Ankrati fit-Tama – Live-in Tagaste Youths

Fl-aħħar weekend ta’ Settembru, il-grupp Tagaste Youths organizza live-in speċjali għal dawk iż-żgħażagħ li jagħmlu parti minnu. Il-live-in, li kien immexxi bit-tema “Ankrati fit-tama”, kien esperjenza ta’ fidi u ħbiberija fejn il-parteċipanti setgħu jieqfu mill-ħajja mgħaġġla ta’ kuljum biex jirriflettu, jitgħallmu, u jsaħħu r-relazzjoni tagħhom ma’ Alla u ma’ xulxin.

Matul il-live-in, iż-żgħażagħ ħadu sehem f’diversi attivitajiet interattivi, mumenti ta’ talb u laqgħat ta’ riflessjoni li għenuhom jifhmu aktar kif nistgħu nkunu nies tat-tama fid-dinja tal-lum. Il-ħinijiet ta’ qsim ta’ esperjenzi personali u ħidma fi gruppi kienu wkoll opportunità biex kull wieħed jiskopri kif jista’ jkun dawl u faraġ għal min jinsab fil-bżonn.

Il-jiem kienu mimlija ferħ, mużika, u ħin ta’ komunità, fejn il-grupp ikkonferma kemm hu sabiħ meta ż-żgħażagħ jiltaqgħu flimkien f’ispirtu ta’ ħbiberija u mħabba lejn Alla. Il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn din l-esperjenza kien ċar: anki f’mumenti ta’ sfida jew inċertezza, il-fidi tagħtina l-ankra li żżommna sodi fit-tama tal-Mulej.

Il-grupp Tagaste Youths jiltaqa’ kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija fil-Kunvent Tagaste, Tal-Pietà, fejn kull żagħżugħ u żagħżugħa li jixtieq jersaq eqreb lejn Alla, jiskopri t-talent tiegħu, u jikber fil-fidi, huwa mistieden jingħaqad magħna.

Scroll to Top