Kull sena l-festa ta’ Santu Wistin hija okkażjoni biex infakkru u niċċelebraw figura tant għal qalbna. Aktar minn hekk, hija opportunita biex inħarsu b’sentiment imġedded l-ispirtu u l-mixja mħeġġa tal-fidi li dan il-Qaddis – li aħna nqisuh bħala l-missier spiritwali tagħna – qasam mal-aħwa fil-Knisja. Fil-mixja tiegħu u fl-esperjenza qawwija li għex, insibu l-identità tagħna bħala mgħammdin u bħala Agostinjani. Dan huwa l-ispirtu li mhux biss jispirana biex inġeddu s-sejħa partikolari tagħna, imma jħeġġiġna fl-appartenenza tagħna għall-komunità wiesgħa tal-fidi: il-Knisja.
Il-Pirjol Ġenerali, fil-messaġġ tiegħu għall-Festa ta’ din is-sena, fakkarna f’dak li l-Papa Ljun XIV qal lill-Aħwa Agostinjani miġbura f’Pavia f’Ġunju li għadda: “Santu Wistin mhux tagħna, imma tal-Knisja,” u jkompli jgħid li dak li għandu jkun verament tagħna hija “il-missjoni li nwassluh lill-oħrajn fil-Knisja”. Ir-responsabbiltà tagħna, għalhekk, hija l-ewwel u qabel kollox li nħallu l-ispirtu, it-tagħlim u l-esperjenza qawwija ta’ ħajtu jimlewna b’ħeġġa fil-mixja tagħna wara l-Mulej Ġesù, biex mimlijin biH ikollna x’naqsmu flimkien u mal-Knisja.
Żgur li, jekk minna huwa mistenni li nwasslu l-figura ta’ Santu Wistin , dan il-jum tal-Festa ma jistax jgħaddi mingħajr ma joħloq fina riflessjoni ġenwina dwar dak li qed ngħixu f’dan il-mument tal-istorja, kemm fuq livell personali, kif ukoll fuq livell ta’ Provinċja Agostinjana Maltija. Il-Kapitlu Provinċjali Ordinarju li għexna din is-sena ġab miegħu diskussjoni u riflessjoni sabiħa. Inħoss li, minkejja li hemm deċiżjonijiet u sfidi li mhumiex żgħar, hemm ukoll ħafna sinjali ta’ tama, partikolarment fil-preżenza tagħna fil-Knisja u fis-soċjeta.
L-esperjenza ta’ Santu Wistin tipprovoka fina wkoll riflessjoni aktar personali. Wieħed mill-aktar aspetti li jolqtuni fil-figura tiegħu jibqa’ l-fatt li, wara l-kontribut u l-għerf kbir li għadda lill-Knisja, fl-isfond hemm umanità profonda li tqarrbu ħafna lejna, anke jekk 16 il-seklu wara. Santu Wistin jibqa’ l-bniedem li ltaqa’ kontinwament mad-djufijiet umani tiegħu, għaraf il-limiti tiegħu, fittex li jiskopri l-verita, ixxennaq għal dak li jagħtih sens veru f’ħajtu, u fuq kollox ma qata’ qalbu qatt. U jekk aħna nqisu lilna nfusna fost dawk li ġa sabu lil Alla, Santu Wistin jistqarr hu stess li, aktar ma sabu u għamel esperjenza tiegħu, aktar irrealizza kemm kien għad fadal x’jiskopri! Din hi l-umanità li tagħraf il-kobor ta’ Alla u tibqa’ tfittxu. Anke jekk imtaqqla bid-djufijiet tagħha, tagħrfu u terġa’ tfittxu, u aktar ma tersaq lejh, aktar tiskopri li l-qalb hija msejħa biex tibqa’ miftuħa għalih. Dan hu proċess kontienwu sakemm fl-aħħar, tasal biex tagħraf li l-mistrieħ veru tagħha ma jistax ikun f’ħadd u f’xejn aktar ħlief fiH.
Minn qalbi nawgura li din il-festa tħeġġiġna biex bl-interċessjoni u l-eżempju ta’ Santu Wistin Missierna, inġeddu l-mixja tagħna wara Ġesu u nagħrfu kuljum il-missjoni li għandna li ngħixuh u nwassluh lill-oħrajn. Jalla din tkun il-grazzja li nirċievu kuljum.
Il-Festa t-Tajba
P. Leslie Gatt osa
Pirjol Provinċjali