Is-16 il-Ħadd tas-Sena Liturġika A
Għerf 12, 13.16-19; Salm 85; Rum 8, 26-27; Mt 13, 24-43
Aqra’: Alla tagħna huwa Alla ta’ ħniena, saħħa, ġustizzja, prudenza, u paċenzja. Fin-nuqqas ta’ ħila tagħna, l-Ispirtu ta’ Alla jidħol għalina bit-talb tiegħu. Ġesu’ jispjega il-perfezzjonijiet varji ta’ Alla permezz tal-parabboli tas-Saltna.
Itlob: Ħa nħaddnu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin li hemm fina u anke fl-oħrajn. B’hekk inkunu nies li nġibu rikonċiljazzjoni magħna nfusna u mal-oħrajn.
Irrifletti: Ħafna drabi aħna nsibu ruħna imbarazzati bil-ħażin li nagħarfu li hemm ġewwa fina. Kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin jeżistu ġewwa fina. Il- ħażin fina idejjaqna u nippruvaw neqirduh. Forsi rridu nuru iktar kompassjoni magħna nfusna: ħa naċċettaw lilna nfusna kif aħna bit-tajjeb u l-ħażin li hemm fina. Jekk nagħmlu dan inkunu nistgħu mmorru quddiem Alla li l-grazzja tiegħu taħdem bħal ħmira u titrasfomana fil-milja taż-żminijiet. Tgħina wkoll nifhmu iktar u niġġudikaw inqas lill-oħrajn.
Agħmel: Ipprova irbaħ il-biża’ jew saħansitra l-mibegħda lejn min hu differenti minnek. Iddeċiedi li ma toqgħodx tinkwieta. Alla qiegħed qiegħed jieħu ħsieb Hu.