Issa li l-esperjenza ntemmet u kulħadd qed jirritorna lura għar-rutina normali tiegħu nixtiequ nesprimu l-gratitudni tagħna għal dak kollu li għaddejna minnu fit-tlett ġimgħat f’Lulju fil-Mozambik flimkien mas-Sorijiet Agostinjani. Aħna u ġejjin lura, ilkoll konna ddispjaċuti li se nħallu tant nies u esperjenzi warajna, fl-istess ħin sodisfatti li ħidmietna ħalliet tama fil-ħajjiet ta’ dawn in-nies.
Il-bini tal-Palhota, tiżbigħ f’partijiet differenti tal-iskejjel li huma mmexxija mis-sorijiet kif ukoll xi xogħol ieħor li kien hemm bżonn, kienu ħidmiet ta’ ferħ u sodisfazzjon li sebbaħna dal-postijiet fejn jitgħallmu t-tfal. Diversi drabi ltqajna mat-tfal fil-brejks, qassamna l-ikel u sellimnielhom qabel imorru d-dar. Mumenti sbieħ u sempliċi li nisslu ħafna ferħ fit-tfal. Kellna wkoll iċ-ċans niltaqgħu maż-żgħażagħ tad-djoċesi u l-Erbgħa 24 ta’ Lulju filgħaxija ċċelebrajna l-quddiesa flimkien. Kien mument sabiħ tara tant żgħażagħ flimkien jiċċelebraw il-fidi tagħhom.
Is-Sibt filgħodu għinna lis-sorijiet iqassmu l-ikel u l-ħwejjeġ lill-ommijiet single li għandhom tarbija. Permezz tad-donazzjonijiet tagħkom, din hi ħaġa li s-sorijiet jagħmlu kull nhar ta’ Sibt, biex jgħinu lil dawn l-ommijiet kif jistgħu. Għalhekk grati wkoll li sibna lilkom ta’ sapport u għajnuna mhux biss bil-flus imma bit-talb tagħkom.
Grati għall-komunità li laqgħetna b’tant ferħ, imħabba u paċi, b’mod kontinwu. Il-komunità ta’ Imhambane hi waħda li se tibqa’ f’qalbna u talbna. L-aħħar jumejn kienu mumenti emozzjonali ħafna fejn sellimna lit-tfal, l-għalliema u ż-żgħażagħ kollha li ltqajna magħhom.
Grati għas-Sorijiet Agostinjani li qed jagħmlu xogħol kbir ma’ dawn il-familji, xogħol li ma jidhirx imma li jagħmlu b’ħafna ferħ u mill-qalb. Nafu li dak li ħallejna warajna, qed jieħdu ħsiebu s-sorijiet b’paċenzja kbira u b’ħafna dedikazzjoni.
Grati lejn Fr Mario, li hu l-moħħ wara dan is-Segretarjat u wara l-ħidma kollha li ssir mal-foqra f’dan il-pajjiż. Nirringrazzjawh li tana din l-esperjenza u għixniha flimkien miegħu b’ħafna paċenzja li kellu jieħu bina, b’mod speċjali biex jitraduċielna l-lingwa. Nirringrazzjaw ukoll lis-Segretarjat tal-Missjonijiet Agostinjani tal-għajnuna u s-sostenn tiegħu matul din l-esperjenza, kemm fil-preparazzjoni kif ukoll matul iż-żmien li konna l-Mozambik.
Finalment aħna grati lejn Alla, li tana din l-opportunità li nesperjenzaw l-ispirtu tiegħu f’kull persuna li ltqajna magħha u f’kull esperjenza li għaddejna minnha. Inħeġġu biex żgħażagħ oħra ma jibżgħux jagħmlu din l-esperjenza li se sservi biex jagħrfu s-sbuħija tal-ħajja u tal-persuni li jiltaqgħu magħhom filwaqt li jikbru f’ħafna valuri sbieħ.
Roberto D’Amato
f’isem il-grupp Amigos
Għal iktar informazzjoni fuq l-esperjenzi missjunarji għas-sajf li ġej 2025 tista’ tikkuntattja lil fr Mario Abela osa fuq 79255936 jew lil fr Terence Spiteri osa fuq [email protected] jew tidħlu fil-facebook/instagram Amigos jew Augustinian Youths.