Pass pass wasalna Santiago…Mixja ta’ 200Km

Nhar it-Tlieta 2 ta’ Awissu 2022, kmieni filgħodu, il-grupp Augustinian Youths beda l-mixja tiegħu minn Viana do Castelo fil-Portugal, lejn il-Katidral ta’ Santiago de Compostela fi Spanja. Kull ġurnata, għal disat ijiem, konna nerħulha kmieni filgħodu, b’dak kollu li ġibna minn Malta wara dahrna u dejjem aktar navvanzaw lejn id-destinazzjoni tagħna. Qabel tlaqna kollha kemm aħna konna qed naħsbu li d-destinazzjoni hija waħda, dik ta’ Santiago, pero fis wara l-ewwel ftit passi tal-mixja tagħna ntbaħna li l-aktar ħaġa importanti huwa l-pass li jmiss. Il-pass li jmiss huwa importanti daqs id-destinazzjoni għaliex bih biss stajna naslu.

Din kienet waħda mill-ewwel affarijiet li ntbaħna li hija parallela għall-ħajja tal-bniedem li jinsab fil-mixja tiegħu lejn Alla. Kull filgħodu konna nibdew b’mument ta’ talb u riflessjoni, u konna nsibu xi kafeterija wara xi tliet sigħat mixi. Din l-istess fakkritna li huwa importanti li wieħed isib mument qasir ta’ skiet f’ħajtu fejn ikun jista’ jitrejjaq u jirrifletti minn fejn ġie u fejn sejjer, u jippjana l-kumplament tal-mixja tiegħu. Matul il-mixja tagħna ltqajna ma’ diversi pellegrini oħra, kollha mexjin lejn l-istess destinazzjoni pero kollha kemm huma jġorru l-basket ta’ esperjenzi u ħsibijiet tagħhom. Tkellimna ma’ diversi pellegrini, u kif waqt il-mixja apprezzajna l-baħar, il-foresti, u l-muntanji, apprezzajna wkoll l-imħabba u r-rispett li l-pellegrini juru lil xulxin u lejn in-natura.

Kien hemm min kien saħansitra lest li jorqod barra peress li kien qed jagħmel il-mixja tiegħu akkumpanjat mill-kelb tiegħu. Din tal-aħħar urietna t-tifsira ta’ mħabba mingħajr ebda kundizzjoni, imħabba li tagħti u ma tistenna xejn lura. Il-mixja li għazilna aħna kienet waħda kkaratterizzata minn diversi tlajja. Ħafna gergru u beżgħu mit-telgħat wieqfa pero’ minnufih irrealizzajna li l-niżla kienet ta’ periklu akbar. F’waħda mit-telgħat kollha żrar, kien hemm il-passi fondi fiż-żrar ta’ xi pellegrin li għadda qabilna. Min minna għażel li juża’ dawk il-passi, fit-telgħa bata inqas. Din fakkritna wkoll fl-umilta’ li wieħed għandu jgħix biha, u li meta wieħed iħoss li għandu bżonn l-għajnuna għandu fis ifittixha. Fl-aħħar wasalna Santiago, pero’ meta nitkelmu bejnietna fuq din l-esperjenza m’aħniex insemmu biss lil Santiago imma aktar qed insemmu dak li ltqajna miegħu fi triqitna lejn dik id-destinazzjoni. Dan ikompli jsaħħaħ il-fatt li l-mixja hija importanti daqs id-destinazzjoni. Mela ejja napprezzaw kull mument ta’ ħajjitna, ejja napprezzaw lil xulxin (anke dawk li mhux qrib tagħna), ejja nkunu ta’ għajnuna għal xulxin sabiex pass wara pass kulħadd jasal fid-destinazzjoni tal-mixja tiegħu!

Typical Day during Camino de Santiago

Last Day of Camino de Santiago

Min ikun jixtieq iktar informazzjoni fuq il-Camino de Santiago u esperjenzi oħrajn jew jixtieq jingħaqad mal-grupp Augustinian Youths, jista’ jibgħat messaġġ fuq il-facebook Page Augustinian Youths jew jitkellem ma’ Fr Terence Spiteri osa fuq terencespiteri@gmail.com

Charlon Abela

Scroll to Top