Franco Grech osa

 

Riflessjonijiet u artikli miktuba minn P. Franco Grech osa

 


 

 

Is-Sitt Ħadd tal-Għid

Atti 10:25-36.34-35.44-48; Salm 97; L-1 Ittra San Ġwann 4:7-10; San Ġwann 15:9-17

Aqra’: Għeżież, ejjew inħobbu ‘l xulxin għax l-imħabba ġejja minn Alla u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla huwa mħabba.

Riflessjoni: B’differenza minn popli oħra li kienu jorbtu isem l-allat tagħhom mal-postijiet fejn kienu jqimuhom, il-poplu Lhudi kien jgħaraf lil Alla bħala dak li jorbot ismu mhux ma’ post, imma ma’ poplu: Lil Mose, il-Mulej jgħidlu: “Jien hu Alla ta’ missirijietek: Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk u Alla ta’ Ġakobb” (Esodu 3:6); Kemm il-darba, il-Mulej qal lill-poplu ta’ Israel: “La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx għax Alla tiegħek jien!” (Isaija 41:10). Israel fehem li l-Mulej kien rabat qalbu mal-bnedmin u kien jieħu ħsieb il-poplu tiegħu. Madanakollu Israel kien jimmaġinah lest li “jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni” (Eżodu 34:7). Kienu jikkontemplaw ix-xogħol ta’ idejn il-Mulej, imma ma kinux għadhom raw wiċċ il-Mulej bħala Għimmanu-El – Alla magħna – u fuq kollox kienu għadhom ma skoprewx qalbu.

Id-dixxiplu l-maħbub, Ġwanni, li waqt l-aħħar ċena serraħ rasu fuq sider Ġesu’, wriena li Alla huwa mħabba, imħabba biss, u li kull min iħobb hu mnissel minn Alla.

Itlob: Agħmilni nixbaħ lilek, Mulej. Int Alla li tħobb lil kulħadd, bla ma tħares lejn l-uċuh. Int Alla li tibgħat ix-xita u ttella’ x-xemx fuq kulħadd.

Agħmel: Alla ma jħarisx lejn l-uċuħ. Inti ħares? F’liema okkażjonijiet l-aktar li tagħmlu dan? Impenja ruħek biex tirbah dan in-nuqqas.

 

 

 

 

 

 

 

 


Il-Ħames Ħadd tal-Għid

Atti 9:26-31; Salm 21(22) ; 1 San Ġwann 3:18-24; San Ġwann 15:4-5b

Aqra’: Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi. Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott hu jneħħiħa; u kull waħda li tagħmel il-frott inaddafha, biex tagħmel frott aktar....Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom, itolbu kull ma tridu, u dan ikun mogħti lilkom. B’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi.

Riflessjoni: Il-bniedem “li jibqa’ fil-Mulej”, li jemmen, mhuwiex dak li jillimita ruħu biss għall-prattika r-reliġjon: imur il-quddies, jirċievi s-sagramenti, jitlob, jagħmel id-devozzjonijiet, imma huwa dak li jfittex ukoll li jimita lil Kristu billi jkun ġust, iġib ‘il quddiem il-fraternita’, jaqsam l-ġid li għandu ma’ l-oħrajn, jilqa’ lil kulħadd, huwa lejali, sinċier, jiċħad kull vjolenza, jaħfer lill-għedewwa u jġib ‘il paċi. Fejn hemm l-imħabba, il-ferħ, il-paċi u l-maħfra, hemm jinsab il-Mulej li hu ħaj.

Id-dielja ma tagħmilx għeneb għaliha nfisha, imma għal ħaddeħor. In-nisrani li jibqa’ f’Ġesu’, ma jagħmilx atti ta’ mħabba biex jkollu s-sodisfazzjon li qed jilħaq il-perfezzjoni morali jew biex Alla jippremjah. Huwa bħal Missier tas-Sema; iħobb mingħajr ma jistenna xejn lura. Il-premju tiegħu huwa il-ferħ li jkollu meta jara lil xi ħadd kuntent, għax hemmhekk jagħraf li l-imħabba ta’ Alla tkun dehret permezz tiegħu. Xejn iktar, xejn inqas, għax “b’dan jissebbaħ Missieri, li tagħmlu ħafna frott u hekk tkunu dixxipli tiegħi”.

Itlob: Għinni, Mulej, inkun fergħa ħajja fid-dielja li int int biex hekk nagħmel ħafna frott. Saffini, Mulej, naddafni, biex nagħmel frott iżjed.

Agħmel: “Jekk tibqgħu fija u kliemi jibqa’ fikom”. Għaddi ftit ħin taħseb fuq xi tfisser għalik li tibqa’ f’Ġesu’. Aħseb ukoll kif kliemu jibqa’ fik. Kif tħossok meta Alla jikkoreġik jew ‘jiżbrok’? Ftakar kemm Alla jħobbok. Igħinek il-ħsieb li ż-żabra tipproduċi aktar frott?


Ir-Raba’ Ħadd tal-Għid

Atti 4:8-12; Salm 117; 1 San Ġwann 3:1-2; San Ġwann 10:11-18

Aqra’: Jiena r-ragħaj it-tajjeb; jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi, u n-nagħaġ tiegħi jgħarfu lili, bħalma l-Missier jagħraf lili u jiena nagħraf lill-Missier; u għan-nagħaġ tiegħi nagħti ħajti.

Riflessjoni: Dak li r-ragħaj it-Tajjeb hu għan-nagħaġ tiegħu, Ġesu’ huwa għalina. Meta qal li hu r-ragħaj it-tajjeb – dak li hu tajjeb tassew - fehem igħid li hu ma kienx bħar-ragħajja ħżiena, mikrija, li għax in-nagħaġ mhumiex tagħhom, jaraw il-lupu ġej u jaħarbu u jħallulu n-nagħaġ għalih waħdu. Ġesu’ għax hu r-ragħaj it-tajjeb, ta tassew ħajtu għalina, in-nagħaġ tal-merħla tiegħu; miet hu, biex ngħixu aħna. Bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna Ġesu’ jħobbna u jieħu ħsiebna, imexxina u jħarisna sa ma jwassalna fil-mergħat ta’ dejjem fil-ħajja tal-hena miegħu.

Itlob: Mulej , aħna n-nagħaġ tiegħek u int ir-Ragħaj tagħna. Inti ssejħilna b’isimna u tistedinna biex nimxu warajk billi naqdu lil xulxin, nitolbuk tgħinna Mulej biex inkomplu nwieġbu għal din is-sejħa.

Kompli bierek il-Knisja tiegħek b’rgħajja ġenerużi mill-familji tagħna ħalli jaqdu lill-Poplu tiegħek.

Agħmel: Bħala dixxipli ta’ Ġesu’ r-Ragħaj it-tajjeb tagħna u fuq l-eżempju tiegħu ejjew infittxu li nsiru nafu aħjar lill-familji tagħna, il-kollegi ta’ fuq ix-xogħol, jew il-ġirien tagħna, biex fejn hemm bżonn infejqu l-qalb muġugħa, nixxuttaw id-demgħa ta’ dawk li qegħdin jibku, nagħtu t-tama lil dawk li tilfu t-tama f’ħajjithom u nferrħu bl-imħabba ta’ Alla.


It-Tielet Ħadd ta’ l-Għid Sena B

Atti 3:13-15.17-19; Salm 4; 1 San Ġwann 2:1-5a; Luqa 24:35-48

Aqra’: Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien”. Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh.

Irrifletti: Fis-silta tal-Vanġelu tal-lum, Kristu Rxoxt ried li l-appostli, mbeżżgħa u mħassba, jgħarfuh minn idejh u riġlejh. Stramba! Normalment il nies jgħarfu lil xulxin mill-wiċċ, u mhux mill-idejn u r-riġlejn. Imma Ġesu’ hekk ried. Anke llum Huwa jrid li jintgħaraf minn idejh u riġlejh. Ir-referenza hija għall-ġrieħi li ġarrab bl-imsiemer meta kien imsallab fuq is-salib, fejn il-ħajja tiegħu kollha atti ta’ mħabba laħqet il-qofol tagħha.

Alla m’għandux idejn ħlief dawk ta’ Kristu msammrin għall-imħabba. Alla m’għandux riġlejn jekk mhux ir-riġlejn msammrin ta’ Kristu.  Huwa juriehomlna biex jgħidilna li mhuwiex ser ikun ‘il bogħod minna. Huwa meta nikkontemplaw dawn l-idejn u dawn ir-riġlejn ta’ Kristu li l-bniedem jiskopri minn hu il-vera Alla wieħed li hu mħabba.

In-nisrani wkoll hemm bżonn li jintgħaraf minn idejh u riġlejh. Imberkin huma dawk li jistgħu juru lil Alla idejhom u riġlejhom immarkati b’atti ta’ mħabba. Ma’ San Pawl jistgħu jgħidu: “Inġorr f’ġismi l-marki ta’ Kristu” (Gal 6:17).

Itlob: Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek…Mgħallem Divin, la tħallix: li iżjed infittex li nkun imfarraġ, mili nfarraġ jien; li iżjed jifhmni ħaddieħor, milli nifhem lil ħddieħor jien; li iżjed inkun maħbub milli nħobb jien.

Agħmel: Ħa nħabbru l-Qawmien ta’ Kristu mill-Imwiet billi, bħall-Imgħallem, nuru idejna u riġlejna mmarkati b’atti ta’ mħabba lejn il-bnedmin.


It-Tieni Ħadd ta’ l-Għid Sena B

Atti 4:32-35; Salm 117; 1 San Ġwann 5:1-6; San Ġwann 20:19-31

Aqra’: Wieġeb Tumas u qallu: "Mulej tiegħi u Alla tiegħi!" Qallu Ġesù: "Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu."

Irrifletti: L-Evanġelista San Ġwann jippreżentana lil San Tumas bħala simbolu ta’ kull dixxiplu li jkollu difikulta’ biex jemmen. San Ġwann irid jgħallem lill-insara ta’ żmienu, u lilna, li l-Irxoxt imur lil hinn minn dak li nistgħu nifhmu aħna bis-sensi tagħna. Il-ħajja ta’ Kristu Rxoxt hija ħajja li la tista tmissha b’idejk u lanqas tarha bl-għajnejn fiżiċi tiegħek.Tista taraha biss bl-għajnejn tal-fidi. Id-dixxiplu ma jistax ikollu fidi f’dak li jara, għax ikun qed jarah, imma jkollu bżonn il-fidi biex jemmen dak li ma jarax. Inkella ma tkunx fidi. Ġesu’ qal lil San Tumas: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu”. “Henjin” għaliex fidi bħal din hija l-iktar fidi ġenwina u safja. Il-kliem li San Tumas jgħid lil Ġesu’ Rxuxtat: “Mulej tiegħi u Alla Tiegħi”, huma l-punt tal-wasla tad-dixxiplu fit-triq tal-fidi tiegħu.

Itlob: O Ġesu’ l-aktar ħanin, Inti d-Dawl tad-dinja kollha. Ilqa’ fil-kenn tal-Qalb Tiegħek kollha ħniena l-erwieħ ta’ dawk li s’issa għadhom ma jemmnux Fik. Agħmel li r-raġġi tal-grazzja Tiegħek idawwluhom, sabiex huma wkoll, flimkien magħna ifaħħru l-għeġubijiet tal-ħniena Tiegħek; u tħallihomx jitbiegħdu mill-Qalb l-iżjed Ħanina Tiegħek.

Agħmel: Sib post għal kwiet u agħlaq għajnejk…ibda mmaġina lilek innifsek waħdek…ġo għalqa kbira, kollha ħaxix aħdar..u siġar kbar…qed tara lilek innifsek miexi b’zokk f’idejk…tħossok moħħok mistrieħ…tixtieq titkellem fuq ħafna affarijiet…pero’ hemm xi ħaġa li qegħda ddejqek ħafna: ir-relazzjoni mal-Mulej..

Tixtieq kieku Ġesu’ qiegħed ħdejk, imma … u issa tħoss bħal dehxa ma’ ġismek kollu…tħossok tibża’, imma fl-istess ħin tisma’ lil min jgħidlek: “il-paċi miegħek…!” Fil-pront iddur u tara lill-Mulej, b’idejh miftuħa lest biex jgħannqek miegħu…Ħares f’għajnejh u ħallihom ikellmuk…huma għajnejn qegħdin jgħidulek li jħobbuk, qegħdin jgħidulek li int għażiż…tħossok trid tiftaħ fommok u tgħidlu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi”…

Kompli tkellem miegħu għal ftit mumenti...għidlu, tibżax, dak li qed jinkwetak...għax Huwa jifhmek.. Huwa jista jgħinek fin-nuqqas ta’ fidi tiegħek…


Il-Qawmien tal-Mulej mil-Imwiet

Atti 10:34, 37-43; Salm 117; Kolossin 3:1-4; Ġwanni 20:1-10

Aqra’: Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Mbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex ta' l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f'post għalih. Mbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet. Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom.

Riflessjoni: L-aħħar sentenza ta’ din is-silta tal-Evanġelju: “Mbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn sħabhom”, tagħti l-impressjoni li wara li raw is-sinjali tal-Qawmien tal-Mulej mill-imwiet, dawn iż-żewġ dixxipli reġgħu lura għar-rutina tal-ħajja tas-soltu...qisu ma nbidel xejn. Imma mhux hekk.... l-verita’ hija differenti. Veru li reggħu lura ma’ sħabhom għall-ħajja ta’ qabel, imma issa kienu mmexxija minn dawl ġdid u mwieżna minn tama ġdida. Dawn iż-żewġ dixxipli kellhom issa jkunu xhieda tal-Qawmien mill-Mulej. Ix-xhud huwa dak li jista' jikkonferma li l-ħajja tiegħu inbidlet u li ħadet sens meta kienet mdawla mill-ġrajja tal-Għid. Ix-xhud huwa dak li għamel l-esperjenza li l-fidi tiegħu fi Kristu ħaj tagħti sens u ddawwal il-mumenti ta’ ferħ u l-mumenti diffiċli li jgħaddi minnhom.

Itlob: Il-leminija tal-Mulej ‘il fuq merfugħa, il-lemija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila!. Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix, u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej (Salm 117)

Agħmel: “Id-dixxiplu l-ieħor” li jissemma fis-silta tal-Vanġelu jista jkun jien u int. F’kull proġett li nagħmlu..meta nixtru, inbiegħu, nitkellmu ma’ xulxin, naqsmu xi wirt, nagħżlu li jkollna xi tarbija oħra…ħa nagħmlu kollox fid-dawl tal-Qawmien ta’ Kristu li miegħu “ngħaddu mill-mewt għall-ħajja, mid-dnub għall-grazzja, mir-rabja għall-paċi” (L-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-omelija tal-quddiesa ta’ Ħadd il-Palm 28 ta’ Marzu 2021).


© 2021 agostinjani.org. All Rights Reserved.