Il-Ħadd 15 ta’ Jannar, fil-Knisja Konventwali ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-Festa tradizzjonali ta’ Sant’Anton Abbati bir-rit tat-tberik tal-annimali. Numru sabiħ ta’ nies bl-annimali tagħhom ħadu sehem fil-quddiesa, l-purċissjoni, u aktar tard iċ-ċerimonja ħelwa tat-tberik tal-annimali fil-pjazza ta’ quddiem il-knisja.
Il-festa bdiet bil-quddiesa fil-Knisja preseduta mil-Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. u wara ħarġet il-purċissjoni qasira bil-istatwa tal-qaddis. Lura quddiem il-Knisja saret it-talba ta’ barka u l-ewwel ma tbierku kienu żewġt iżwiemel tal-kavallerija tal-Pulizija. Warajhom imbagħad segwew numru sabiħ ta’ żwiemel oħra u ħmir. Imbagħad kien imiss l-annimali domestiċi partikolarment numru kbir ta’ klieb, qtates, għasafar u frieken. Ma naqsux anke xi annimali xi ftit anqas komuni fosthom, serp, kokka u għoġol.
Id-devozzjoni lejn il-qaddis fil-Knisja Agostinjana tar-Rabat filfatt tmur lura diversi sekli. Sa minn żmien il-Kavallieri ta’ San Ġwann, kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ Sant’Anton li ssir fir-Rabat. Fl-1806 kienet saret l-istatwa artistika ta’ Sant Anton, xogħol fl-injam tal-iskultur Xandru Farrugia.
Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ Sant Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu u għenuh fil-mixja tiegħu lejn il-konverzjoni. Għal ħafna snin il-patrijiet agostinjani kienu jissejħu anke eremiti u d-devozzjoni lejn Sant’Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes tagħhom.