L-esperjenza missjunarja fil-Możambik

Issa li l-esperjenza ntemmet u kulħadd qed jirritorna lura għar-rutina normali tiegħu nixtiequ nesprimu l-gratitudni tagħna għal dak kollu li għaddejna minnu fit-tlett ġimgħat f’Lulju fil-Mozambik flimkien mas-Sorijiet Agostinjani. Aħna u ġejjin lura, ilkoll konna ddispjaċuti li se nħallu tant nies u esperjenzi warajna, fl-istess ħin sodisfatti li ħidmietna ħalliet tama fil-ħajjiet ta’ dawn in-nies.

Il-bini tal-Palhota, tiżbigħ f’partijiet differenti tal-iskejjel li huma mmexxija mis-sorijiet kif ukoll xi xogħol ieħor li kien hemm bżonn, kienu ħidmiet ta’ ferħ u sodisfazzjon li sebbaħna dal-postijiet fejn jitgħallmu t-tfal. Diversi drabi ltqajna mat-tfal fil-brejks, qassamna l-ikel u sellimnielhom qabel imorru d-dar. Mumenti sbieħ u sempliċi li nisslu ħafna ferħ fit-tfal. Kellna wkoll iċ-ċans niltaqgħu maż-żgħażagħ tad-djoċesi u l-Erbgħa 24 ta’ Lulju filgħaxija ċċelebrajna l-quddiesa flimkien. Kien mument sabiħ tara tant żgħażagħ flimkien jiċċelebraw il-fidi tagħhom.

Is-Sibt filgħodu għinna lis-sorijiet iqassmu l-ikel u l-ħwejjeġ lill-ommijiet single li għandhom tarbija. Permezz tad-donazzjonijiet tagħkom, din hi ħaġa li s-sorijiet jagħmlu kull nhar ta’ Sibt, biex jgħinu lil dawn l-ommijiet kif jistgħu. Għalhekk grati wkoll li sibna lilkom ta’ sapport u għajnuna mhux biss bil-flus imma bit-talb tagħkom.

Grati għall-komunità li laqgħetna b’tant ferħ, imħabba u paċi, b’mod kontinwu. Il-komunità ta’ Imhambane hi waħda li se tibqa’ f’qalbna u talbna. L-aħħar jumejn kienu mumenti emozzjonali ħafna fejn sellimna lit-tfal, l-għalliema u ż-żgħażagħ kollha li ltqajna magħhom.

Grati għas-Sorijiet Agostinjani li qed jagħmlu xogħol kbir ma’ dawn il-familji, xogħol li ma jidhirx imma li jagħmlu b’ħafna ferħ u mill-qalb. Nafu li dak li ħallejna warajna, qed jieħdu ħsiebu s-sorijiet b’paċenzja kbira u b’ħafna dedikazzjoni.

Grati lejn Fr Mario, li hu l-moħħ wara dan is-Segretarjat u wara l-ħidma kollha li ssir mal-foqra f’dan il-pajjiż. Nirringrazzjawh li tana din l-esperjenza u għixniha flimkien miegħu b'ħafna paċenzja li kellu jieħu bina, b'mod speċjali biex jitraduċielna l-lingwa. Nirringrazzjaw ukoll lis-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani tal-għajnuna u s-sostenn tiegħu matul din l-esperjenza, kemm fil-preparazzjoni kif ukoll matul iż-żmien li konna l-Mozambik.

Finalment aħna grati lejn Alla, li tana din l-opportunità li nesperjenzaw l-ispirtu tiegħu f’kull persuna li ltqajna magħha u f’kull esperjenza li għaddejna minnha. Inħeġġu biex żgħażagħ oħra ma jibżgħux jagħmlu din l-esperjenza li se sservi biex jagħrfu s-sbuħija tal-ħajja u tal-persuni li jiltaqgħu magħhom filwaqt li jikbru f’ħafna valuri sbieħ.

Roberto D'Amato

f'isem il-grupp Amigos

Għal iktar informazzjoni fuq l-esperjenzi missjunarji għas-sajf li ġej 2025 tista' tikkuntattja lil fr Mario Abela osa fuq 79255936 jew lil fr Terence Spiteri osa fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it. jew tidħlu fil-facebook/instagram Amigos jew Augustinian Youths.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.