Matul dawn il-jiem madwar 80 rappreżentant tal-Ordni Agostinjan għadhom għaddejjin bid-diskussjonijiet dwar il-preżenza tagħna fil-knisja u fid-dinja. Illum it-Tlieta 9 ta’ Settembru wara nofsinhar, l-aħwa nġabru fl-awla kapitulari fejn saret l-elezzjoni tal-Pirjol Ġenerali. B’kollox kien hemm 73 membru Kapitulari li kellhom id-dritt tal-vot. P. Joseph L. Farrell mill-Provinċja ta’ Villanova fl-Istati Uniti tal-Amerika ġie elett bħala Pirjol Ġenerali għas-sitt snin li ġejjin.
Mal-aħbar tal-elezzjoni, l-membri Kapitulari nġabru fil-kappella fejn saret it-tħabbira uffiċjali, ittieħed il-ġurament tal-ħatra, tkanta l-innu ta’ Radd il-Ħajr u waqt il-kant tal-Innu lil Santu Wistin, kull reliġjuż preżenti ta’ t-tgħannieqa tal-paċi lill-Pirjol Ġenerali elett.
Minn qalbna nawgurawlu ħidma fejjieda b’risq il-familja tagħna Agostinjana waqt li nwegħduh it-talb tagħna.