Ir-restawr tal-orgni ta’ Mascioni fil-knisja ta’ San Mark, ir-Rabat, Malta

It-tabella bl-isem fuq ġewwa tal-console tal-orgni ġġib l-isem ta’ min bnieh (Vincenzo MASCIONI), id-data li nbena (1959), in-numru 764 li juri l-kemm-il wieħed hu, u fejn hemm il-fabbrika Mascioni (Cuvil <Varese>).

Mascioni hu wieħed mill-aktar bennejja tal-orgnijiet magħrufa Taljani. Bena ħafna orgnijiet barra mill-Italja, tnax minnhom fil-gżejjer Maltin.

L-orgni li nsibu fil-knisja ta’ San Mark hu eżempju sabiħ ħafna tal-bini tal-orgnijiet Taljani ta’ żmienu. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet, anke l-coils eletriċi tas-solenoids, kienu magħmula fil-fabbrika tagħhom stess. Is-sengħa tal-manifattura hi eċċellenti fil-partijiet varji kollha tal-orgni, mill-imniefaħ, sal-kaxxa tal-arja, il-console, l-apparat elettro-manjetiku u l-kanen. Hu strument fin minn kull aspett.

Matul is-snin mindu ġie installat, kien miżmum f’kundizzjoni tajba min Rev. Fr Michael D’Amato, imma sas-sena 2015 bdew jidhru sinjali serji to ħsara mill-użu u xi ħwejjeġ oħra li riedu jiġu indirizzati. Peress li l-aħħar darba li sar intervent fuqu minn Fr D’Amato kien fl-1995, kien wasal iż-żmien li jsir restawr estensiv fuq il-partijiet kollha tal-orgni biex jinġieb fl-aħjar kundizzjoni possibbli u li sservi fit-tul. Ma kienx jagħmel sens li jsir traqqigħ.

Ix-xogħol tar-restawr beda f’Awwissu tas-sena 2020 u tlesta f’Lulju 2021 u sar minn Robert Buhagiar B.Eng(Hons), inġinier u restawratur bil-warrant fil-qasam tar-restawr tal-orgnijiet tal-kanen. Hu kellu t-taħrig fil-bini tal-orgnijiet għand id-ditta Mascioni u għalhekk kien l-aħjar għażla għar-restawr ta’ dan l-orgni. Kien diġà għamel restawr ta’ erba’ orgnijiet Mascioni b’riżultati eċċellenti.

Ir-restawr sar b’rispett sħiħ għall-karatteristiċi oriġinali tal-orgni. Ma sarx tibdil fit-trasmissjoni u l-aspett tonali. Il-partijiet kollha tal-orgni ġew restawrati kif meħtieġ. It-tliet imniefaħ sarilhom ġild ġdid, inbidlu l-boroż tal-ġilda, il-muturi tal-arja mġedda, il-kuntatti eletriċi mnaddfa u regolati, il-kanen imnaddfa u msewwija, is-sistemi elettro-mekkaniċi kollha ġew regolati u fl-aħħar net sar l-intunar meħtieġ. Barra minn dan ix-xogħol fuq il-partijiet funzjonanti ta’ ġewwa, sar ukoll xogħol ta’ tisbiħ fuq barra, bħaż-żebgħa mill-ġdid tal-kanen tal-faċċata, u lostru (bażi shellac) tal-console cabinet, il-bank u l-pedaliera.

Dan l-orgni Mascioni, għalkemm għad mhux orgni storiku, jista’ jiġi apprezzat iżjed minħabba l-kwalità intrinsika tiegħu evidenti fl-aspetti kollha tal-kostruzzjoni tiegħu. Ix-xogħol ta’ restawr li għadu kemm intemm, irrispetta dawn l-aspetti u għen biex l-orgni jkun ippreservat għal ġenerazzjonijiet futuri waqt li jippermetti lill-ġenerazzjonijiet tal-lum igawdu mill-kwalitajiet mużikali tiegħu.

Robert Buhagiar

Pipe Organ Builder and Restorer

 

Scroll to Top