Matul ix-xahar ta’ Lulju, kienu organizzati diversi attivitajiet mal-adolexxenti u ż-żgħażagħ biex ikomplu jsiru jafu min huma u dak li hemm fil-qalb tagħhom. Risk It! Kienet it-tema magħżula għal Tagaste Youth bi stedina qawwija biex ma jibżgħux jagħmlu pass fil-ħajja u jgħixu l-ħajja tal-fidi tagħhom b’iktar konvinzjoni. Hagan Lio! (Make your voices heard)! Frażi mill-Papa Franġisku li għamel liż-żgħażagħ u kienet l-isfida li ġiet proposta lil Augustinian Youths biex ma jibżgħux isemmgħu leħinhom u jkunu preżenza ħajja u mimlijia entużjażmu fis-soċjetà tagħna.
Esperjenzi ta’ volontarjat differenti
Augustinian Youths għamlu esperjenza differenti bi żjara fid-Dar tal-Kleru. Nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju, dawn iż-żgħażagħ animaw il-quddiesa mar-residenti f’din id-dar u wara ingħatatilhom tifkira żgħira mħejjija mill-istess żgħażagħ.
Matthew Xuereb membru mill-Augustinian Youths jaqsam magħna l-esperejnza tiegħu:
“Fid-dinja tal-lum, matul il-ħajja, saret faċli li ninsew n-nies ta’ madwarna. Tant inkunu mitlufin u għaddejin minn ħaġa għal-oħra li ninsew li hawn nies madwarna li jħossuhom waħedhom. Ninsew li hawn bosta nies, speċjalment l-anzjani, li jgħixu fi djar u residenti li ma jkollhomx kuntatt mad-dinja ta’ barra.
Iżda, fortunatament, jien flimkien ma’ sħabi tal-Augustinian Youths, kellna x-xorti li mmorru inżuru lir-residenti fid-Dar tal-Kleru, fejn iltqajna mas-saċerdoti anzjani, li jgħixu f’dan il-post. Magħhom wkoll kellna ċ-ċans li niċċelebraw flimkien il-quddies tal-Ħadd u għalaqna l-attitvità billi qassamna coasters tal-injam bħala tifkira, lill kull resident magħmulin minn kull wieħed u waħda mill-grupp tagħna b’mod personalizzat.“
Tagaste Youths offrew ftit siegħat is-Sibt 24 ta’ Lulju filgħodu billi taw sehemhom fil-proġett tal-Caritas “Itma u libbes” billi għinu fis-sorting tal-ħwejjeġ miġbura. Din kienet esperjenza differenti li kompliet tgħin lil dawn l-adolexxenti japprezzaw iktar dak li għandhom filwaqt li jagħtu kas tal-bżonnijiet tal-oħrajn.
Laqgħa ta’ formazzjoni fuq il-bidu tal-ħajja minn I See Life
Nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Lulju il-grupp I See Life magħmul minn żgħażagħ li għandhom għal qalbhom il-ħajja kien mistieden biex jaqsam l-ideat u r-riflessjonijiet tiegħu fuq il-bidu tal-ħajja. Dan kien opportunità biex l-adolexxenti u ż-żgħażagħ setgħu jistaqsu u jiddiskutu dak li jaħsbu u jemmnu.
Mumenti flimkien
Minkejja s-sitwazzjoni tal-pandemija, Augustinian Youths u Tagaste Youths kellhom l-opportunità li jgħaddu diversi siegħat flimkien permezz t’attivitajiet differenti. Tagaste Youths komplew isiru jafu lil komunità tal-Pietà billi qattgħu diversi siegħat magħhom fil-kunvent waqt l-ikel u anke f’diversi attivitajiet.
Fr Terence Spiteri osa