Grupp ta’ edukaturi mill-Kulleġġ Santu Wistin, flimkien mar-Rettur tal-Kulleġġ tagħna fr David Cortis osa, kellhom l-opportunità li jattendu kors interessanti ħafna f’Helsinki, fil-Finlandja, flimkien ma’ edukaturi minn pajjiżi oħra Ewropej bħala parti mill-programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus+. Din l-esperjenza kienet l-ewwel u qabel kollox prova ta’ kemm il-kulleġġ tagħna qed jaħdem fi ħdan standards għoljin, peress li ġie nnutat li xi prattiċi u metodi użati fil-Finlandja, qed jiġu applikati wkoll fil-kulleġġ tagħna.

Kien evidenti li s-sens ta’ ħidma f’tim matul il-gruppi kollha tas-sena bejn l-edukaturi kif ukoll it-tim tat-tmexxija tal-kulleġġ, huwa wieħed miċ-ċwievet ewlenin għas-suċċess. L-edukaturi kollha jaħdmu flimkien biex jilħqu għan komuni, dak tal-ġid tal-istudenti tagħhom. It-titjib akkademiku tal-istudenti mhuwiex il-prijorità ewlenija fi ħdan dawn l-iskejjel. Minflok, l-attivitajiet isiru b’mod divertenti, li jinvolvu ħafna prattiċi, użu tat-teknoloġija, sports, u inizjattivi oħrajn.

Permezz ta’ dawn, il-miri stabbiliti jintlaħqu b’mod effettiv. L-importanza li tkun fiżikament attiv fuq bażi regolari, matul il-ġurnata, kienet ukoll xi ħaġa li kienet partikolarment innutata. It-tim Malti kellu esperjenza diretta ta’ dan l-aspett matul il-kors; dan irriżulta f'livelli ogħla ta' konċentrazzjoni u motivazzjoni. L-opinjonijiet u l-ideat tal-istudenti jingħataw importanza kbira fl-iskejjel Finlandiżi; minn lezzjonijiet miżmuma għal tagħmir rikreattiv fil-grawnds tal-iskola.

Bħala edukaturi ġejna lura Malta mimlijin entużjażmu u ideat ġodda li diġà qed jiġu maqsuma mal-bqija tal-komunità tal-kulleġġ, bil-ħsieb li kulħadd ikun f’sintonija u jaħdem id f’id għall-għan aħħari komuni: il-ġid tal-istudenti. L-għaqda hija s-saħħa!

 

Ms Daniela Buttigieg

Edukatriċi fil-Primarja – St. Augustine College

 



Il-Ħadd, 11 ta’ Settembru 2022, fetaħ il-187 Kapitlu Ġenerali tal-Ordni ta’ Santu Wistin, permezz tal-Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu preseduta mill-Pirjol Ġenerali P. Alejandro Moral Anton O.S.A., li qed jiġi ċċelebrat fil-Belt ta’ San Diego f’California, l-Istati Uniti.

Madwar 40 rappreżentant taċ-ċirkoskrizzjonijiet differenti tal-Ordni madwar id-dinja, qed jinġabru biex flimkien mal-Pirjol Ġenerali u l-membri tal-Kunsill Ġenerali jiddiskutu u jevalwaw il-ħajja tal-Ordni u l-impenn fl-apposolat u l-missjoni tal-Knisja. Din l-esperjenza ta’ sinodalità qed toffri opportunità ta’ riflessjoni personali u djalogu komuni partikolarment fuq it-tema tat-tiġdid tal-Ordni fil-kuntrast bejn l-ideali u l-isfidi li toffri d-dinja kontemporanja.

Il-membri kapitulari ser ikunu qed jiddiskutu dokument li jġib l-isem ‘Renovatio’ lejn programm ta’ tiġdid fl-Ordni. Id-dokument jitkellem prattikament fuq ħames temi: l-Ispiritwalita; l-Appostolat u l-Evanġelizzazzjoni; Il-Faqar u l-Ġustizzja Soċjali; il-Vokazzjonijiet; u l-Formazzjoni tal-Kandidati Ġodda. Ma’ dawn jiġu diskussi ukoll id-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-Kapitlu Ġenerali Ordinarju preċedenti li sar f’Ruma fl-2019, u temi oħra li jistgħu jiġu ppreżentati skond il-ħtieġa.

Il-Provinċja Agostinjana Maltija qed tkun rappreżentata mill-Pirjol Provinċjali P. Leslie Gatt O.S.A. li mar l-Istati Uniti biex jieħu sehem fil-Kapitlu. L-aħwa agostinjani jħeġġu biex ningħaqdu fi spirtu ta’ talb sabiex dan il-mument ikun tassew mument ta’ grazzja għall-Familja Agostinjana mifruxa f’tant pajjiżi madwar id-dinja.

 


Il-Provinċja Agostinjana Maltija tħabbar b’sogħba l-mewt ta’ P. George Bezzina li llum 30 ta Awissu 2022, mar jiltaqa’ mal-Mulej li tant ħabb u qeda matul ħajtu, fl-eta sabiħa ta’ 94 sena. F’dawn l-aħħar snin P. George kien rikoverat fid-Dar tal-Kleru Birkirkara, wara diversi snin fil-Komunita tal-Parroċċa ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta.

P. George twieled il-Għargħur fid-29 ta’ Marzu 1928 u inagħqad mal-familja Agostinjana fl-1946. Wara li temm l-istudji tiegħu kien ordnat Saċerdot fil-21 ta’ Marzu 1953. L-ewwel snin tal-ministeru tiegħu għexhom fil-Komunitajiet tar-Rabat Malta u tal-belt Victoria f’Għawdex fejn kien responsabbli mill-formazzjoni tal-Professi u aktar tard tan-novizzi Agostinjani. Fl-1961 intbagħat għal sentejn ta’ ħidma missjunarja f’La Goulette Tuneż u wara reġa lura Malta fejn kompla l-ħidma li ħalla fil-qasam tal-formazzjoni bħala surmast tan-novizzi. Fl-aħħar tas-snin sittin imbagħad intbaghat fil-kunvent tal-Belt fejn serva għal ftit snin bħala viċi-Kappillan sakemm fil-bidu tas-sebgħinijiet intbagħat fil-missjoni tal-Brażil fejn ħadem għal aktar minn ħamsa u għoxrin sena f’diversi realtajiet u responsabiltajiet. Fl-1998 imbagħad ħalla l-Brażil u inagħqad mal-komunità ta’ Annaba fl-Alġerija fejn serva għal tmien snin. Lura Malta fl-2006 inagħqad mill-ġdid mal-komunita tal-Belt Victoria Għawdex u fl-2010 beda jagħmel parti mill-Komunita tal-Belt Valletta fejn baqa sakemm fl-2018 ġie rikoverat fid-Dar tal-Kleru minħabba limitazzjonijiet ta’ saħħa.

Missjunarju għal aktar minn 35 sena, P. George serva għal diversi snin fil-Kamp tal-formazzjoni tal-istudenti Agostinjani u kellu tant għal qalbu l-ħidma għall-vokazzjonijiet ġodda. Il-funeral tiegħu ser isir għada l-Erbgħa 31 ta’ Awissu 2022 fil-Knisja Parrokkjali ta’ Santu Wistin il-Belt Valletta fid-9.30am. Qabel il-quddiesa il-ġisem ta’ ħuna P. George ser jitqiegħed fl-Oratorju tal-Madonna taċ-Ċintura għat-tislima tal-pubbliku. Id-difna ssir imbagħad fl-oqbra tal-Provinċja Agostinjana fiċ-ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata.

 Il-Provinċja Agostinjana tirrakomanda r-ruħ ta’ dan ħuna fit-talb tagħkom.


Il-Ħadd 4 ta’ Settembru il-Familja Agostinjana tiċċelebra s-Solennità ta’ Sidtna Marija Omm tal-Konsolazzjoni, padruna tal-Ordni Agostinjan. Meta snin ilu, fil-knisja u fl-Ordnijiet Mendikanti bdiet tissawwar id-devozzjoni lejn sidtna Marija, l-Ordni Agostinjan intrabat mas-simbolu antik tal-ħżiem jew kif nafuh aħna llum taċ-ċintura. Kien f’dak il-kuntest li kibret it-tradizzjoni li Marija dehret lil Santa Monika u tatha dan is-simbolu bħala sinjal ta’ faraġ hi u tiġri wara binha Wistin u tinkuraġġieh jersaq lejn Alla.

Il-liturġija tal-festa ser tiġi ċċelebrata fil-knejjes kollha Agostinjani fil-Jum propju tagħha. F’Malta l-Festa ser tiġi ċċelebrata bi programm sħiħ fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta is-Sibt 3 ta’ Settembru, u fil-Knisja ta’ San Mark ir-Rabat is-Sibt 10 ta’ Settembru. Fiż-żewġ knejjes isiru jiem ta’ preparazzjoni u pellegrinaġġ devot fil-jum tal-Festa. F’Għawdex il-Festa tiġi ċċelebrata fil-Knisja ta’ Santu Wistin fil-Belt Victoria l-Ħadd 4 ta’ Settembru filgħodu.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tal-Konsolazzjoni jew kif nafuha komunament, il-Madonna taċ-Ċintura, hija filfatt devozzjoni ferm antika f’pajjiżna u tiġi ċċelebrata wkoll f’diversi rħula u knejjes Parrokkjali partikolarment fejn jinsabu fratellanzi li jġibu isimha.


L-aħħar jiem ta’ Awwissu jġibu magħhom is-Solennita ta’ Santu Wistin Missierna li fiha l-Knisja tħares lejn il-figura ta’ ta’ dan il-qaddis kbir u tiċċelebrah fost dawk li għexu l-magħmudija tagħhom fil-milja tagħha.

Din hi s-sejħa ta’ dawk kollha li jagħmlu parti mill-komunità nisranija u li huma msejħa biex kontinwament ifittxu lil Alla flimkien u jiċċelebraw il-fidi tagħhom fil-mixja tal-ħajja ta’ kuljum. Din kienet l-esperjenza naturali taż-żgħażugħ Wistin li fittex li jimrah ma’ sħabu saħansitra fl-aktar postijiet imbegħda ‘il barra minnu nnifsu’, u magħhom ukoll qasam dak li sab: lil Alla ‘li kien jgħammar fih’. Dan hu dak li Ommna l-Knisja tistedinna naqsmu flimkien, u ngħixu f’esperjenza ta’ fidi u sinodalità li ma tkunx l-istess mingħajr is-sehem ta’ kull wieħed minna.

Il-kelma sinodu minnha nfisha tirreferi għal assemblea jew laqgħa ta’ smigħ ta’ xulxin. Allura fi kliem sempliċi, r-riflessjoni li qed tistedinna nagħmlu l-knisja bħalissa hija opportunità biex nirriflettu fuq is-sehem ta’ kull wieħed minnha, il-kontribut li kull wieħed jista’ jagħti lill-komunità, il-komunjoni ta’ bejnietna, is-smigħ, u l-attenzjoni għall-xulxin u għal dak li jagħmilna dak li aħna. F’omelija li l-Kardinal Mario Grech kien għamel f’jum is-Solennità ta’ Santu Wistin (Ruma, 2020) fejn tkellem dwar is-sinodalità, kien fakkar li “għal Santu Wistin l-idea tal-Knisja bħala komunità hija waħda inklussiva u mhux esklussiva, dejjem lesta li tilqa’, u miftuħa għal-kulħadd mingħajr distinzjonijiet jew differenzi: il-katoliċità tagħha tesprimi vokazzjoni għat-totalità.

Din hi l-esperjenza li xtaqt nipproponi għar-riflessjoni tagħna din is-sena, kemm għalina bħala aħwa reliġjużi li għadna kif għexna l-esperjenza ta’ Kapitlu Provinċjali Ordinarju li kienet mument sabih li ġabna flimkien, u anke għalina lkoll bħala Knisja li f’dawn is-snin qed tgħix mixja sinodali. Żgur li dan kollu mhux diskors ġdid, imma jeħtieġ li nibqgħu infakkruh lil xulxin. Bħala mgħammdin (u anke lilna r-reliġjużi bħala persuni kkonsagrati) huwa diskors li għandu jinterpellana aħna u nfittxu li nġeddu kontinwament lilna nfusna u l-istrutturi tagħna.

Illum ngħixu f’soċjeta li minna, aktar milli minn ħaddieħor, tistenna kredibilità u bir-raġun. Aħna skoprejna esperjenza li ġġib magħha responsabilità kbira biex ngħixuha b’mod awtentiku u aktar minn hekk biex naqsmuha mal-oħrajn. Iċ-ċelebrazzjoni tal-qdusija ta’ Santu Wistin hija sinjal ta’ tama li jum wieħed anke aħna għad inkunu qaddisin. L-esperjenza tal-flimkien hija karatteristika intrinsikament marbuta mal-identità Agostinjana tagħna u bla dubju ta’ xejn, esperjenza li s-soċjeta tant għandha bżonn.

Jalla l-komunitajiet u l-istrutturi tagħna jkunu esperjenzi żgħar ta’ sinodalita u tas-sabiħ li nkunu flimkien, li naqsmu l-esperjenza ta’ Alla flimkien u fuq kollox li nkunu xhieda tiegħu f’dak kollu li ngħamlu. Jibqa l-fatt li l-esperjenza kollha tal-‘flimkien’ ma tinbeniex jekk ma titlaqx mill-għażliet żgħar ta’ kull wieħed u waħda minna!

 

Fr Leslie Gatt osa

Pirjol Provinċjali


© 2024 agostinjani.org. All Rights Reserved.