Inawgurazzjoni tal-Kappella tas-Sagrament fil-Knisja tal-Baħrija.

Nhar is-Sibt 1 ta’ Frar 2025, il-komunita’ tal-Baħrija, għexet mument sabiħ, meta fi tmiem il-quddiesa, ġiet inawgurata l-Kappella l-ġdida tas-Santissmu Sagrament fl-istess Knisja.

Fr Ray, li jservi ta’ Rettur f’din il-komunita’ fisser li waqt minn naħa, dan il-mument huwa ġrajja ta’ storja, għax fl-aħħar wettaqna din il-ħolma li dejjem kellna li llesstu dan il-post qaddis; hu f’qalbu, sa minn meta bdejna naħdmu fuq l-ideja nfisha, minn dejjem raha bħala ġrajja ta’ fidi u mħabba.

Biex nifhmu l-messaġġ teoloġiku u spiritwali li l-proġett tal-Kappella tas-Santissimu Sagrament kien jinvolvi, Fr Ray semma xi aspetti tiegħu.

Il-backdrop prinċipali.

Din hi magħmulha minn żewġ movimenti: (a) Hemm il-parti ċentrali – kemm bħala struttura kif ukoll fil-kulur differenti li fiha – li tagħti mportanza lit-Tabernaklu nnifsu; u hemm ukoll (b) iż-żewġ ġnub tagħha f’forma nofs tond li huma rifless tal-idejn tal-Mulej miftuħa beraħ għal kulħadd. Dawn qed jistiednu lil kulħadd jersaq lejn il-Mulej u biex miegħu nħossuna dejjem komdi. Fih tifsira wkoll il-kulur iswed tal-qiegħ – simbolu tal-art komuni tagħna u ta’ dak li ħafna drabi nsibu ruħna nterrqu fih – li dan iktar ‘l fuq imbagħad jinbidel f’abjad – simbolu tat-trasformazzjoni li l-Mulej jġib fina kull darba li nkunu miegħu u nistiednuħ f’ħajjitna.

It-Tabernaklu.

Dan naturalment jokkupa l-parti prinċipali tal-Proġett, u kulma hemm fil-Kappella  – bħar-raġġiera, l-moviment tal-anġli u l-effetti tad-dawl – inħadmu biex jaċċennaw lilu. Żammejna l-istess Tabernaklu li kellna, għalkemm ġie msewwi u mnaddaf, waqt li żidnilu parti oħra minn fuq biex ikun komplut. Fil-proċess tat-tindif, rajna li bl-ibbanjar tal-fidda, noħorġu iktar l-effett sabiħ tal-bieba tat-Tabernaklu li turi l-funtana tal-ilma ħaj…li minnha kulħadd qed jersaq biex jixrob.

Ir-Raġġiera.

Din ir-raġġiera – simbolu tad-Dawl li hu Kristu nnifsu, Hu l-Jum li l-jum iddawal – hi pjuttost kbira u maħduma b’diversi strati, bl-iskop li waqt li taf il-bidu tagħha mit-Tabernaklu nnifsu; pero’ mbagħad ir-rifless u l-effetti tagħna jmorru fuq il-ġnub tal-backdrop biex tindika li d-dawl u l-barkiet tal-Mulej jilħqu lil kulħadd. Dan l-effett imbagħad qed jiġi aċċentwat iktar bl-effett tad-dawl li nħadem fil-ġnub tal-istess backdrop u wara t-Tabernaklu.

L-Anġli.

Iż-żewġ anġli li nsibu fil-parti ta’ quddiem u fil-ġnub tat-Tabernaklu huma ta’ ġmiel enormi. Huma sbieħ bħala anatomija – rifless ta’ dawn l-ispirti adoraturi – u sbieħ iktar fil-moviment li għandhom. L-iskop prinċipali meta nħadmu l-anġli kien li dawn jintwerew (a) f’moviment ta’ żifna – (il-kelma griega hi Perichoresis…minn choreo, tiżfen u peri, madwar xulxin) – jduru u jiżfnu f’dimensjoni ta’ mħabba u ferħ mal-Mulej; (b) imtajjra…jistiednu lilna lkoll biex fil-ħajja nibqgħu nħarsu ‘l fuq; u (c) f’attitudni ta’ fidi u adorazzjoni…jżommu l-musbieħ f’idejhom…sinjal tal-fidi tagħna lejn il-Ħaruf.

L-artist li ħadem fuq din il-kappella huwa Jennings Falzon, waqt li l-Provinċjal mexxa l-quddiesa u bierek dan il-post qaddis. L-inawgurazzjoni nfisha saret f’ħin meta l-ġemgħa kollha bix-xemgħa f’idejhom laqgħu lil Ġesù Sagramentat waqt li dan ġie trasportat fit-Tabernaklu ; u wara koppja żagħżugħa ma’ wliedhom xegħlu l-musbieħ ta’ quddiem it-Tabeneraklu.

Din hi l-10 sena (2015-2025) minn kemm il-Provinċja tagħna ilha tagħti servizz pastorali f’din il-komunita’ li llum tlaħħaq it-3,000 ruħ.

Photos – Knisja Baħrija

Scroll to Top