Nhar il-Ġimgħa 26 t’ Awwissu l-aħwa Agostinjani iltaqgħu filgħodu għal mument ta’ talb fil-Knisja Santu Wistin, fil-Belt Valletta u wara komplew jiċċelebraw il-festa ta’ Santu Wistin b’ikla fraterna fir-refettorju tal-istess kunvent. Kien mument informali u sabiħ li fih l-aħwa setgħu jiltaqgħu flimkien għall-festi ta’ Santa Monika u Santu Wistin! Il-Festa t-tajba lil kulħadd!



Permezz ta’ kunċert ta’ mużika sagra b’kompożizzjonijiet mill-arkivju tal-Kunvent, nhar it-Tlieta 23 t'Awwissu 2022, il-Komunità Agostinjana, flimkien mal-Komunità Parrokkjali laqgħu lura fil-Knisja l-istatwa Titulari ta’ Santu Wistin issa miżbuha u indurata. Matul din l-aħħar sena filfatt l-istatwa ttieħdet biex tinżebah u ssir l-induratura meħtieġa. Għal dan ix-xogħol tqabbad is-Sur Horace Farrugia tal-Imdina li huwa artist ta’ esperjenza kbira f’dan il-qasam. Huwa ħadem b’reqqa kbira l-ewwel fuq il-kisi bil-ġibs u l-iżgraffjar skond il-panneġġjar u l-ilbies tal-figura sabiħa ta’ Santu Wistin. Imbagħad saret l-induratura bid-deheb u ż-żebgħa skond disinji maħluqa mill-istess Horace Farrugia. Ix-xogħol tal-karnaġġjon sar mill-artisti oriġinali tal-istatwa stess, Aaron u missieru Alfred Camilleri Cauchi.

Aaron u Alfred Camilleri Cauchi filfatt kienu ħadmu l-istatwa fl-injam madwar ħames snin ilu u kienet tbierket fis-sena 2017. L-istatwa tirraffigura lil Santu Wistin liebes l-ilbies episkopali bil-qalb taqbad f’idejh. Il-qalb taqbad hija simbolu tal-imħabba lejn Alla u l-Kelma tiegħU li misset il-qalb tal-istess Wistin. Fin-naħa t’isfel tal-istatwa filfatt hemm anke anġlu bi ktieb f’idejh bil-frażi tal-istess Santu Wistin: Vulnerasti Cor Meum Verbo Tuo, li bil-Malti tfisser, Bil-Kelma tiegħek infidtli qalbi Mulej.

Il-proġett riċenti tal-induratura u ż-żebgħa, sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Arti. Ħajr anke lil dawk kollha li b’mod jew ieħor kienu ta’ għajnuna għall-komunità Agostinjana f’din il-mixja, partikolarment il-Fondazzjoni Soċjo-Kulturali Ambjentali Augustina u l-Għaqda Festa Santu Wistin. L-Istatwa ser tinħareġ proċessjonalment il-Ħadd, 18 ta’ Settembru fil-Festa Titulari tal-istess Parroċċa. (Ritratti Ian Noel Pace)


Matul dawn il-jiem il-Familja Agostinjana fir-repubblika Ċeka, flimkien mal-kamp tal-istudji tax-xjenza qed jiċċelebraw il-200 sena mit-twelid ta’ P. Johann Mendel, Agostinjan li mpenja ruħu fl-istudju tal-ġenetika u kkontribwixxa bi skoperti mportanti, tant li huwa magħruf propju bħala Missier il-ġenetika.

Johann Mendel twieled fl-20 ta’ Lulju 1822, f’Hyncice (Heinzendorf), Silesia, illum fir-Repubblika Ċeka. Fl-eta ta’ 21 sena, huwa ħaddan il-ħajja reliġjuża Agostinjana fl-Abbazija ta’ Brno, fejn mhux biss ingħata taħriġ reliġjuż, iżda hemm sab ukoll art tajba sabiex jissokta jtejjeb u jsaħħaħ il-ħiliet tiegħu fix-xjenzi naturali, l-iktar dawk li kellhom x’jaqsmu mal-bioloġija u mal-matematika. Fl-Ordni Agostinjan inagħta l-isem ta’ Gregor.

Bħala Agostinjan ingħata l-possibilità li jissokta bl-istudju tiegħu fl-Università ta’ Vjenna fejn approfitta biex jiddedika aktar ħin għall-istudji tax-xjenzi naturali, il-matematika, u l-fiżika. Lura fi Brno huwa ntefa b’ruħu u ġismu għat-tagħlim, u r-riċerka.

Mendel għażel li jkompli japprofondixxi l-istudju permezz ta’ esperimenti fuq xitla tant komuni, dik tal-piżelli (pisum sativum). Għal 10 snin sħaħ huwa żera’, kabbar u qabbel għadd ta’ żrieragħ ta’ kull għamla u xorta ta’ piżelli. Wara għadd kbir ta’ esperimenti li wettaq b’tant reqqa, Gregor seta’ jasal sabiex isostni s-sisien ta’ dak li llum hu magħruf bħala x-xjenza tal-Ġenetika, permezz tal-kitba tiegħu li ġġib l-isem Versuche über Pflanzen-Hybridization. Dan il-manuskritt jinsab ikkonservat fl-arkivju tal-Abbazija ta’ Brno immexxija mill-aħwa Agostinjani. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu huwa kien ukoll Abbati tal-istess Abbazija ta’ Brno fejn miet fis-6 ta’ Jannar tas-sena 1884.

 


Nhar it-Tlieta 2 ta' Awissu 2022, kmieni filgħodu, il-grupp Augustinian Youths beda l-mixja tiegħu minn Viana do Castelo fil-Portugal, lejn il-Katidral ta' Santiago de Compostela fi Spanja. Kull ġurnata, għal disat ijiem, konna nerħulha kmieni filgħodu, b'dak kollu li ġibna minn Malta wara dahrna u dejjem aktar navvanzaw lejn id-destinazzjoni tagħna. Qabel tlaqna kollha kemm aħna konna qed naħsbu li d-destinazzjoni hija waħda, dik ta' Santiago, pero fis wara l-ewwel ftit passi tal-mixja tagħna ntbaħna li l-aktar ħaġa importanti huwa l-pass li jmiss. Il-pass li jmiss huwa importanti daqs id-destinazzjoni għaliex bih biss stajna naslu.

Din kienet waħda mill-ewwel affarijiet li ntbaħna li hija parallela għall-ħajja tal-bniedem li jinsab fil-mixja tiegħu lejn Alla. Kull filgħodu konna nibdew b’mument ta’ talb u riflessjoni, u konna nsibu xi kafeterija wara xi tliet sigħat mixi. Din l-istess fakkritna li huwa importanti li wieħed isib mument qasir ta' skiet f'ħajtu fejn ikun jista' jitrejjaq u jirrifletti minn fejn ġie u fejn sejjer, u jippjana l-kumplament tal-mixja tiegħu. Matul il-mixja tagħna ltqajna ma’ diversi pellegrini oħra, kollha mexjin lejn l-istess destinazzjoni pero kollha kemm huma jġorru l-basket ta' esperjenzi u ħsibijiet tagħhom. Tkellimna ma’ diversi pellegrini, u kif waqt il-mixja apprezzajna l-baħar, il-foresti, u l-muntanji, apprezzajna wkoll l-imħabba u r-rispett li l-pellegrini juru lil xulxin u lejn in-natura.

Kien hemm min kien saħansitra lest li jorqod barra peress li kien qed jagħmel il-mixja tiegħu akkumpanjat mill-kelb tiegħu. Din tal-aħħar urietna t-tifsira ta' mħabba mingħajr ebda kundizzjoni, imħabba li tagħti u ma tistenna xejn lura. Il-mixja li għazilna aħna kienet waħda kkaratterizzata minn diversi tlajja. Ħafna gergru u beżgħu mit-telgħat wieqfa pero’ minnufih irrealizzajna li l-niżla kienet ta' periklu akbar. F'waħda mit-telgħat kollha żrar, kien hemm il-passi fondi fiż-żrar ta' xi pellegrin li għadda qabilna. Min minna għażel li juża’ dawk il-passi, fit-telgħa bata inqas. Din fakkritna wkoll fl-umilta' li wieħed għandu jgħix biha, u li meta wieħed iħoss li għandu bżonn l-għajnuna għandu fis ifittixha. Fl-aħħar wasalna Santiago, pero’ meta nitkelmu bejnietna fuq din l-esperjenza m'aħniex insemmu biss lil Santiago imma aktar qed insemmu dak li ltqajna miegħu fi triqitna lejn dik id-destinazzjoni. Dan ikompli jsaħħaħ il-fatt li l-mixja hija importanti daqs id-destinazzjoni. Mela ejja napprezzaw kull mument ta' ħajjitna, ejja napprezzaw lil xulxin (anke dawk li mhux qrib tagħna), ejja nkunu ta' għajnuna għal xulxin sabiex pass wara pass kulħadd jasal fid-destinazzjoni tal-mixja tiegħu!

Typical Day during Camino de Santiago

Last Day of Camino de Santiago

Min ikun jixtieq iktar informazzjoni fuq il-Camino de Santiago u esperjenzi oħrajn jew jixtieq jingħaqad mal-grupp Augustinian Youths, jista’ jibgħat messaġġ fuq il-facebook Page Augustinian Youths jew jitkellem ma’ Fr Terence Spiteri osa fuq This email address is being protected from spambots. You need JavaScript enabled to view it.

Charlon Abela


Grupp ta’ 8 żgħażagħ flimkien ma’ Fr Terence Spiteri osa ser jagħmlu esperjenza differenti forma ta’ mixja twila lejn Santiago. Il-grupp ser jitlaq nhar it-Tnejn 1 t’Awwissu lejn Porto (Portugal) u minn hemm jibda l-mixja tiegħu lejn Santiago (Spanja).

Matul is-sena l-grupp kellu diversi attivitajiet li fihom mexa fit-tul bħala preparazzjoni għal dan il-mument. Lejn l-aħħar ta’ Ġunju, dawn iż-żgħażagħ għexu flimkien għal jumejn biex ikomplu jsiru jafu lil xulxin u jħejju lilhom infushom fiżikament permezz ta’ mixjiet twal fuq xulxin.

Nhar il-Ħadd 31 ta’ Lulju fl-10am ser issir quddiesa fil-Knisja ta’ San Nikola minn Tolentino, Ħal Tarxien bħala bidu għal dan il-pellegrinaġġ spiritwali lejn Santiago.


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.