Din is-sena 2025 timmarka l-125 sena mill-Kanonizzazzjoni ta’ Santa Rita. Il-Komunità Agostinjana tar-Rabat se tiċċelebra l-Festa ta’ Santa Rita nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju 2025, il-Jum li fih Santa Rita saret Qaddisa, b’pellegrinaġġ fit-toroq ewlenin tar-Rabat. Dan il-pellegrinaġġ għandu joħroġ mill-Knisja ta’ San Mark fis-7pm.
Diversi attivitajiet oħra ser isiru biex jitfakkar dan l-anniversarju. Fost dawn l-attivitajiet hemm ukoll bħalissa iż-żjara ta’ l-istatwa devota u r-Relikwa ta’ Santa Rita mill-Knisja ta’ San Mark għall-Knejjes tar-Rabat kollha: Knisja Santa Marija ta’ Ġesù (Ta’ Ġieżu), Knisja San Martin (Baħrija), Kolleġġjata Bażilka u Proto-Parroċċa San Pawl, Knisja Sant’ Agata, Knisja San Duminku u Knisja San Franġisk.
Din il-mixja fost il-Knejjes tar-Rabat bl-Istatwa ta’ Santa Rita għandha tibqa’ sejra sat-28 ta’ Marzu. Il-ħsieb wara dan kollu huwa biex il-komunitajiet kollha hawn fir-Rabat u dik tal-Baħrija, jagħtu qima lil din il-Qaddisa ta’ każijiet li wieħed minnhom jaqta’ jiesu u biex kulħadd ikun jista’ jressaq it-talba tiegħu lil Alla bl-interċessjoni ta’ Santa Rita.


