Is-sena 2025 timmarka il-125 sena mil-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita mil-Papa Ljun XIII fis sena tal-Ġublew il-Kbir tal-1900. Fi ftit snin, Santa Rita kompliet issir waħda mill-aktar qaddisin popolari b’tant insara jirrikorru għall-interċessjoni tagħha quddiem Alla fil-każijiet l-aktar diffiċli. Il-fatt li għexet diversi stati differenti tal-ħajja u f’kull stat għarfet tkun sinjal ta’ tama bil-mod kif ġiebet ruħha, jagħmilha qaddisa tant qrib tad-devoti tagħha. Il-mod erojku li bih għexet il-ġrajjiet ta’ ħajjitha bħala żagħżugħa, mara miżżewwġa, omm, armla u anke reliġjuża, jagħmluha eżempju ħaj ta’ tama u paċi. Hija mara li b’fiduċja kbira fil-Mulej, tgħallimna nħarsu lilhinn mit-toqol kollu li f’għajnejna jidher impossibbli. Din hi anke t-tama li jistedinna nirriflettu fuqha l-Ġublew li din is-sena qegħdin niċċelebraw bħala Knisja.
Il-Provinċja Agostinjana Maltija ser tkun qed tiċċelebra il-125 sena mill-Kanonizzazzjoni tal-Qaddisa Agostinjana b’diversi inizjattivi li jiftħu fl-Ewwel Ħamis ta’ Devozzjoni, li ser ikun iċċelebrat nhar it-30 ta’ Jannar 2025. It-tradizzjoni tal-Ħmistax il-Ħamis ta’ Santa Rita li jwasslu sal-Festa tagħha, u li jiġu ċċelebrati fil-Knejjes kollha Agostinjani, hija marbuta mal-ħmistax il-sena li matulhom Santa Rita ġarret fi ġbinha x-xewka li rċeviet mingħand Kristu msallab. Dakinhar tal-Ewwel Ħamis, il-W. Rev. Provinċjal P. Leslie Gatt O.S.A. ser jiftaħ iċ-ċelebrazzjonijiet b’quddiesa fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta fid-9.30am, u fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria f’Għawdex, fis-6.00pm.
Iċ-ċelebrazzjonijiet Ġubilari jilħqu l-qofol tagħhom il-Ħamis, 22 ta’ Mejju, Jum il-Festa tal-Qaddisa, b’ċelebrazzjoni preseduta mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin, ċentru nazzjonali tad-devozzjoni lejha, u wara pellegrinaġġ bl-istatwa devota ta’ Santa Rita fit-toroq tal-Belt Valletta. Ta min jgħid li l-istess Knisja ta’ Santu Wistin hija wkoll waħda mill-Knejjes magħżula biex fihom tista’ tinkiseb l-Indulġenza Plenarja matul din is-sena tal-Ġublew 2025. Fl-istess jum tal-Festa, ċelebrazzjoni simili bil-pellegrinaġġ bl-istatwa tal-qaddisa ser issir ukoll fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria f’Għawdex.
Nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju, li huwa l-jum propju li fih il-qaddisa kienet kanonizzata 125 sena ilu, ser issir imbagħad ċelebrazzjoni fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat u wara pellegrinaġġ fit-toroq tal-madwar. Barra minn hekk, il-festa tiġi ċċelebrata wkoll f’kull Knisja Agostinjana fi ġranet differenti. Dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet f’dawn il-knejjes u inizjattivi oħra, joħorġu aktar ‘il quddiem.
Sadanittant għal din l-okkażjoni, qed jiġi organizzat pellegrinaġġ għal Cascia, fejn għexet Santa Rita u fejn huma vvenerati l-fdalijiet tagħha, bejn id-19 u t-23 ta’ Marzu li ġej. Min hu nteressat għandu jikkuntattja lis-Sur Lawrence Sciberras 79262249 jew lis-Sur Francis Masini 79054697 jew lil P. Adeodato Schembri 99475794. (il-Pellegrinaġġ jinkludi anke żjajjar f’Ruma, Assisi, u Loreto)