L-esperjenza tal-Ġublew kien mument sabiħ ta’ fidi u tama għaż-żgħażagħ u għad-dinja kollha. Kien ukoll tfakkira sabiex ma naqtgħux qalbna u nibqgħu nittamaw fil-Mulej.
Hawn taħt tistgħu taqraw uħud mill-esperjenzi taż-żgħażagħ li pparteċipaw:
L-esperjenza tal-Ġublew taż-żgħażagħ kienet esperjenza qawwija ta’ Knisja, differenti minn dak li ngħixu matul is-sena? X’laqtek l-aktar f’din l-esperjenza?
Yevgeny Spiteri
Żgur li l-ġimgħa li għamilna Ruma kienet esperjenza li ma ninsew qatt, imma naħseb l-iktar affarjiet li laqtuni kienu, 1) l-ammont ta nies primarjament żgħazagħ li ġew għal-Ġublew u 2) il-postijiet min fejn kienu ġejjin dawn il-pellegrini kollha.
Din kienet għalina esperjenza ġdida u għaldaqstant konna xi ftit eċċitati u anzjużi bejn għax ma kinitx btala kwalunkwe u kellha l-iskop warajha li ngħixu din l-esperjenza ma’ pellegrini oħra, u anke l-fatt li se nkunu qed nesperjenzaw dan l-avveniment reliġjuż ta’ darba. Konna nafu li din kienet se tkun ċelebrazzjoni kbira għall-Knisja u għal kattoliċi tad-dinja imma qatt ma stajna nobsru kemm kienet se tkun enormi. Jekk nieħdu l-aktar mumenti sempliċi u bażiċi tal-Knisja, bħal-quddies, mument ta’ talb jew mument ta’ riflessjoni; dawn l-affarijiet inħassu iktar fil-fond u laqtuna b’mod iktar profond peress li konna nkunu flimkien bħala grupp – jekk hux il-grupp tat-Tagaste Youths, jekk hux bħala Maltin, u jew jekk hux bħala żgħażagħ Agostinjani jew Kattoliċi – u għaldaqstant kienu joħorġu iktar bis-saħħa.
Għal Ġublew kien hemm aktar minn miljun żagħżugħ/a ġewwa Ruma, u allura, bla ma trid tħoss li anki bħala Belt, Ruma ġiet qisha belt żagħżugħa; kull fejn tħares tara pellegrini żgħażagħ jagħmlu l-pellegrinaġġ tagħhom. Bla ma trid, meta tara dawk in-nies kollha tħoss ukoll ċertu tama għall-Knisja, f’dinja fejn naraw u nisimgħu li l-Knisja u l-fidi qiegħda tbati. Matul il-ġimgħa li konna Ruma stajna ukoll ngħixu l-fidi li nitgħallmu b’mod aktar prattiku, u naraw anke kif nistgħu napplikawha meta nerġgħu lura Malta.
Stajna naraw u ngħixu ukoll li l-fidi mhix biss dak li nitgħallmu il-Mużew jew il-Knisja imma hija stil ta’ ħajja li ngħixu: kemm aħna kapaċi nisimgħu lil xulxin; ngħinu pellegrini fit-triq; kemm aħna kapaċi nkunu umli; u kemm fost l-għajjat u l-ferħ nistgħu wkoll insibu spazju biex nisimgħu lil Alla jkellimna. Ħafna drabi l-Knisja nassoċċjawha biss mal-quddies u saċerdoti imma fil-fatt dan il-pellegrinaġġ għallimna li l-Knisja hija ħafna ikbar minn hekk, hija ferħ, mużika, divertiment, kant…
Dak li għaqqad kollox imbagħad kienet il-preżenza tal-Papa fost dawk iż-żgħażagħ li vjaġġaw biex jesperjenzaw dan il-ferħ fil-Knisja. Il-pellegrini li ltaqjna magħhom kienu ġejjin tista’ tgħid min kull rokna tad-dinja, mill-Asja sal-Amerka ta’ fuq, mill-Ewropa, sal-Awstralja. Kien hemm ukoll nies li kienu ġejjin minn postijiet fejn il-Kristjaneżmu huwa minoranza, eżempju, kien hemm nies mis-Sirja, Alġerija, Tuneż u l-Ġappun.
Minkejja li mhux kulħadd kien jitkellem bl-Ingliż, kellna ħaġa li tgħaqqadna kollha f’daqqa, u dik kienet il-fidi tagħna. Eżempju, waqt l-ewwel ġurnata, aħna u nistennew biex nidħlu fil-pjazza tal-Vatikan, sirna ħbieb ma żagħżugħ Olandiż u fis-sagħtejn li konna qegħdin nistennew biex nidħlu fil-pjazza kellna ċans naqsmu miegħu diversi esperjenzi.
Laqatni wkoll il-fatt li avolja ħadd ma kien jaf lil xulxin, fil-kjus twal li konna ninzertaw biex tidħol prattikament kważi kullimkien, mill-ewwel kont tagħmel xi ħabib ġdid u din kienet mod ieħor fejn aħna stajna nkabbru l-fidi tagħna peress li stajna nitkellmu ma’ nsara oħra minn pajjiżi differenti, bi stejjer differenti.




Ritratti: Malta Catholic Youth Network/Augustinian Youths
Minkejja li dortu postijiet sbieħ, aktar milli turiżmu kien ukoll pellegrinaġġ spiritwali. Kif taħseb li din l-esperjenza għenet lilek u lil żgħażagħ bħalek fil-mixja tal-fidi tagħkom?
Daniel Cardona
Fl-esperjenza tagħna tal-Ġublew, dorna diversi postijiet sbieħ u turistiċi li huma mgħarufin f’Ruma, rajna postijiet bħall-Kolossew u diversi Knejjes sbieħ, dawn kollha żiedu fl-esperjenza tagħna f’Ruma… iżda s-sabih ta’ din l-esperjenza kien li fil-postijiet li rajna, ma waqafniex biss fil-bini u l-arkitettura li rajna, imma f’kull post u esperjenza għexna l-fidi flimkien.
Waħda mill-affarijiet li ppruvajna nagħmlu f’din l-esperjenza kienet proprju li nżuru l-Bażilċi Maġġuri ta’ Ruma. Irnexxilna nidħlu fi tlieta minnhom: San Paolo fuori le mura, San Ġwann Lateran u l-Bażilka ta’ San Pietru. Inzerta li kellna xorti tajba hekk li inzertajna mument meta l-kjuws kienu battew, jew għax morna kmieni jew għax morna tard. Il-knejjes kienu sbieħ u majestużi, iżda kienu wkoll postijiet ta’ ġabra; infatti aħna rajna li bħala pellegrini nidħlu dejjem mill-bibien tal-Ġublew, u wara li nidħlu nieqfu jew quddiem is-sagrament jew x’imkien fil-ġenb u nieqfu għal mument ta’ ġabra u nitolbu flimkien. Din kienet xi ħaġa li anke preparajna għaliha u bħala kellna diversi mumenti meta waqafna u tlabna flimkien kemm bħala grupp żgħir u anke flimkien ma’ ħafna żgħażagħ oħra.
Din il-belt turistika u reliġjuża offriet filfatt post ta’ ġabra għaż-żgħażagħ li nġabru minn mid-dinja kollha. It-toroq kienu mimlijin bi gruppi jduru bil-flokkijiet ħodor tal-Ġublew ikantaw innijiet reliġjużi ta’ pajjiżhom u f’xi mumenti jgħajtu isem pajjiżhom. Dawn kienu mumenti sbieħ fejn wieħed seta’ jara u jafferma li l-Knisja m’hijiex mejta, jew m’hijiex xi ħaġa tal-anzjani u li qed tispiċċa, imma esperjenza ħajja u mimlija enerġija u ħeġġa. U s-sabih kien ukoll li tara li ż-żgħażagħ m’humiex biex addoloxxenti storbjużi. F’Tor Vergata, speċjalment matul il-Velja li saret is-Sibt filgħaxija, għexna esperjenza qawwija fejn rajna li l-istess żgħażagħ huma kapaċi jisktu u jinġabru għat-talb. Dan kien verament mument mill-isbaħ. Il-Papa ġab miegħu anke enerġija, ħeġġa u arja ġdida, u bl-istess imħabba lejn il-fidi, iż-żgħażagħ laqgħuh, ferħu bih u għajjtu ismu.




Ritratti: Malta Catholic Youth Network/Augustinian Youths
Intom żortu anke postijiet relatati mal-Patrijiet Agostinjani. Hemm xi esperjenzi jew mumenti li laqtuk?
Jean Paul Curmi Cassar
Matul dan il-pellegrinaġġ fejn dorna il-Bażilika ta’ San Pietru u Bażiliċi oħra ta’ importanza li jagħmlu parti mil-ġublew, kellna diversi esperjenzi mal-patrijiet Agostinjani jew f’postijiet relatati magħhom. Rajna u tlabna f’postijiet sbieħ bħas-Santwarju tal-Madonna tal-Bon kunsill f’Genazzano u l-Bażilika ta’ Santu Wistin f’Ruma imma l-iżjed li laqatni hija l-fatt li kellna l-okkażjoni li nesperjenzaw l-agostinjani mil-viċin. Mument qawwi ħafna kien meta żorna l-Monasteru tas-sorijiet tal-klawsura Agostinjani ta’ Santi Quattro Coronati fejn hemmhekk stajna nħossu l-paċi u s-serenità tal-ħajja kontemplattiva. Għal dawk li għandhom għajnejn biex jaraw il-klawsura hija xi ħaġa speċjali, huma l-għeruq li ma jidhrux imma jagħtu l-ħajja lil dik is-siġra kbira u sabiħa.
Nistħajjilkom tgħidu dan biex ġej? Imma jiena tlajt bħala membru ta’ grupp Agostinjan u nixtieq naqsam dak li osservajt fl-esperjenza tiegħi mal-Agostinjani f’dan il-Ġublew. Innutajt l-imħabba kbira li urew magħna l-patrijiet agostinjani li ltqajna magħhom f’kull post li żorna u anke l-mumenti li għixna magħhom. Kienu mumenti fejn tkellimna u qsamna magħhom ħafna esperjenzi, u kienu tant ġentili magħna. Kultant id-dinja ta’ barra tħares lejn ir-reliġjuzi u persuni kkonsagrati b’mod differenti. Tħares lejn xi żball li seta sar, tħares lejn il-karattru kultant bid-difetti tiegħu, iżda jiena hemmhekk rajt l-imħabba u ferħ bejn il-patrijiet, rajt ħbiberija, stajt ninnota l-entużjażmu li kellhom għalina.
Fuq kollox stajt nosserva li qed jgħixu dak li jemmnu u li wara kollox, iż-żgħażagħ li jkollhom interess għandhom bżonn jaraw. Qsamna mal-patrijiet mumenti ta’ talb u spiritwalità, rajna li ħin għal Alla jfisser li huwa ħin għal Alla. F’kelma waħda nista’ ngħid li għext esperjenza mil-isbaħ. Qiegħed naqsam din l-esperjenza tiegħi bħala żagħżugħ fid-dinja tal-lum għaliex naf illi mhux kullħadd għandu x-xorti jgħix mil-viċin ma’ persuni kkonsagrati.
Nixtieq nispiċċa billi nirringrazzja lill-patrijiet kollha Agostinjani speċjalment dawk li qsamna magħhom din l-esperjenza għaliex kienu ta’ eżempju għalina bil-ħajja tagħhom. Għeżież patrijiet bħalma intom taraw lilna, aħna naraw lilkom ukoll, u f’ dan il-każ rajtkom tgħixu dak li temmnu.




Ritratti: Malta Catholic Youth Network/Augustinian Youths