L-esperjenza tagħna bdiet 9 xhur qabel ma tlajna lejn il-pajjiż sabiħ tal-Kenja. F’Malta, ippjanajna diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi biex niġbru flus għall-missjonijiet Agostinjani ta’ Amigos fl-Afrika. Kellna għadd ta’ laqgħat u live-in matul dan iż-żmien bi tħejjija għall-missjoni tagħna flimkien.
Malajr wasal iż-żmien li ntiru xi 2,900 mil lejn il-Kenja. Ladarba wasalna, kien impossibbli li ma tħobbx il-Kenja. In-natura kienet mill-isbaħ. Barra minn hekk, il-Kenjani kienu edukati ħafna, akkoljenti u ospitabbli mmens. Il-fidi tagħhom kienet ukoll mill-aqwa. Tassew kienu jafu jiċċelebraw quddiesa! Il-kant u ż-żfin kollu kien tant tar-ruħ li dejjem tohrog bi tbissima fuq wiċċek.
Il-missjonijiet ewlenin tagħna f’Kisumu, Ishiara u Mbwiru kienu li nibnu djar għall-familji fil-bżonn. Familja waħda minn dawn kellha bżonn dar ġdida ghax id-dar preċedenti tagħhom kienet qed tiġġarraf minħabba l-għargħar. L-għargħar kultant kien tant ħażin li kellhom jorqdu fuq siġra!
Familja oħra kienet tikkonsisti f’omm u 3 itfal kollha jorqdu flimkien f’dar żgħira ħafna tal-landa. Il-missier miet milux u peress li t-tfal qed jikbru, kellhom bżonn spazju akbar fejn jgħixu. Qalbna kienet mimlija sodisfazzjon u imħabba li naraw dawn id-djar jiehdu l-forma. Il-familji rreċiprokaw bi gratitudni bla limitu.Meta ma konniex qed nibnu d-djar, konna qed nagħtu l-ikel lil uħud mill-ifqar tal-post u nżuru tfal tal-iskola. Fl-iskejjel ġejna milqugħa bl-aktar modi sabiħ li tista’ timmaġina, kienu jkantawlna u jiżfnulna. Uħud mit-tfal anke raw nies bojod għall-ewwel darba f’hajjithom!
Kollox ma’ kollox kienet esperjenza indimentikabbli u ha ngorru dejjem maghna l-gratitudni lejn dawk ta’ madwarna u għal dak kollu li ġejna mbierkin bih f’ħajjitna.
Mariana Grima