Il-Ħadd 16 ta’ Jannar, fil-Knisja ta’ San Mark fir-Rabat ġiet iċċelebrata l-festa tradizzjonali ta’ San Anton Abbati. Għalkemm ir-restrizzjonijiet tal-pandemija ma ppermettewx li jsiru ċelebrazzjonijiet barra mill-Knisja, fi tmiem il-quddiesa, il-Pirjol Provinċjali Patri Leslie Gatt O.S.A. bierek l-annimali domestiċi li nġiebu fil-knisja stess. Din hija tradizzjoni antika ferm marbuta ma din il-festa fil-knisja Agostinjana ta’ San Mark ir-Rabat. Filfatt kienet drawwa li l-granmastru jibgħat il-bhejjem tiegħu biex jitbierku fil-festa ta’ San Anton. Tul is-snin inżammet din it-tradizzjoni ħelwa u ta’ kull sena jinġiebu diversi annimali biex jitbierku.
Il-figura ta’ San Anton Abbati għandha rabta mat-tradizzjoni Agostinjana. Il-ħajja ta’ San Anton u l-eżempju qawwi tiegħu kienu ħeġġu lil Santu Wistin f’mument deċiziv f’ħajtu kif jistqarr hu stess fit-8 ktieb tal-istqarrijiet eżatt qabel ma jirrakkonta l-konverzjoni tiegħu. Għalkemm l-Ordrni Agostinjan twaqqaf ħafna snin wara u f’ċirkustanzi differenti, il-Patrijiet Agostinjani kellhom anke oriġni eremitika u d-devozzjoni lejn San Anton kienet xi ħaġa komuni fil-knejjes taghhom. Il-kult lejn dan il-qaddis fil-Knisja konventwali ta’ San Mark fir-Rabat filfatt imur lura diversi sekli. Fl-1806 imbagħad kienet saret ukoll statwa artistika tal-injam xogħol tal-iskultur Xandru Farrugia.
Sadanittant it-Tnejn, 17 ta’ Jannar, Jum il-festa liturġika, il-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. ippresieda l-Festa tal-qaddis fil-Kappella ddedikata lilu fix-Xagħra Għawdex.