Nhar il-Ħadd 7 ta’ Lulju fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, f’Ħal Tarxien 20 żagħżugħ u żagħżugħa inġabru flimkien biex jitolbu lil Alla jkun magħhom fl-esperjenzi differenti li ser jagħmlu dan is-sajf barra minn Malta.
Il-grupp Amigos għat-30 darba mmexxi minn fr Mario Abela ser ikun qiegħed iħalli Malta lejn il-Mozambique u jagħmel ħidma missjunarja mal-foqra. Matul dawn it-3 ġimgħat dan il-grupp ser ikun qiegħed jgħin fil-bini ta’ għerejjex li jservu bħala djar, iqassmu ikel u mediċini lil foqra u jagħmlu xi xogħolijiet ta’ manutenzjoni fi skola żgħira li hemm fil-qrib.
Il-grupp Tagaste magħmul minn 8 żgħażagħ ex studenti tal-kulleġġ tagħna ser jingħaqdu ma’ mijiet ta’ żgħażagħ oħrajn f’Cascia, l-Italja biex jaqsmu l-fidi tagħhom u jgħixu esperjenza ta’ komunità dawn ser ikunu akkumpanjati mill-Provinċjal P. Leslie Gatt u P. Terence.
Il-grupp tal-Camino immexxi minn P. Terence, ser ikun qiegħed jagħmel mixja twila ta’ 200Km forma ta’ pellegrinaġġ mill-Portugal għal Santiago fi Spanja fejn jinsabu l-fdalijiet tal-appostlu San Ġakbu. Din hija mixja spiritwali li tkompli tagħti opportunità lil dawn iż-żgħażagħ jiskopru lil Alla u lil oħrajn.
Ejjew inkomplu nitolbu għal dawn iż-żgħażagħ u għal tant żgħażagħ li f’dawn il-jiem ikunu qegħdin jagħmlu esperjenzi bħal dawn ħalli jkomplu jiskopru lilhom infushom u lil Alla.