġġi ser jaslu lil nies li huma morda, imbeżżgħin, b’qalbhom maqtugħa, f’solitudni, magħluqin f’darhom, nies li għaddejjin minn tbatija u tħassib, minħabba li qed jaraw il-mezzi finanzjarji tagħhom sejrin lura, nies li tilfu x-xogħol jew il-post tagħhom tax-xogħol huwa inċert. Ser tasal lil ħafna nies li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa, saċerdoti li jservu fl-isptarijiet, nies li jaħdmu fil-qasam tal-ordni pubblika, ġurnalisti, voluntiera ta’ diversi NGO’s li qed jagħmlu dak kollu li jistgħu f’sitwazzjoni diffiċli. Insomma wasal l-Għid u l-virus għadu magħna! U ma nafux kemm ser idum!

Il-messaġġ tal-Għid lil kulħadd huwa wieħed: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia.

Dan huwa messaġġ profond ta’ barka: li kif deher fil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet, l-imħabba ta’ Alla hija ikbar minn kull ħaġa oħra li nistgħu nsibu ruħna fiha, li r-rebħa tal-aħħar hija ċerta. L-aħbar it-tajba tal-Qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ma tfissirx li ser jitwarrbu l-vulnerabbiltajiet tagħna fil-ġenb, qisu mhux ser ninkwetaw iktar. Imma issa, bir-rebħa aħħarija tal-imħabba ta’ Alla fuq kull sitwazzjoni li nsibu ruħna fiha, is-sitwazzjonijiet diffiċli tagħna jsiru parti minn storja ikbar ta’ salvazzjoni.

Fis-silta mill-Evanġelju skont San Ġwann, l-enfasi hija fuq il-ftit ħin meta dehru l-ewwel indikazzjonijiet tal-Qawmien. Tliet persuni pprivileġġati jkollhom l-ewwel laqgħa ma’ realtà ta’ ġrajja ta’ sinifikat enormi.

Nibdew b’Marija ta’ Magdala, fl-Evanġelju skont San Ġwann narawha tibki ħdejn il-qabar. Imma fis-silta li naqraw f’Ħadd il-Għid filgħodu, naqraw li qabel, kienet waslet u sabet il-blata mneħħija mill-qabar. Hija, minflok daħlet fil-qabar biex tara x’ġara, marret tiġri għand Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub biex tgħidilhom: “Neħħew lill-Mulej Sidi mill-qabar, u ma nafx fejn qegħduh.”

Kienet maħkuma mid-dwejjaq u mill-biża’. Hija kienet semgħet kemm-il darba lil Ġesù jitkellem fuq li kellu jbati, imut, imbagħad iqum mill-imwiet; imma ma kinitx għadha fi stat li setgħet tifhem mill-ewwel il-kobor tal-ġrajja li kienet seħħet. Imma d-dmugħ tagħha juri l-imħabba li kellha; id-dmugħ tagħha kellu valur u tifsira. Billi kellha din l-imħabba għall-Mulej, imħabba li wriet bid-dmugħ li xerrdet, kienet malajr ħa tasal biex tifhem fil-fond dak kollu li kien ġara.

Imbagħad għandna lil Xmun Pietru u d-dixxiplu l-maħbub. Ħafna jistaqsu għaliex l-Evanġelista qagħad jidħol fid-dettall ta’ min wasal l-ewwel ħdejn il-qabar u min daħal l-ewwel fil-qabar. Waħda mit-tifsiriet li tingħata għal dan hija li d-dixxiplu l-maħbub, barra li huwa persuna, jisinifika l-imħabba: hija l-imħabba li tasal l-ewwel. U bl-imħabba li issa ssib postha, Xmun Pietru li jirrappreżenta l-Knisja, jista’ jidħol hu l-ewwel fil-qabar. Dak li kien importanti għal Pietru kien li jara l-evidenza. Imma jibqa’ dejjem il-fatt li d-dixxiplu l-maħbub, dak li l-Evanġelju jgħidilna li Ġesù kien iħobb, iħoss li hemm xi ħaġa ta’ kobor enormi li seħħet u jemmen.

Tliet persuni differenti, tliet reazzjonijiet differenti quddiem l-istess realtà. Illum skont il-lingwa tal-istatistika ngħidu li meta qed nitkellmu fuq tliet persuni, għandna sample rappreżentattiv żgħir wisq. Imma anke dan is-sample żgħir jirrifletti l-modi differenti kif in-nies jirreaġixxu għall-istess aħbar: Il-mewt u d-dnub ġew mirbuħa! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia Alleluia!

Ir-realtajiet tal-ħajja huma dawk li huma. L-aħbar glorjuża tal-Qawmien ma twarrabhomx ’l hemm minna. Imma din l-aħbar it-tajba tibqa’ tgħidilna xi ħaġa f’kull sitwazzjoni. Anke fis-sitwazzjoni li qegħdin għaddejjin minnha tal-Covid-19! Huwa fatt minn dejjem, li proprju minn dik il-għodwa tal-Għid, li ġrat ’il fuq minn elfejn sena ilu, joħroġ is-serħan tar-ras tagħna.

Ħadd u xejn ma jista’ jbiddel din ir-realtà tal-Qawmien. Realtà li hija ikbar ħafna minn kull sitwazzjoni personali jew kollettiva li nistgħu nkunu għaddejjin minnha. Hija realtà li tagħti tifsira ġdida lil kull sitwazzjoni umana. Il-mewt u d-dnub intrebħu! Il-Mulej qam mill-imwiet! Alleluia! Alleluia!

 


Ħamis ix-Xirka

Ġesù jaħsel riġlejn l-Appostli (Ġw. 13:1-15)

Qalb ta’ qaddej

Ftit ġrajjiet fil-Evanġelju juru l-karattru u l-imħabba ta’ Ġesù, hekk ċar daqs din il-ġrajja.

Ġesù kien jaf li kollox ġie mogħti lilu. Kien jaf li s-siegħa tal-umiljazzjoni kienet viċin, imma kien jaf ukoll li s-siegħa tiegħu tal-glorja kienet viċin ukoll.  Dan seta’ għamlu kburi, madanakollu minkejja li kien jaf li s-setgħa u l-glorja kienu tiegħu, huwa ħasel saqajn id-dixxipli. Fil-mument meta seta’ kien supperv, kellu l-ikbar umiltà. L-imħabba hija dejjem hekk.

Ġesù kien jaf li ġie mingħand Alla u li kien sejjer lura għand Alla. Seta’ kellu ċerta disprezz lejn il-bnedmin u lejn l-affarijiet tad-dinja. Seta’ ħaseb li issa ma kellux x’jaqsam iktar mad-dinja, għaliex kien fi triqtu lura lejn Alla. Kien proprju f’dan il-ħin li Alla kien l-iktar qrib tiegħu, li Ġesù niżel l-iktar fil-baxx biex jaqdi lill-oħrajn. Li taħsel saqajn il-mistednin kien xogħol tal-ilsir. Il-ħaġa sabiħa dwar dan kollu hija li l-viċinanza għal Alla, iktar milli firditu mill-bnedmin, ġabitu qribhom iktar minn qatt qabel. Hija verità li m’hemm ħadd li hu l-iktar qrib tal-proxxmu tiegħu minn dak li hu viċin ta’ Alla.

Ġesù kien jaf li ser ikun ittradut. Din il-ħaġa setgħet nisslet fih sentiment ta’ mibegħda; imma minflok ġagħlet il-qalbu tferra’ mħabba ikbar mis-soltu. Il-ħaġa tal-għaġeb hija li iktar ma l-bnedmin jweġġgħuh, iktar Ġesù kien iħobbhom. Hekk għadu jagħmel sal-lum.

“Xi nrodd lill-Mulej għall-ġid kollu li għamel miegħi?” (Salm 116:12)

 


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.