Nhar is-Sibt 24 ta’ Mejju 2025, fil-Knisja tagħna ta’ San Mark, ġiet iċċelebrata l-festa ta’ Santa Rita f’għeluq il-125 sena minn mindu Santa Rita ġiet iddikjarata qaddisa mill-Papa Ljun XIII fl-24 ta’ Mejju 1900. Din il-ġurnata tas-Sibt kienet immarkata bi tliet esperjenzi sbieħ ta’ talb u tifħir lil Alla għal kull ma għamel ma’ Santa Rita u li permezz tagħha għadu jagħmel ma’ kull min jersaq lejn din il-Qaddisa daqshekk populari.
Filgħodu l-knisja kienet mimlija b’persuni anzjani u morda għall-Ewkaristija mmexxija mill-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea Curmi. Waqt din il-Quddiesa, ġie amministrat ukoll is-Sagrament tal-Griżma tal-Morda. Filgħaxija, b’mod l-aktar solenni ġiet iċċelebrata l-Ewkaristija mmexxija mill-Provinċjal P. Leslie Gatt OSA flimkien ma’ saċerdoti oħrajn. Hekk kif spiċċat il-quddiesa, beda l-pellegrinaġġ bl-istatwa devota ta’ Santa Rita akkumpanjata minn diversi għaqdiet li jinsabu fil-Parroċċa tar-Rabat flimkien ma’ ġemgħa kbira ta’ nies li ħadu sehem waqt dan il-Pellegrinaġġ.
Mumenti sbieħ kienu dawk fejn l-istatwa ta’ Santa Rita waqqfet quddiem il-knejjes minn fejn għaddiet. Fl-aħħar ta’ dan il-pellegrinaġġ, fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja ta’ San Mark, ingħatat il-Barka Sagramentali. Din il-ġurnata tal-24 ta’ Mejju tibqa’ mfakkra b’dawn il-mumenti li għixna flimkien fir-Rabat Malta f’dan il-Jum Ġubilari tal-Qaddisa tagħna Santa Rita.
P. Raphael Abdilla OSA
Ritratti: Archdiocese of Malta, Robert Inguanez












