Il-Festa ta' San Martin fil-Baħrija

  • Fil-bidu tas-sena 2014, il-Provinċja Agostinjana Maltija b’konformita’ ma dak li kien ġie maqbul b’mod unaminu fil-kapitlu Provinċjali Ordinarju 2014, kienet għamlet diskussjonijiet ma’ Mons Arċisqof (dak iż-żmien Mons Pawlu Cremona) u mal-Kurja tal-Arċidjoċesi li fiha wriet ix-xewqa li tibda sservi pastoralment f’xi realta’ ġdida tad-Djoċesi. Eventwalment, il-qbil infatti kien seħħ pjuttost malajr u fi ftit xhur, tant li fis-6 ta’ Diċembru, 2014, l-Eċċellenza Tiegħu Mons Charles J. Scicluna - dak iż-żmien Amministratur Appostoliku sede vacante - (illum l-Arċisqof ta’ Malta) kien ħareġ id-Digriet li fiha huwa kien qed “jafda l-kura pastorali tal-Knisja ta’ San Martin, il-Baħrija u l-inħawi ta’ madwarha li jinsabu fit-territorju tal-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, f’idejn ir-Reverendu Patri Provinċjal pro tempore tal-Patrijiet Agostinjani u tad-delegati tiegħu, ad nutum Ordinarii loci.”
  • Fr Ray Francalanza osa – dak iż-żmien Provinċjal - kien beda beda l-ħidma tiegħu bħala l-ewwel Rettur f’isem il-Provinċja nhar l-1 ta’ Jannar 2015. Fl-aħħar żewġ Kapitli Provinċjali, Fr Ray reġa ġie ikkonfermat biex jkompli jaqdi f’dan il-ministeru. Dan jfisser li bħala reliġjuzi agostinjani ilna diġa’ tmien snin naqdu pastoralment f’din il-lokalita’. Il-popolazzjoni fil-Baħrija illum kibret sew u qabzet l-2700 persuna mifruxa fuq 560 familji. Fiha telgħu jgħixu ħafna koppji żgħar u dan jagħmel mill-post komunita’ pjuttost żgħażugħa. Tul dawn is-snin saret ħidma kbira fuq kull livell biex tinbena komunita’ sabiħa kemm fuq livell ta’ fidi u anke fuq livell soċjali. Don kbir li hemm fil-Baħrija hu l-impenn ħaj ta’ bosta persuni li jservu u jingħataw b’ħafna imħabba u ġenerozita għall-ġid tal-komunita’ kollha. Min jixtieq jieħu togħma tal-ħajja fil-komunita’ tal-Baħrija, jista jservi l-fb page – Knisja Baħrija page.

© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.