L-ewwel Jum:
Fl-1 ta’ Settembru 2025, il-Kapitlu Ġenerali Ordinarju tal-Ordni ta’ Santu Wistin infetaħ b’Quddiesa solenni fil-Bażilika ta’ Santu Wistin f’Ruma, preseduta mill-Papa Ljun XIV. Fl-omelija tiegħu, il-Qdusija Tiegħu enfasizza fuq is-smigħ, l-għaqda u l-umiltà, u ħeġġeġ lill-membri tal-Kapitlu biex id-djalogu jkun immarkat mill-ftuħ għall-Ispirtu u r-rispett reċiproku. Il-Pijrol Ġenerali, P. Alejandro Moràl, esprima r-rikonoxxenza tiegħu lejn il-Papa, ġedded il-fedeltà tal-Ordni lejn is-Santa Sede, u enfasizza s-sejħa għall-paċi u l-komunjoni. Iċ-ċelebrazzjoni ntemmet b’laqgħat personali, kif ukoll ikla privata ma’ dawk preżenti fil-Kapitlu.
It-Tieni Jum:
Fit-2 ta’ Settembru 2025, il-jum beda b’ċelebrazzjoni Ewkaristika preseduta mill-Pirjol Ġenerali, Fr. Alejandro Moral Anton OSA, li fakkar fl-awtorità ta’ Kristu li tgħaqqad u teħles, filwaqt li qabbilha mal-qawwa diviżiva tal-ħażen. Fis-sessjoni ta’ filgħodu, l-Isqof Luis Marín de San Martín OSA offra riflessjoni dwar it-tifsira sinodali u agostinjana tal-Kapitlu, u enfasizza l-isfidi tal-kriżi u l-opportunitajiet ta’ kairos, waqt li sejjaħ għall-koerenza, kredibilità u viżibbiltà fil-ħajja reliġjuża. Huwa saħaq fuq l-importanza tas-sinodalità, il-komunjoni u l-kontribut uniku agostinjan fil-missjoni tal-Knisja, u ħeġġeġ għall-kuraġġ, ir-riforma u l-inklussività. Il-jum kompla b’adorazzjoni Ewkaristika, talb u meditazzjoni fil-kappella, u ntemm b’pellegrinaġġ lejn il-Bażilika ta’ San Pietru għal talb, rikonċiljazzjoni u riflessjoni personali.








It-Tielet Jum:
Fit-3 ta’ Settembru 2025, il-Kapitlu Ġenerali beda b’Quddiesa mmexxija minn Fr. Michael Bielecke, OSA, li kien qed jiċċelebra l-anniversarju tal-professjoni tiegħu u fakkar lill-assemblea li dawn il-mumenti jfakkruna fil-fedeltà ta’ Alla. L-aġenda tal-jum inkludiet diskors ta’ Fr. Joseph Farrell (bħala President tal-Kapitlu Ġenerali), li ħeġġeġ għal tweġiba agostinjana għall-isfidi tal-lum permezz tat-tfittxija tal-verità, il-fraternità u s-sinodalità, waqt li sejjaħ il-Kapitlu żmien ta’ grazzja u tiġdid. Saru elezzjonijiet għal karigi ewlenin tal-Kapitlu, fosthom skrutinaturi, moderaturi u membri tal-kummissjonijiet, kif ukoll l-ħatra tal-Prijur u l-Ekonomu. L-Isqof Wilder Vasquez OSA qasam l-esperjenza tal-ħajja missjunarja fil-prelatura tiegħu fil-Perù, u Mons. John Joseph Kennedy ta’ intervent sinifikanti dwar il-protezzjoni tal-vulnerabbli, waqt li saħaq fuq il-formazzjoni fil-Liġi Kanonika u aktar trasparenza mal-familji tal-vittmi. Il-jum intemm b’diskussjonijiet fi gruppi żgħar li enfasizzaw ir-responsabbiltà tal-Ordni fil-formazzjoni u l-ħarsien.
Ir-Raba’ Jum:
Fl-4 ta’ Settembru 2025, il-Kapitlu ċċelebra quddiesa f’ġieħ il-Festa ta’ Marija tal-Konsolazzjoni, fejn P. Luiz Antonio Pinheiro ħeġġeġ lill-membri biex ikunu preżenza li tagħti faraġ fid-dinja, fuq l-eżempju ta’ Marija. Is-sessjoni ta’ filgħodu kienet tinkludi rapporti mill-federazzjonijiet reġjonali, li enfasizzaw kemm l-isfidi bħan-nuqqas ta’ vokazzjonijiet, sekularizzazzjoni eċċ, kif ukoll l-opportunitajiet, fosthom programmi ta’ formazzjoni kollaborattivi u żieda fin-numru ta’ kandidati fl-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina.
Filgħaxija, diversi kummissjonijiet u organizazzjonijiet fi ħdan l-ordni ppreżentaw ix-xogħol tagħhom: Augustinians International fl-UN enfasizzaw is-solidarjetà globali; l-Istitut Patristiku esprima t-tħassib dwar in-numru ta’ studenti u l-preżenza agostinjana; u l-Fondazzjoni Agostinjana fid-dinja rrappurtat li laħqet aktar minn 250,000 benefiċjarju madwar id-dinja. L-uffiċċju tal-komunikazzjoni tal-Kurja wera wkoll l-isforzi tiegħu biex isaħħaħ l-għaqda u l-viżibbiltà, inkluż dokumentarju dwar il-ħidma missjunarja f’Tijuana. Il-jum intemm bit-talb u l-ikel flimkien.
Il-Ħames Jum:
Fil-5 ta’ Settembru 2025, il-Kapitlu beda b’quddiesa mmexxija minn Fr. Javier Barba OSA, u fakkar fil-qawwa tal-ħarsa lejn xulxin, u ħeġġeġ għat-tiġdid u t-tama fi Kristu bħala l-kejl veru ta’ kull ħaġa ġdida. Is-sessjoni ta’ filgħodu bdiet permezz ta’ rapport oħrajn: Fr. Joseph Farrell dwar id-Djar Ġenerali Internazzjonali, Fr. Edward Daleng dwar każijiet u proċeduri kanoniċi, u Fr. Franz Klein dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-Ordni. Filgħaxija, il-gruppi lingwistiċi ltaqgħu biex jiddiskutu t-temi li ġew diskussi mill-bidu tal-Kapitlu u biex jiġu identifikati l-isfidi ewlenin għas-sitt snin li ġejjin, u ppreżentaw il-konklużjonijiet tagħhom lis-Segretarjat. Il-jum intemm bi qsim ta’ aġġornamenti, fosthom dwar Kuba u l-Kunvent ta’ San Patrizju f’Ruma, u ntemm bit-talb ta’ filgħaxija u l-ikel.






Is-Sitt Jum:
Fis-6 ta’ Settembru 2025, wara l-quddiesa immexxija minn P. Kosmas Baltazar Asenga, il-membri tal-Kapitlu tal-Ġenerali inġabru fis-sala fejn qiegħed isir il-kapitlu għad-diskors ta’ tislima mill-Pirjol Ġenerali P. Alejandro Moral Anton wara 12-il sena servizz bħala Pirjol Ġenerali. Il-Kapitlu mbagħad għamel il-votazzjoni esploratorja għal Pirjol Ġenerali ġdid, b’73 reliġjuż li ressqu l-kandidati preferiti tagħhom. Filgħaxija, id-delegati żaru l-Bażilika ta’ Ommna tal-Parir it-Tajjeb f’Genazzano, fejn għamlu talb u riflessjoni quddiem il-kwadru tal-Madonna tal-Parir it-Tajjeb.