Is-Sibt 23 ta’ April 2022, fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat saret l-inawgurazzjoni tar-restawr tal-Orgni, proġett li l-Komunita Agostinjana flimkien mal-Augustinian Cloister Foundation kienu ilhom jadmu fuqu għal diversi snin. Dan il-Proġett seta jsir grazzi għas-sapport finanzjarju ta’ Dr Gilles u Mrs Claudine Gutierrez. Għaċ-ċerimonja kienet preżenti ukoll l-E.T. l-ambaxxatriċi ta’ Franza għal Malta s-Sinjura Agnès von der Mühll.
L-Orgni fil-Knisja ta’ San Mark kien ġie nstallat fl-1959 mid-ditta rinomata V. Mascione. Bil-ħidma ta’ Mro. P. Albert Borg O.S.A., l-istess ditta kienet installat orgnijiet anke fil-Knisja Agostinjani ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex, kif ukoll fil-Kon Kattidral ta’ San Ġwann. L-intervent riċenti li sar mir-restawratur is-Sur Robert Buhagiar, u li ħa madwar disa’ xhur, kien wieħed ta’ restawr estensiv li prattikament wassal biex iżżarma f’partijiet u wara l-interventi meħtieġa reġa ntrama biċċa biċċa.
Barra preżentazzjoni tax-xogħol mir-restawratur u interventi oħra qosra, s-serata inkludiet diversi biċċiet ta’ mużika fuq l-orgni mil-organista residenti Dr Chris Role, l-Organista Claire Baluci, il-Mużiċisti Mr Nicholas Busuttil u Ms Leanne Borg u l-vuċijiet sbieħ ta’ Ms Jacqueline Micallef Grimaud, Ms Nicole Weaving-Baluci and Ms Imelda Micallef Lowell. Is-serata ntemmet b’riċeviment fil-Kunvent.