Fil-ġimgħat li għaddew, partikolarment fl-aħħar jiem ta’ Awwissu u matul ix-xahar ta’ Settembru, ġew iċċelebrati diversi festi fil-kalendarju Liturġiku Agostinjan. Dawn l-istess Festi jiġu ċċelebrati fil-knejjes Agostinjani fi ġranet differenti. Ewlenin fosthom huma l-festi ta’ Santu Wistin u tal-Madonna taċ-Ċintura li kienu ċċelebrati b’mod solenni fil-Knejjes Agostinjani tal-Belt Valletta u tar-Rabat f’Malta, u tal-Belt Victoria f’Għawdex. Fit-tliet knejjes tħejja programm ta’ ċelebrazzjonijiet liturġiċi u fil-Belt Valletta u fir-Rabat Malta saru anke purċissjonijiet bl-istatwi rispettivi.
Il-festa patronali ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta laħqet il-qofol tagħha fit-tielet Ħadd ta’ Settembru li din is-sena ħabat anke jum ta’ festa pubblika. Dakinhar saret il-purċissjoni bl-istatwa artistika ta’ Santu Wistin fit-toroq prinċipali tal-Belt Valletta. Il-Festa tal-Madonna taċ-Ċintura fil-Belt kienet iċċelebrata s-Sibt 6 ta’ Settembru, waqt li fir-Rabat imbagħad kienet iċċelebrata s-Sibt 13 ta’ Settembru. Fiż-żewġ postijiet saru anke pellegrinaġġi bl-isatwi devoti tal-madonna. Fil-Knisja ta’ Santu Wistin f’Għawdex iż-żewġ festi kienu ċċelebrati fil-ġranet liturġiċi tagħhom jiġifieri nhar it-28 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru. Barra l-jiem tal-festa saru anke jiem ta’ preparazzjoni b’diversi ċelebrazzjonijiet li offrew riflessjonijiet fuq il-figuri ta’ Santu Wistin u d-devozzjoni tal-Madonna taħt it-titlu tal-konsolazzjoni li hija l-padruna tal-familja Agostinjana.
Il-Familja Agostinjana tiċċelebra anke il-Festa ta’ San Nikola minn Tolentino li huwa l-ewwel reliġjuż Agostinjan li ġie kkanoniżżat. Il-festa liturġika tiegħu tiġi ċċelebrata fl-10 ta’ Settembru, imma fil-Knisja ddedikata lilu f’Ħal Tarxien ġiet iċċelebrata bħal kull sena fl-aħħar sibt tax-xahar, li din is-sena ħabat nhar is-27 ta’ Settembru.
Sadanittant matul ix-xahar ta’ Settembru, diversi Parroċċi madwar Malta iċċelebraw il-festa tal-Madonna taċ-Ċintura bl-aħħar waħda tkun imbagħad dik tal-Gudja li tiġi ċċelebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru.






