“Mingħajr ir-rikonoxximent tal-vjaġġ tar-ruħ ġewwa fina, aħna mitlufa u biss parti minn dak li kellna nkunu.”
Silta mill-ktieb The Camino: A Journey of the Spirit
Flimkien ma’ kollegi oħra, immexxija minn Fr. Terence Spiteri, OSA, dħalna fi vjaġġ li sar ħafna aktar milli konna qed nistennew jew nimmaġinaw. Il-Camino tagħna beda b’kurżità, basket fuq daharna, żarbun tat-trekking, u rotta ta’ 119-il kilometru ppjanata, li twassalna minn Tui sa Santiago de Compostela, fi Spanja. Kull persuna kellha raġuni differenti għaliex kienet hemm, u żgur li ħadd ma bassar fejn se twassalna din l-esperjenza.
Il-Piż li konna qed inġorru
Mill-ewwel laqgħa tagħna, qabel ma għamilna l-ewwel pass minn eluf, permezz ta’ qari mill-Bibbja u riflessjonijiet personali, Fr. Terence mexxiena lejn skoperta ta’ ħsibijiet u uġigħ mhux imfejjaq li lanqas konna nafu li konna qed inġorru, u mistoqsijiet li konna nibżgħu nistaqsu u nwieġbu. Kull pass, wieħed wara l-ieħor, sar stedina biex nisimgħu t-tgħaffiġ tal-weraq niexef, il-ħoss tal-għasafar ħielsa, u taż-żrinġijiet jaqbżu fl-għadajjar. Imma l-iktar ħoss qawwi kien is-skiet li normalment nippruvaw ngħattu bi ħsejjes oħra.
Ir-rabtiet ma’ pellegrini u kisbiet
Ħaġa li wieħed jista’ biss jifhem b’mod sħiħ waqt il-Camino hija r-rabta li tifforma bejn il-pellegrini. Dak il-‘Buen Camino’ mimli ferħ, tama u ħlewwa li tisma’ kull darba li xi ħadd jiltaqa’ miegħek, il-ferħ li tħoss meta għandek iċ-ċans tawgura inti wkoll il-vjaġġ tajjeb lil pellegrini oħra. Sentimenti li ma jistgħux jissarrfu fi kliem imma għandhom jinkisbu bl-esperjenza.
Kellna mumenti fejn l-uġigħ minħabba l-ġrieħi, ix-xemx eċċessiva, u l-għejja fiżika kważi ħakmuna. Imma proprju f’dawk il-mumenti, pellegrini li kienu qed jitħabtu verament biex jibqgħu jimxu, ġejjin minn kull direzzjoni tal-ħajja, b’mod misterjuż dehru quddiemna biex ifakkruna li għandna nibqgħu niġġieldu, bl-għajnuna ta’ Alla, u nemmnu li Hu dejjem jagħtina s-saħħa li għandna bżonn; qatt m’aħna waħedna.
Triq li ssaħħaħna minn ġewwa
Xi drabi mxejna waħedna, f’mumenti ta’ paċi u skiet li saru sagri. Drabi oħra dħakna flimkien u ħloqna memorji ferrieħa ġewwa qalbna. U kien hemm ukoll mumenti fejn kelma waħda, tgħanniqa, jew veduta sabiħa li żżommlok in-nifs qanqlu xi ħaġa ġewwa fina u ħarġulna emozzjonijiet mirduma. Ħelsuna mill-piż li konna qed inġorru, li kien qed iżommna lura milli ngħixu bis-sħiħ.
Mument li dejjem konna nistennew b’ħerqa: filgħaxija. Flimkien, fil-preżenza ta’ Alla, tkellimna dwar il-biżgħat, il-ġlidiet, u l-aspettattivi li ħallejna warajna, id-diskussjonijiet li kellna, u x’nixtiequ nġorru lura magħna biex nibdew il-veru Camino tal-ħajja tagħna.
Dan hu biss il-bidu
Il-passi finali tagħna wassluna sa Santiago, il-post li ppjanajna li nilħqu. Din il-linja finali hija t-tluq tal-iktar parti diffiċli: il-ħajja. Il-Camino għallimna nimxu bil-mod, nisimgħu b’attenzjoni, u napprezzaw dak kollu ta’ madwarna.
Dħalna f’dan il-vjaġġ infittxu t-tweġibiet, imma tgħallimna nfittxu u nsibu l-paċi fil-mistoqsijiet minflok ngħaġġlu biex insibu t-tweġibiet, u nħossu l-faraġ f’dak l-istat ta’ kwiet.
¡Buen Camino!
Daniela Buttigieg





